Logħba Ċess fil-Kurja tal-Arċisqof

Ratzinger .chess

 

Mill-kummenti diversi fil-gazzetti jidher ċar li fil-Kurja tal-Arċisqof għaddejja logħba Ċess.

Il-kliem li qed jintuża fil-kitba hu indikattiv ta’ dak li għaddej minn moħħ min qed jgħidu. Ir-Rev. Joe Borg per eżempju jiddeskrivi lill-Knisja Maltija bħala li qegħda fl-istess stat li kien il-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ġenerali tal-1976. Jiġifieri, r-Rev  Joe Borg qed jgħid li l-Knisja hi b’Kap iżda bla tmexxija, b’viżjoni imċajpra u bis-segwaċi imgerfxin.

Analiżi iebsa li iżda taqbel mad-deskrizzjoni tal-Knisja Maltija bħala waħda li ġiet imsikkta. Din hi deskrizzjoni ta’ Simon Busuttil u ta’ oħrajn fil-PN xi xhur ilu.

Minbarra din il-kritika hemm oħra bħal dik tar-Rev Rene Camilleri dwar il-prokrastinazzjoni tal-Arċisqof biex jagħmel it-tibdil meħtieġ fil-Kurja kif ukoll il-kummenti validissimi ta’ Fr Joe Inguanez fuq l-istess linja.

It-tmexxija tal-Knisja f’Malta kienet komda għal ħafna snin. Għax minbarra l-Arċisqof fil-Kurja kellha ukoll ieħor jilgħaba tal-Arċisqof, għal ħafna snin, fil-Berġa’ ta’ Kastilja.  Il-protezzjoni li l-“Arċisqof Lawrence Gonzi” , kif ukoll il-predeċessur tiegħu ta lill-Knisja Maltija tul is-snin billi rreżista t-tibdil soċjali spiċċa iktar għamel ħsara mhux biss lill-Knisja imma anke lis-soċjeta’ Maltija. Għax it-tibdil li seta tħalla jseħħ bil-pass tiegħu, minflok qiegħed iseħħ f’daqqa u b’ritmu mgħaġġel. Mhux kulħadd hu ippreparat għal dan it-tibdil.

Il-protezzjoni artifiċjali tagħtik sens falz ta’ sigurta’. Sigurta’ li fil-fatt ma teżistix. Meta l-poplu allura xeba’ u ivvota favur l-introduzzjoni tad-divorzju nhar it-28 ta’ Mejju 2011 il-protezzjoni tal-Arċisqof Lawrence Gonzi spiċċat.

It-tmexxija tal-Knisja li jrid r-Rev Joe Borg tikkuntrasta ma dik tal-Prof Victor Axiaq. Ta’ l-ewwel irid Knisja mhiex siekta fuq materji ta’ interess pubbliku. Tat-tieni jrid Knisja mhedija fl-ispiritwalita. Ikolli ngħid li dawn iż-żewġ veduti m’humiex inkompatibbli. Id-diffikultajiet iżda jmorru lura s-snin sa żmien l-Arċisqof Gonzi l-ieħor.

Għax dan pajjiż li mhux dejjem tista’ tifhmu: kellna Arċisqof li kien politiku u politiku li iktar kien jidher qiesu l-Arċisqof!

Sadanittant għaddejja l-logħba ċess. Uħud iżommu s-skiet bi prudenza jew iktar b’makakkerija. U l-Arċisqof Pawlu Cremona, skond Joe Borg, qiesu George Borg Olivier, jistenna li jew jitlaq inkella itellquh.

Wara kollox anke fiċ-ċess hemm 4 isqfijiet, tnejn fuq kull naħa  !

bishop.chessbishop.chess

Ippubblikat fuq iNews, il-Ħamis 21 t’Awwissu 2014

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (2) għall-kwiet fil-Messiku

llpup iebsin ta’ nagħaġ. Briganti. Hekk qalilna l-Isqof t’Għawdex lilna lkoll, il-Kattoliċi favur id-divorzju. Diskors li impressjona ħafna lill-merħla tiegħu li  68% minnha qablet miegħu. Imma l-bqija tal-pajjiż irvella għal dawn l-insulti. Għax mhux kulħadd nagħġa. Kollha għandna moħħ u l-parti l-kbira minna kapaċi nagħmlu użu minnu.  

X’jiswa li fl-aħħar minuti tal-kampanja referendarja tintalab apoloġija jew biex nuża kliem l-Arċisqof Cremona “infittxu r-rikonċiljazzjoni” jekk hu ċar li m’hemmx l-iċken intenzjoni li wieħed jirrimedja? Għax issa l-Isqof t’Għawdex ġie rappurtat li qal waqt pontifikal fil-Munxar li m’għandu l-ebda dispjaċir, u jekk meħtieġ jirrepeti dak li għamel u qal.  

Sfortunatament l-Isqof t’Għawdex jittratta lill-fidili ta’ nagħaġ mhux ta’ bnedmin li jafu jaħsbu u jixtarru. Nissuġġerilu li joqgħod ftit fis-skiet kif kien tal-parir Dun René Camilleri:  biex forsi fis-skiet u l-ġabra jagħraf ftit dak li s’issa għadu ma indunax bih. Imbagħad forsi jaħsibha xi ftit differenti. Jista’ jkun li  għandu bżonn ftit riflessjoni fil-kwiet bħal dik li ntbagħat jagħmel Patri Mark Montebello ġewwa l-Messiku.