Reno ġurnalista b’esperjenza li għandi kull rispett lejh. Ikun ippreparat sewwa biex ikun jista’ jindirizza l-argument quddiemu.
L-intervista kienet iffukata fuq l-ADPD u l-futur tiegħu. X’inhi r-raġuni għall-fatt li minkejja dawn is-snin kollha għadna partit żgħir?
Tul l-intervista Reno, b’sengħa, kontinwament ipprovokani biex joħroġ l-argumenti u l-ispjegazzjonijiet tiegħi.
Il-ħin ma taraħx għaddej għax l-argumenti jintiżġu flimkien b’ħeffa kbira b’mod li sat-tmiem jidher quddiemek mużajk ta’ argumenti li jagħti stampa ċara.
Id-diffikultajiet li niffaċċjaw huma essenzjalment tnejn.
L-ewwel hemm sistema elettorali li tul is-snin fittxet dejjem li tikkonsolida l-ħakma ta’ żewġ partiti fuq il-pajjiż u l-istituzzjonijiet tiegħu.
It-tieni hemm il-frammentazzjoni. Dawk li jaħsbuha bħalna huma mifruxa. Tul is-snin dejjem kien hemm diffikulta biex ninġabru flimkien. L-għaqda bejn l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku f’dan is-sens kien pass kbir il-quddiem. Ovvjament hemm ħafna iktar xi jsir biex l-ilħna progressivi jinġabru flimkien.
L-intervista serviet biex nispjega ukoll il-kuntrast politiku tagħna ma dak tal-partiti l-oħra.
Tkellimt ftit dwar l-ambjent. Emfasizzajt li l-ambjent għalina jmur lil hinn mill-apprezzament tal-bebbux, id-dud u l-fjuri. L-apprezzament u l-ħarsien tal-ekoloġija huwa importanti ħafna f’ħidmietna. Imma l-ħarsien tal-ambjent ifisser ukoll il-ħarsien u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja, tagħna u tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Tkellimna fit-tul, madwar 40 minuta.
Issibu l-ħsibijiet dwar kif il-pajjiż qed isir dipendenti fuq l-evażjoni tat-taxxa. Nafferma għal darba oħra li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza mhiex aċċettabbli għalina. Hi prostituzzjoni tal-pajjiż.
Hemm ukoll kummenti dwar l-abort u kif dan fil-prattika diġa qed isir fl-isptar Mater Dei.
Il-ħidma politika tagħna tkompli. Pass pass nimxu l-quddiem.