Sandro favur l-ambjent

sandro chetcuti

Hekk qalilna l-bieraħ f’kumment li ta lis-Sunday Times dwar l-applikazzjoni tal-Lidl għal supermarket ieħor, din id-darba mal-bypass ta’ B’Kara.

Ovvjament emmen jekk trid.

Għax issa hi moda li kulħadd jitkellem favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.  Imma eżattament dwar x’jifhmu b’dan kollu, dik storja oħra.

Għax, fi kliem li jifhmu kulħadd, l-iżvilupp ikun sostenibbli meta jħares fit-tul. L-iżvilupp ikun sostenibbli meta jassigura li d-deċiżjonijiet li nieħdu illum ma jorbtux mażra m’għonq il-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Għax huwa neċessarju li anke l-ġenerazzjonijiet ta’ għada jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa għalihom.

Fi ftit kliem l-iżvilupp ikun sostenibbli meta id-deċiżjonijiet tal-lum iżommu għada ukoll quddiem għajnejhom.

Fid-dawl ta’ dan nistgħu ngħidu bla tlaqlieq li l-politika tal-iżvilupp tal-art f’Malta hi kollox minbarra sostenibbli. Din mhiex qed ngħidha  illum, ilha ngħidha is-snin. Għax fis-sustanza m’hemmx differenza dwar dan bejn il-partiti politiċi li huma preżentement rappreżentati fil-Parlament.

Għax mhux Sandro biss hu favur l-ambjent. Anke Joseph u Simon jgħidu dan.

Ovvjament emmen jekk trid!

_________________

ara ukoll fuq dan il-blog il-kitbiet dwar l-iżvilupp sostenibbli li ġew ippubblikati fl-2015:

22 ta’ Frar 2015 : Harvesting Rainwater.

8 ta’ Marzu 2015 : The politics of Sustainable Development.

7 ta’ Ġunju 2015 : Addressing the environmental deficit.

23 ta’ Lulju 2015 : Nature provides solution.

9 t’Awwissu 2015 : Sustainable Development Goals: beyond rhetoric.

 

Sandro jrid idaħħaq

Sandro jizfen

 

Sandro Chetcuti, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi qed jgħid li l-iżviluppaturi jidhrilhom li l-ikbar ostaklu għall-iżvilupp huma l-għaqdiet ambjentali.

Apparti li Sandro mhux korrett fl-għażla tal-kliem li uża, dak li qal hu l-ikbar ċertifikat li jista’ jagħti lill-għaqdiet ambjentali. Għax fil-prattika, dak li qal Sandro jfisser ħaġa waħda: il-partiti politiċi fil-Parlament huma innewtralizzati, u li l-għaqdiet ambjentali qed jagħmlu dmirhom.

Qed ngħid li Sandro mhux korrett fl-għażla tal-kliem u dan għax il-mira tal-għaqdiet ambjentali m’huwiex l-iżvilupp iżda l-abbuż u miegħu l-iżvilupp li mhux sostenibbli.

Malta tagħna lkoll

Malta taghna lkoll

 

Tal-Labour Party ħelwin.

Jgħidulna li Malta tagħna lkoll.

Iżda ma qalulniex għaliex lesti li jħallu lil min jisraq biċċa minn Malta li hi tagħna ilkoll iżomma għalih. Fil-fatt is-serq tal-art biex fuqu inbnew il-boathouses tal-Armier tal-Labour Party iberkuh. Għal-Labour Party l-Armier fejn insterqet l-art m’hiex tagħna ilkoll, iżda tagħhom biss!

Ma qalilniex kif tista’ tkun Malta tagħna ilkoll imbagħad il-Labour Party jivvota favur li Bertie Mizzi jieħu f’idejħ (b’tender s’intendi) Manoel Island.

Mal-ambjentalisti ħafna kliem ħelu dwar kemm taħraqhom qalbhom għall-ambjent. Imma meta jkunu ma’ dawk li jiżviluppaw l-art, jitkellmu b’mod differenti. Iktar jitkellmu dwar kemm il-MEPA qed iżżomm l-iżvilupp lura. Ħalluna naħdmu, qalilhom Sandro Chetcuti!

Malta tagħna lkoll. Bil-kliem iva. Iżda bil-fatti ħaġa oħra.

Magħna taf fejn int!

Ħalluna naħdmu ………ħalluna ngħixu

Ħalluna naħdmu.

Hekk qal l-iżviluppatur Sandro Chetcuti waqt laqgħa organizzata man-nies tan-negozju mill-Partit Laburista. Dan hu slogan li qed jintuża issa biex ifisser ġlieda kontra l-burokrazija. Fost oħrajn kontra l-hekk imsejħa burokrazija fil-MEPA.

Qalulna li fil-Ġermanja permess ta’ żvilupp joħroġ fi tlett xhur iżda f’Malta jieħu ta’ l-inqas tmien xhur.

Li ma qalulniex li f’Malta l-industrija tal-bini tħalliet għal snin sħah tagħmel prattikament dak li trid. Bil-konsegwenza li presentement hawn iktar minn 70,000 post residenzjali vojt. Dawn il-postijiet vojta huma ekwivalenti għal 9 darbiet daqs iż-żona residenzjali ta’ B’kara.

Ma qalulniex li minkejja l-attaparsi kontrolli l-MEPA ħarġet permessi li qatt ma kellhom joħorġu.

Il-Lidl ta’ Ħal Safi inbena bħala riżultat ta’ permess ta’ żvilupp li qatt ma kellu joħroġ. Tant li wara li l-Uffiċjal tal-Verifika (Audit Officer) tal-MEPA fi Frar 2008 ikkonkluda l-investigazzjoni tiegħu kienet irreżenjat il-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp.

Il-Lidl ta’ Ħal-Luqa mhux biss nbena f’żona li ma kienx permess li jsir dan il-bini talli l-parkeġġ tiegħu qiegħed sitwat taħt l-aħħar parti tal-flight path għall-mitjar internazzjonali ta’ Malta. Jiena infurmat li waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fis-sit tal-Lidl f’Ħal-Luqa minħabba l-jib tal-krejnijiet li kien hemm fil-parking area l-aċċess għall-mitjar ingħalaq għal xi ħin. Huma u neżlin l-ajruplani tant ikunu fil-baxx meta jkunu fuq il-parkeġġ tal-Lidl ta’ Ħal-Luqa li kien hemm periklu serju ta’ inċident minħabba dawn il-krejnijiet.

Il-problemi konnessi mal-MEPA huma is-swaba politiċi li hemm fiha l-ħin kollu. Ir-riforma tal-MEPA ma indirizzatx l-iżjed element essenzjali u ċjoe kif jinħatru dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dwar dan Alternattiva Demokratika fil-manifest elettorali li ser tippreżenta għall-elezzjoni ġenerali li għandna wara l-bieb ser terġa’ tipproponi soluzzjoni li lill-politiku toħorġu l-barra mill-proċess li permezz tiegħu preżentement qiegħed involut direttament fid-deċiżjonijiet u minflok issaħħaħ ir-rwol tiegħu (tal-politiku) fejn tidħol is-sorveljanza.

Il-MEPA għandha rwol importanti. Sfortunatament m’hiex titħalla taqdi dan ir-rwol. Tkun tista’ taqdi dan ir-rwol meta jinħatru persuni kapaċi fit-tmexxija tal-MEPA. Dawn il-persuni jeħtieġ li jkunu disponibbli biex kontinwament jagħtu kont ta’ egħmilhom. Ir-rwol tal-MEPA mhux biss li toħroġ jew iżżomm il-permessi tal-iżvilupp. Fuq kollox għandha l-obbligu li fid-deċiżjonijiet tagħha u permezz tagħhom tassigura li l-kwalita’ ta’ ħajja li ngħixu lkoll kemm aħna titjieb.

Biex dan ikun jista’ jsir il-MEPA trid trabbi is-snien mal-Gvern u l-awtoritajiet pubbliċi. (Għax fost l-agħar deċiżjonijiet tal-MEPA hemm dawk fejn huwa involut il-Gvern: il-power station f’Delimara, il-Freeport f’Birzebbuga, l-impjant tal-iskart ta’ Sant’ Antnin f’Marsaskala……) Meta dan ikun jista’ jsir, imbagħad  ikun possibli li jingħad li l-MEPA qed taqdi l-missjoni tagħha.

Ħalluna ngħixu!