CHOGM 2015 : b’rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem

Joseph Muscat with Mahinda Rajapakse .Sri Lanka Nov 2013 CHOGM 2013 Sri Lanka

Waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Commonwealth li saret il-ġimgħa l-oħra ġo Colombo fis-Sri Lanka sar magħruf li l-Mauritius irtira l-istedina tiegħu biex il-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth issir fil-Mauritius.

Malta fiċ-ċirkustanzi offriet li l-laqgħa issir ġo pajjiżna. L-istedina ġiet milqugħa.

Il-mistoqsija hi: għalfejn ġiet iritirat l-istedina tal-Mauritius biex dan il-pajjiż jorganizza ic-CHOGM (Commonwealth Heads of Government Meeting) fl-2015?

Ir-risposta issiba fil-media internazzjonali.

Il-Kapijiet tal-Gvern tal-Mauritius, il-Kanada u l-Indja ma marrux għas-Summit tac-CHOGM fis-Sri Lanka l-ġimgħa l-oħra minħabba l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Għalhekk ukoll il-Mauritius irtira l-istedina tiegħu  biex il-laqggħa taċ-CHOGM fl-2015 issir fil-Mauritius.

Il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay ilha minn Settembru tinsisti mal-Gvern ta’ Sri Lanka biex issir investigazzjoni serja dwar l-abbużi li seħħew fi Sri Lanka.

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron li l-ġimgħa l-oħra attenda għas-summit fi Sri Lanka ħa posizzjoni iebsa fuq ir-record tad-drittijiet tal-bniedem tal-Gvern tas-Sri Lanka.

Il-lista hi twila u tinkludi tortura, nies li nqatlu jew li sparixxew,  intimidazzjoni ta’ ġurnalisti,  stupru …..

F’diskors li għamel f’Colombo l-ġimgħa l-oħra David Cameron wissa’ li jekk is-Sri Lanka mhux ser tiċċaqlaq, ir-Renju Unit ikun kostrett li jitlob lill-Ġnus Magħquda biex tibda investigazzjoni.

F’dan il-kuntest minnflok ma appoġġat il-posizzjoni tal-Mauritius Malta offriet li tieħu postha u dan mingħajr l-ebda konsiderazzjoni għat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka.

Ma nafx meta ser jasal iż-żmien li Malta jkollha politika barranija mibnija fuq il-valuri, fosthom tar-rispett lejn id-dinjita’ tal-bniedem.

Qed nippretendi wisq?

Ippubblika fuq iNews : it-Tlieta 19 ta’ Novembru 2013

Il-Posta ……………. fil-Kanada

 

  

 

Il-Posta fil-Canada ippubblikat l-ewwel rapport tagħha dwar ir-responsabbilta soċjali. Dan ir-rapport huwa intitolat Acting Responsibly. Social Responsibility Report 2007.

Huwa rapport importanti għax fil-qasam tas-settur pubbliku ftit hemm rapporti ta’ din ix-xorta.

Bħal kull CSR (Corporate Social Responsibility) report ieħor dan ir-rapport ifittex jispjega kif l-operat tal-Posta fil-Canada qed jaġixxi biex ikollu impatti soċjali u ambjentali pożittivi. Ir-rapport ifittex li janalizza l-ħidma tal-posta Kanadiża fid-dawl tal-prinċipji tas-sostenibilita’: ċjoe li l-ħidma tal-posta m’għandiex tkun biss waħda vijabbli ekonomikament iżda għandha tfittex ukoll il-ġid soċjali tal-komunita’ li fiha hi preżenti, kif ukoll li għandha tassigura li l-impatti ambjentali tagħha jkunu l-minimu possibli. Ir-rapport jittratta ukoll materji ta’ etika.

Bħal kull CSR report ieħor dan ir-rapport tal-Posta Kanadiża jikkonsidra kemm l-operat intern tal-posta innifisha, il-mod kif taħdem u kif tittratta l-impjegati tagħha (saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol, relazzjonijiet industrijali), il-policy interna ta’ whistleblowing   bħala deterrent għal abbużi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien, il-politika dwar id-diversita’ fuq il-post tax-xogħol, ir-rispett lejn id-drittijiet umani kif ukoll dak li jissejjaħ disability management, jiġifieri l-mod kif fuq il-post tax-xogħol il-posta Kanadiża tfittex li tgħin lil min iweġġa’ jew ikollu disabilita u per konsegwenza ma jkunx jista’ jagħmel ix-xogħol kollu normali tiegħu.

Filwaqt li jitkellem dwar id-donazzjonijiet u sponsorships  ir-rapport jiffoka fuq l-għajnuna li l-Posta Kanadiża tagħti lill-għaqdiet li jaħdmu fuq l-issue tas-saħħa mentali.

 

Kif mistenni parti importanti mir-rapport jiffoka fuq l-impatti ambjentali tal-posta, fuq ir-riċiklaġġ tal-iskart, fuq l-impatti klimatiċi tal-ħidma tal-posta u fuq kif il-bini minn fejn topera l-posta qed ikun iddisinjat ħalli jnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent (green design).

It-target tal-posta kanadiża huwa li fuq perjodu ta’ 10 snin inaqqas l-emissjonijiet ta’ greenhouse gases b’14% fuq dawk tal-2002. Il-Canada għandha waħda mill-iżgħar densitajiet ta’ popolazzjoni fid-dinja (ftit iktar minn 3 persuni għal kull kilometru kwadru) u allura huwa ftit diffiċli li tilħaq targets għoljin għal tnaqqis ta’ konsum ta’ fuel. F’dan il-kuntest allura tipprova tinkoraġixxi lill-impjegati tagħha biex ifittxu metodi alternattivi dwar kif imorru x-xogħol, bil-bicycle jew bil-mixi fost oħrajn.

Dan it-tip ta’ rapport huwa ta’ għajnuna kbira għall-komunita li fih isir. Għax barra li matul is-sena tkun saret ħidma siewja, wara jgħin biex din il-ħidma titqiegħed taħt il-lenti bl-iskop li għas-sena ta’ wara tkun aħjar.

 

U aħna f’Malta? Bħas-soltu għadna lura. Dwar is-CSR inpaċpċu ħafna, iżda nieqfu hemm. 

ara ukoll fuq dan il-blog :   

https://carmelcacopardo.wordpress.com/2008/04/11/bovs-csr-the-next-step/

https://carmelcacopardo.wordpress.com/2008/04/07/csr-day/