Is-sistema elettorali u l-co-options

Fil-gazzetti u fil-media soċjali bħalissa għaddejja spekulazzjini dwar x’ser jiġri biex jimtela s-siġġu Parlamentari battal wara ir-riżenja tat-Tabib Silvio Grixti, Membru Parlamentari f’isem il-Partit Laburista.

Diġa kelli l-opportunità, kważi sena ilu, nikkummenta fuq il-co-option ta’ Oliver Scicluna, baħbuħ, li flimkien ma oħrajn sab ruħu l-Parlament mibgħajr s’issa qatt ma ikkontesta elezzjoni.

Il-co-options li saru f’din il-leġislatura, fil-parti l-kbira tagħhom, huma abbuż tas-sistema. L-unika co-option ġusta kienet dik ta’ Kevin Cutajar li daħal fil-Parlament flok l-MP Għawdxi David Stellini. Imma anke hawn għal ftit għax il-PN mhux lilu ried jippreżenta għall-co-option, imma kellu jbaxxi rasu minħabba rewixxta li kien hemm fil-Partit.

Għal darba oħra ħadd ma tefa in-nomina għall-by-election. Issa “skond ir-regoli” il-partit jagħmel li jrid.

Ilna ngħidu, u dejjem ikun iktar ċar minn qatt qabel li hemm bżonn ta’ tibdila mill-qiegħ tas-sistema elettorali. S’issa, kull ma kellna ftit traqqiegħ ‘l hawn u ‘l hemm. Għall-PLPN is-sistema elettorali hi tal-lastku, tiġġebbed kemm hemm bżonn biex taqdi l-ħtiġijiet tagħhom. It-tnejn li huma ġebbdu kemm felħu fis-sistema sakemm qdiethom. L-unika ħaġa li ma jridux jagħmlu hu t-tibdil meħtieg biex din tkun ġusta.

Lil hinn minn Oliver

Lill-Oliver Scicluna ftit nafu. Segwejtu jaħdem mill-bogħod u għandi rispett u ammirazzjoni lejh bħala persuna kif ukoll għad-dedikazzjoni tiegħu għal dak li jemmen fih.

Il-co-option tiegħu fil-Parlament imma hi abbuż sfaċċjat tas-sistema. Kif kienet abbuż il-co-option ta’ bosta oħrajn: ta’ Adrian Delia, ta’ Bernard Grech, ta’ Miriam Dalli, ta’ Clyde Caruana u anke ta’ Joseph Muscat innifsu fl-2008.

Hu abbuż li ħadd ma ikkontestah sal-lum. Kien hemm mumenti meta dan kien fix-xifer li jsir meta l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jikkoptja lil Jean Pierre Debono meta irriżenja David Stellini, MP għal Ghawdex.

Dakinnhar, b’mod sfaċċat, l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jkun co-opted Jean Pierre Debono flok Kevin Cutajar.

Kevin Cutajar kien kandidat fuq Għawdex, imma Jean Pierre kien qed jistenna ringrazzjament talli ċeda is-siġġu tiegħu fuq Ħaż-Żebbuġ biex daħal Adrian Delia fil-Parlament. Delia, ovvjament, ma setax jirringrazzja lil Jean Pierre billi jagħmlu ambaxxatur, bħalma Joseph Muscat kien għamel lil Joseph Cuschieri, anke jekk snin wara!

Kull kandidat ikun urtat jekk wara li jkun aċċetta l-inkonvenjent li jikkontesta elezzjoni u ma jitlax, wara, kif titfaċċa opportunità fid-Distrett tiegħu jitfaċċa xi ħadd minn barra d-distrett biex itellfu anke dik l-opportunità. Il-każ ikun agħar jekk min jitfaċċa l-anqas biss ikun qagħad iħabbel rasu biex jikkontesta elezzjoni. Bħal Oliver, bħal Adrian, bħal Bernard, bħal Clyde u bħal Joseph.

Il-co-options li jsiru b’dan il-mod hu abbuż tas-sistema u għandhom jispiċċaw. Din il-kitba mhiex kritika ta’ Oliver imma tal-partiti li qed jabbużaw mis-sistema.