Busuttil fuq il-passi ta’ Gonzi : għan-niżla

Gonzi.Busuttil 2

 

F’diskors riċenti Simon Busuttil qal li hu bniedem differenti. M’għandux x’jaqsam mal-predeċessuri tiegħu. Qalilna li għandu ideat differenti għax iħares il-quddiem wara li tgħallem mill-iżbalji tal-passat.

Fost l-iżbalji tal-passat hemm il-posizzjoni ta’ Lawrence Gonzi li sfida l-vot tar-referendum favur id-divorzju.  Hemm ukoll il-posizzjoni inumana li l-Gvern Nazzjonalista immexxi minn Lawrence Gonzi ħa kontra t-transesswali. Dwar dan kien għamel apoloġija Mario de Marco għan-nom tal-PN.

Minn dan kollu l-PN ma tgħallem xejn. Għax kuntrarju għal dak li qal Simon Busuttil, taħt it-tmexxija ta’ Busuttil innifsu l-PN ma ivvutax favur il-Liġi li introduċiet l-Unjoni Ċivili. Busuttil baqa’ miexi fuq l-istess passi ta’ Gonzi, jisfida ir-raġuni u s-sens komun.

Il-lum f’artiklu (b’mod ironiku intitolat The Right Man for the Job) miktub minn Frank Psaila  li sal-elezzjoni ta’ Marzu 2013 kien Direttur Informazzjoni tal-PN, Busuttil ġie għal darba oħra ikkritikat b’dan l-iżball. Żball li iktar kmieni f’dan il-blog jiena iddeskrivejtu bħala wieħed li mhux ser jintesa.

Jekk hux the right man for the job jew le, ma jinteressanix. Li hu ċar pero hu li m’hemmx differenza minn ta’ qablu.  Miexi fuq il-passi ta’ Gonzi: għan-niżla (jekk hu possibli li tinsel iktar l-isfel).

Deċiżjoni ħażina li ħadd m’hu ser jinsa

gay-pride-1009-1280x960

Bħalissa ħerġin l-istejjer dwar x’seta ġara biex il-Partit Nazzjonalista wasal għal deċiżjoni li jastjeni fil-votazzjoni finali li saret il-Parlament dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili bejn koppji tal-istess sess.

Hu ovvju li fil-PN hemm opinjonijiet li jikkuntrastaw. Minn iva sal-le. Min irraġuna b’dan il-mod minħabba dak li jemmen u min għal raġunijiet ta’ strateġija politika.

Jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari li jastjeni hi deċiżjoni ħażina u l-PN ser ikollu jġorr il-piz politiku ta’ din id-deċiżjoni għal snin twal. Bħalma għamel meta fis-snin 40, meta ivvota kontra d-dritt li l-mara tkun tista’ teżerċita d-dritt tal-vot.

Ħadd m’hu ser jinsa l-posizzjoni politika li ħa l-PN. Fl-aħħar ħadd m’hu ser jiftakar ir-raġunijiet għalfejn il-PN astjena. Imma kulħadd ser jiftakar li fis-siegħa tal-prova l-PN ma kienx hemm, ma ivvutax favur il-Liġi tal-Unjoni Ċivili .

Għax id-drittijiet tal-gays huma drittijiet tal-bniedem ukoll.