Parlament li jġiegħlek tirremetti

vomit

Smajt partijiet mid-dibattitu Parlamentari tal-lum dwar Keith Schembri l-Kasco. Nistqarr li qlajt l-istonku nisma’ lil Simon Busuttil u lil Joseph Muscat jitkellmu. Jekk ngħid li rriduċew lil Parlament għat-tejatrin tar-raħal inkun qed ninsulenta lit-tejatrin tar-raħal!

Bil-lingwaġġ li kontinwament juża’ Simon Busuttil (u oħrajn) iwassal mesaġġ li qed jitkellem dwar korruzzjoni ppruvata meta jaf li dan hu ferm il-bogħod mir-realtà. Ir-realtà hi ftit differenti: li hemm attività ta’ diversi persuni li qed jagħmlu użu mis-segretezza tal-qasam finanzjarju f’pajjiżi oħra (Panama u British Virgin Islands, per eżempju). Li dawn is-servizzi jintużaw minn persuni fil-politika (Konrad Mizzi) u minn persuni madwar il-politiċi (bħal Keith Schembri) jqanqal suspetti gravi dwar korruzzjoni. Suspetti jibqgħu suspetti. Imma l-politiku serju jaġixxi minnufih fuq suspetti ta’ din il-gravità. Il-fatt li Joseph Muscat ma aġixxiex turi li bla l-iċken dubju m’huwiex bniedem serju u ma jixraqlux li jmexxi dan il-pajjiż.

Dan hu l-argument kollu li jiġġustifika l-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia.

Il-bqija, fl-opinjoni tiegħi kien kollu ħela ta’ ħin.

Imma sfortunatament il-Parlament Malti mhuwiex interessat f’diskussjoni serja. La l-Gvern u l-anqas l-Opposizzjoni.

Advertisements

Il-mozzjoni ta’ Marlene fuq Keith il-Kasco

marlene-farrugia

Il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia li pprezentat il-bieraħ fil-Parlament dwar Keith Schembri l-Kasco tindirizza n-nuqqas ta’ Joseph Muscat li  għal dawn l-aħħar għaxar ġimgħat (ta’ l-inqas), injora l-imġieba ta’ dawk ta’ madwaru.

Għax anke kieku ma issemmewx l-allegazzjonijiet dwar dak li qed jingħad li ġara bejn Keith Schembri u Adrian Hillman tat-Times, ix-xibka ta’ kumpaniji fil-Panama, l-British Virgin Islands, Ċipru u Ġibiltar minnha innifisha toħloq ħafna suspetti ta’ konflitti [eżistenti u forsi anke immaġinarji] bejn Keith Schembri l-bniedem tan-negozju u Keith Schembri ċ–Ċhief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’ Kastilja.

L-emails li ħarġu mal-Panama Papers jispjegaw ħafna. Imma dan mhux biżżejjed.

Għax avolja Keith Schembri rriżenja minn Direttur tal-kumpaniji tiegħu f’Marzu 2013, hu inevitabbli li l-fatt li hu l-azzjonist maġġoritarju f’dawn l-istess kumpaniji minn innifsu jagħtiħ influwenza kontinwa dwar kif isiru l-affarijiet fl-istess kumpaniji. Dan minkejja li ddistakka ruħu mit-tmexxija ta’ kuljum tagħhom. Tant dan hu hekk li l-Panama Papers jirreferu għal ideat dwar negozju addizzjonali [riċiklaġġ tal-iskart fl-Indja kif ukoll r-remote gaming].

L-iktar ħaġa onorevoli li seta jagħmel Keith Schembri kien li jitlaq bil-kwiet għaxar ġimgħat ilu.

Kieku għamel dan kien jevita li jinbarazza lil sieħbu Joseph Muscat. Kien jevita ukoll ħsara kbira lill-Partit Laburista.

Il-fatt li ddeċieda li jibqa’ hemm ifisser ħaġa waħda biss: li jew m’huwiex jirrealizza l-ħsara kbira li għamel (u għadu qed jagħmel) inkella li jiġi jaqa’ u jqum mill-konsegwenzi. Probabbilment li jiġi jaqa’ u jqum.

Il-mozzjoni ta’ Marlene, għal raġunijiet ta’ aritmetika sempliċi, mhux ser tkun approvata. Peró dan ma jfissirx li Joseph Muscat u l-Kabinett għandhom jibqgħu b’għajnejhom magħluqin. Hu fl-interess tal-pajjiż kollu li jiftħu għajnejhom beraħ u li jnaqqsu l-ħsara li saret u li għad tista’ ssir lill-pajjiż. Huma biss jistgħu jagħmlu dan.

Għalhekk hu importanti li Marlene ressqet il-mozzjoni. Il-ferita jeħtieġ li tidher sewwa ħalli kulħadd ikun jaf biha u ħadd ma jkollu skużi li ma kienx jaf.