Riflessjoni, wara l-massakru ta’ Pariġi

eiffel peace symbol

 

It-total tal-vittmi qiegħed jiżdied. Fil-ħin li qed nikteb, in-numru ta’ mejtin huwa ta’ 129,  b’352 feruti, 99 minnhom gravi ħafna.

Dan hu t-tieni massakru f’ Pariġi: l-ieħor seħħ f’Jannar.

Sebgħa mit-terroristi nvoluti huma mejta, it-tmien wieħed kif ukoll numru ta’ persuni assoċjati magħhom huma preżentment imfittxija.

L-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa kien wieħed simboliku: kien attakk fuq il-valuri li Franza u Pariġi jirrappreżentaw. L-attakk seħħ fl-istess żona li fiha hemm l-uffiċini ta’ Charlie Hebdo [il-mira tal-attakk l-ieħor f’Jannar] kif ukoll infirex fiż-żona li fiha jsiru id-dimostrazzjonijiet Pariġini.

Ilkoll kemm aħna ixxukkjati b’dak li ġara. Avolja minn dak li nisimgħu ilna nistennew dan it-tip ta’ inċident.

Franza iddikjarat stat ta’ emergenza. F’Malta ġie estiż is-sospensjoni tar-regoli tas-Schengen biex dan issa jibqa’ sejjer sa wara li jintemm is-Summit taċ-CHOGM.

L-attakk fuq il-moviment ħieles tal-persuni fiż-żona Schengen ilu li beda. Intensifika mal-mewġa kurrenti ta’ migrazzjoni mis-Sirja. Wara Pariġi bla dubju dan l-attakk ser ikompli jintensifika.

L-ikbar rebħa tat-terroriżmu jkun jekk jirnexxielu jnissel il-biża’ fit-tul. Biża’ li jekk isseħħ tkompli tnaqqar it-tolleranza u s-solidarjetà.

Bla dubju jeħtieġ li noqgħodu attenti, kemm aħna ċ-ċittadini, imma iktar minnha l-awtoritajiet. Huwa neċessarju imma li ma nħallux il-biża’ tirkibna għax bħala konsegwenza ningħalqu f’gaġġa.

Huwa żmien ta’ riflessjoni favur il-paċi u s-solidarjetà, il-messaġġ ta’ Jean Julie il-karikarturista li pinġa l-karikatura riprodotta hawn fuq.

Il-vjolenza ma tiġġielidiex bil-vjolenza iżda bid-disponibilità ta’ kull wieħed minnha favur il-paċi u bit-tixrid ta’ kultura ta’ solidarjetà. Dan mhux faċli meta qed ngħumu f’baħar ta’ indifferenza. Inċidenti bħal dan jixxokkjawna, imma forsi jġibu lil uħud f’sensihom u jgħinhom biex inaqqsu l-indifferenza għas-sofferenzi madwarna.

Eiffel lights the way

ippubblikat fuq iNews, it-Tnejn 16 ta’ Novembru 2015

CHOGM 2015 : b’rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem

Joseph Muscat with Mahinda Rajapakse .Sri Lanka Nov 2013 CHOGM 2013 Sri Lanka

Waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Commonwealth li saret il-ġimgħa l-oħra ġo Colombo fis-Sri Lanka sar magħruf li l-Mauritius irtira l-istedina tiegħu biex il-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth issir fil-Mauritius.

Malta fiċ-ċirkustanzi offriet li l-laqgħa issir ġo pajjiżna. L-istedina ġiet milqugħa.

Il-mistoqsija hi: għalfejn ġiet iritirat l-istedina tal-Mauritius biex dan il-pajjiż jorganizza ic-CHOGM (Commonwealth Heads of Government Meeting) fl-2015?

Ir-risposta issiba fil-media internazzjonali.

Il-Kapijiet tal-Gvern tal-Mauritius, il-Kanada u l-Indja ma marrux għas-Summit tac-CHOGM fis-Sri Lanka l-ġimgħa l-oħra minħabba l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Għalhekk ukoll il-Mauritius irtira l-istedina tiegħu  biex il-laqggħa taċ-CHOGM fl-2015 issir fil-Mauritius.

Il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay ilha minn Settembru tinsisti mal-Gvern ta’ Sri Lanka biex issir investigazzjoni serja dwar l-abbużi li seħħew fi Sri Lanka.

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron li l-ġimgħa l-oħra attenda għas-summit fi Sri Lanka ħa posizzjoni iebsa fuq ir-record tad-drittijiet tal-bniedem tal-Gvern tas-Sri Lanka.

Il-lista hi twila u tinkludi tortura, nies li nqatlu jew li sparixxew,  intimidazzjoni ta’ ġurnalisti,  stupru …..

F’diskors li għamel f’Colombo l-ġimgħa l-oħra David Cameron wissa’ li jekk is-Sri Lanka mhux ser tiċċaqlaq, ir-Renju Unit ikun kostrett li jitlob lill-Ġnus Magħquda biex tibda investigazzjoni.

F’dan il-kuntest minnflok ma appoġġat il-posizzjoni tal-Mauritius Malta offriet li tieħu postha u dan mingħajr l-ebda konsiderazzjoni għat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka.

Ma nafx meta ser jasal iż-żmien li Malta jkollha politika barranija mibnija fuq il-valuri, fosthom tar-rispett lejn id-dinjita’ tal-bniedem.

Qed nippretendi wisq?

Ippubblika fuq iNews : it-Tlieta 19 ta’ Novembru 2013