L-iżball tal-Ministru George Vella

George Vella 5

George Vella hu persuna valida. Għandu l-ideat tiegħu. Ħadem favur tagħhom biex jara politika aħjar. L-affarijiet mhux dejjem ġew kif xtaq. Għandi kull rispett lejh. Diġa ktibt dwaru xi drabi oħra fuq dan il-blog.

Fl-intervista riċenti li kellu fuq is-CNN, George Vella bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin qabad il-problema tal-immigrazzjoni irregolari minn sieqha.

Il-kundizzjonijiet fil-kampijiet tal-immigranti huma fatt. Ir-rewwixti f’dawn il-kampijiet huma fatt ukoll. Pero’ dawn m’humiex il-problema.

Il-problema hi waħda: sempliċi u ikkumplikata fl-istess ħin.

Ir-regoli interni tal-EU magħrufa komunement bħala l-Konvenzjoni ta’ Dublin, jew Dublin II wara xi emendi żgħar li kienu sarulha, ma jippermettux illi refuġjat jiċċaqlaq mill-pajjiż tal-EU li fih ikun niżel l-ewwel darba. Biex dawn ir-regolamenti jinbidlu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Gvernijiet membri tal-EU.

Biex jitnaqqas il-piż minn fuq Malta, Lampedusa (u l-Italja), kif ukoll minn fuq pajjiżi oħra li jkunu effettwati minn żmien għal żmien jeħtieġ li dawn ir-regoli ta’ Dublin jinbidlu.

Il-Ħodor Ewropej (European Greens), wara diskussjoni interna li fiha Alternattiva Demorkatika tat kontribut kbir jaqblu li dawn ir-regoli għandhom jinbidlu u dan biex tkun iffaċilitata l-qsim tar-responsabbilta’ (responsibility sharing) bejn il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropeja.

Martin Schultz, il-Kandidat Soċjalista għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropeja iddikjara diġa li jaqbel ma dan.

Imma l-Gvernijiet Ewropej għadhom ma qablux.

X’għamel George Vella biex ta’ l-inqas jikkonvinċi lill-Gvernijiet immexxija mis-Soċjalisti?

Din hi l-probelma reali Dr Vella. Mhux aħjar tmidd għonqok għax-xogħol?

Naf li iebsa ħafna. Imma hi l-unika triq. Dejjem aħjar mill-paroli vojt u bla sens.

Advertisements