Is-sospensjoni ta’ Victor Vella minn editur ta’ L-Orizzont u it-Torċa hi ta’ tħassib. Mhux biss għax tikkonċerna ġurnalist ewlieni fil-pajjiż, imma ukoll minħabba is-segretezza li hemm dwar x’inhuma r-raġunijiet li wasslu għal dan il-pass.
Qed jingħad li s-sospensjoni seħħet bħala riżultat tal-pressjoni dwar il-linja editorjali mħaddna mill-gazzetti immexxija minn Vella, liema pressjoni jidher li saret mill-Gvern Laburista immexxi minn Robert Abela. Il-Gvern ta’ Abela qed jingħad li nsista li tinbidel il-linja editorjali progressiva ta’ Vella li kienet qed tesponi każi soċjali diversi. Il-Gvern ta’ Abela, jingħad li kien qed jilmenta li l-linja editorjali ta’ Vella kienet qed toskurah.
Il-GWU, sid il-gazzetta ċaħdet dan kollu. Anzi, qalet li hi qed tiddefendi lill-istess Vella quddiem il-Management tal-Union Print li tmexxi l-gazzetti!
Dan kollu jiena ma nifhmux, għax il-Union Print hi tal-General Workers Union stess u fil-fatt Victor Carachi, president tal-GWU hu l-uniku Direttur reġistrat tal-Union Print kif jidher fl-informazzjoni li hemm aċċessibli fir-reġistru tal-kumpaniji.
Il-GWU għandha ħafna x’tirrispondi dwar dan kollu.