Trid tkun bil-bikini

bikini

Għall-Pulizija kien gravi ħafna li għax mara barranija żifnet fis-sakra quddiem il-marċ waqt il-festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema din kellha tittella’ l-Qorti.

Kieku l-Pulizija jtellghu l-Qorti lil kull min ikun fis-sakra waqt il-marċ tal-festa, jispiċċaw itellgħu l-Qorti mijiet jekk mhux eluf ta’ nies. Imma din kienet mara u barranija. Riedu jagħmlu show.

Weħlet €150. Purċinellata tal-Pulizija.

Min-naħa l-oħra min ilu jopera lukanda  f’Buġibba (Hotel Damiani) bla permessi, tal-MEPA u tal-Awtorita’ tat-Turiżmu bil-kemm indunaw bih. Ħadd mill-awtoritajiet ma nduna. Possibli li ma kienx hemm min kien jaf ? Bir-reklami li hemm online dwar il-lukanda diffiċli ħafna biex ħadd ma induna bil-każ qabel, u għalaq għajnejh.

Imma kieku kienet mara barranija bil-bikini l-Pulizija kienet tinduna. Imma lukanda illegali mmexxija minn Maltin, mhux bil-bikini, dik donnu diffiċli biex jindunaw biha! La l-Pulizja, la l-enforcement officers tal-MEPA u l-anqas l-uffiċjali tal-Awtorita’ tat-Turiżmu. Ovvjament għax ħadd ma kien bil-bikini.

L-anqas ma jimporta xejn li min hu responsabbli minn dan kollu jibqa’ membru fuq il-Bord ta’ Transport Malta.

M’għandux x’jaqsam, qal kelliemi għall-Ministeru responsabbli meta kien mistoqsi jekk hux ser jintalab jirreżenja.

Għaliex m’għandux x’jaqsam?  Min ma ħasibiex darbtejn biex b’mod sfaċċat jisfida l-liġijiet tal-pajjiż ma jistax ikun afdat bit-tmexxija ta’ awtorita’ pubblika.

Meta l-Gvern jafda u jipproteġi lil dan it-tip ta’ nies ifisser li qiegħed jipproteġi lil min jabbuża.

Meta l-Gvern jaħtar jew iħalli lil dan it-tip ta’ nies fuq il-Bordijiet qed jagħti messaġġ ċar: li hawn min hu il-fuq mil-liġi. Fil-passat għaddejna minn żminijiet simili, u tfarrak il-pajjiiż kollu magħhom.

Malta: Repubblika tal-Banana fil-Mediterran

The Banana Republic of Malta

Bil-mod il-mod qiegħed jidher ċar it-twemmin politiku tal-Partit Laburista ta’ Joseph.

Alfred Sant għaddielu partit li ried jittrasforma lil Malta bħala Svizzera fil-Mediterran. Joseph jidher li hu iffukat biex jittrasforma lil din ir-Repubblika bħala r-Repubblika tal-Banana fil-Mediterran. Anzi, fl-Unjoni Ewropeja.

Ir-Repubblika tal-Banana oriġinali għandha l-oriġini tagħha fl-Amerika Ċentrali u hi deskritta fil-kitba tal-awtur Amerikan O.Henry biex jiddiskrivi r-Repubblika fittizija ta’ Anchuria fil-ktieb tiegħu Cabbages and Kings, ġabra ta’ novelli ispirati mill-perjodu li hu għex fil-Honduras, maħrub mill-ġustizzja Amerikana in konnessjoni ma’ frodi ta’ bank.

Fil-politika d-deskrizzjoni Repubblika tal-Banana tfisser li fit-tmexxija tal-pajjiż l-interessi privati ta’ dawk li jmexxu u ta’ madwarhom jiġu qabel il-ġid komuni. Terminu li intuża spiss dwar diversi pajjiżi fl-Amerika Latina u Ċentrali.

Fir-Repubblika tal-Banana l-Prim Ministru jikri lilu innifsu bħala Prim Ministru l-karozza privata tiegħu stess. Kif qed jagħmel Joseph Muscat.

Fir-Repubblika tal-Banana fl-ewwel jum tas-setgħa jixkupa lil kulħadd mit-tmexxija tad-Dipartimenti tal-Gvern. Qiesu sar kolp ta’ stat. Kif għamel Joseph Muscat. Inkluż fl-Armata ta’ Malta.

Issa għandna l-aħħar waħda.

Fir-Repubblika tal-Banana meta tinqabad tmexxi Lukanda illegali bħal-Lukanda Damiani f’Buġibba qiesu ma ġara xejn. Jekk inti Direttur tal-Awtorita’ tat-Trasport  tista’ tibqa’ hemm bħala Direttur għax l-etika fit-tmexxija tal-korpi pubbliċi hi biss materja ta’ interess akkademiku.

Repubblika tal-Banana  …………….. fil-Mediterran. L-aħjar fl-Ewropa!