Il-kredenzjali demokratiċi tal-FKNK

Herrera-Farrugia - email

 

Wara li ilhom ix-xhur jikkampanjaw kontra d-dritt tal-Maltin li b’referendum iħassru r-regolamenti li jippermettu l-kaċċa fir-rebbiegħa l-FKNK issa jridu jneħħu kull dubju dwar il-kredenzjali demokratiċi tagħhom.

Kitbu lis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera (għax għadhom ma ndunawx li r-responsabbilta’ tal-Kunsilli Lokali issa għaddiet f’idejn is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo) u talbuh jieħu passi għax żewġ Kunsilliera fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard (Ralph Cassar ta’ AD u l-Viċi Sindku Marco Spiteri tal-PN) qed jikkummentaw kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-facebook page tal-Kunsill Lokali.

X’jippretendu dawn: li jagħmlulna sarima ma ħalqna?

 

Advertisements

Kunsilli Lokali u Referendum : jirbaħ is-sens komun

Local Councils Malta

F’Alternattiva Demokratika ilna mill-2009 li ipproponejna li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru kull 5 snin flimkien ma dawk tal-Parlament Ewropew. Il-Gvern immexxi mill-PN ma kienx qabel u kien iddeċieda li dawn isiru kull 4 snin. Issa l-Gvern immexxi mill-PL qed jaqbel.

Sa hawn tajjeb.

Li għamel ħażin kien il-ħafna tejatrin li rriduċa dak li seta kien djalogu politiku serju f’eżerċiżżju partiġjan. Il-Gvern fil-pubbliku seta mexxa id-diskussjoni aħjar. Fil-privat min-naħa l-oħra nista’ ngħid li jiena u Arnold iltqajna ma delegazzjoni tal-Gvern immexxija minn Owen Bonnici Ministru, flimkien ma Stefan Buontempo Segretarju Parlamentari u Michael Cohen konsulent. Id-delegazzjoni tal-Gvern fid-diskussjonijiet li kellna imxew ħafna aħjar.

Il-posizzjoni tagħna l-AD fissirniha bil-kalma u anke dakinnhar il-Ministru Owen Bonnici kien diġa wera li l-proposta ta’ AD kienet raġjonevoli ħafna.

Issa nista’ ngħid li l-proposta ta’ AD hi riflessa kompletament fid-deċiżjoni li ħabbar il-Gvern. Jiġifieri AD ipproponiet li l-elezzjonijiet tal-2015 isiru fi żmienhom u li dawk tal-2017 ikun posposti sal-2019 flimkien mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, meta jsiru l-elezzjonijiet kollha.

Id-diskussjoni bil-kalma dejjem twassal għal soluzzjoni li anke’ jekk mhux kulħadd jaqbel magħha, tal-inqas tkun raġjonevoli u ġusta.

Kien floku ukoll li smajna lill-Ministru Owen Bonnici jiddikjara li jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi favur li r-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jsir, dan isir mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali skedati għal Marzu 2015.

Xejn speċjali.  Imma rebaħ is-sens komun.

Huwa ta’ pjaċir għalina f’Alternattiva Demokratika li tajna kontribut biex wasalna għal din id-deċiżjoni.

Meta tagħżaq fl-ilma

Il-bieraħ kont mistieden mill-Forum Ħbieb tal-Cottonera u Flimkien għal Ambjent Aħjar biex nindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar kif fil-Cottonera hemm il-biża’ li viżjoni ser tispiċċa delużjoni.

Il-Forum huwa immexxi mill-Membru Parlamentari Laburista Stefan Buontempo.

Għall-Forum fil-konferenza tkellem Keith Caruana filwaqt li Astrid Vella tkellmet għall FAA.

Għalija r-riabilitazzjoni tal-Cottonera falliet għax iffokat esklussivament fuq l-aspett fiżiku u ma ngħatatx attenzjoni lill-qasam soċjali u ekonomiku. Filwaqt li bħalissa kulħadd ifajjar dwar kemm huwa importanti l-iżvilupp sostenibbli ftit jifhmu li dawn m’humiex tlett oqsma li tagħżel minnhom skont kemm jogħġbok. Huma tlett ingredjenti essenzjali li flimkien huma meħtieġa biex żvilupp ikun aċċettabbli.

Ir-riabilitazzjoni tal-Cottonera, u wara kollox kważi kull riġenerazzjoni fl-ibliet u l-irħula tagħna, iffokat fuq l-aspett fiżiku prinċipalment dwar issues ta’ Housing. Li ġara ġeneralment kien li problemi f’naħa ġew trasportati f’naħa jew lokal ieħor iżda f’bini ġdid.

Ir-riabilitazzjoni trid tindirizza l-issues b’mod olistiku. Hemm ħtieġa li jissewwa t-tessut soċjali. Hemm bżonn li tinbena mill-ġdid il-ħajja ekonomika. Dawn flimkien mat-titjib fiżiku jistgħu jkunu għodda addattati għar-riabilitazzjoni tal-Cottonera. Mingħajr ma jkunx hemm it-tlett ingredjenti qed nagħżqu fl-ilma.