Kemmuna: mhux dwar l-umbrelel

comino

 

Matul il-ġimgħat li għaddew diversi paġni tal-gazzetti imtlew b’aħbarijiet minn Kemmuna: il-battalja bejn dawk li jikru l-umbrelel.

Issa l-għaqdiet ambjentali ħarġu bi proposta dwar il-kontrolli rejali li hemm bżonn isiru fuq Kemmuna: kemm għandhom jirfsu l-art persuni? X’inhu dak in-numru li  jkun aħjar li ma jinqabiżx?

In-numru jrid ikun stabilit bi ħsieb. Imma jeħtieġ li jkun stabilit.

L-idea tal-għaqdiet ambjentali (Nature Trust, Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth) m’hiex oriġinali għax diġa tqegħdet fil-prattika f’diversi postijiet oħra mhux biss fil-postijiet li ġew indikati fil-gazzetti (Blue Lagoon fl-Iżlanda u fir-reġjun pittoresk Taljan Cinque Terre).

Il-Bhutan (pajjiż fil-Lvant imbiegħed) jikkontrolla n-numru ta’ turisti li jidħlu fil-pajjiż għax hu kinxju li numru esagerati ta’ turisti jistgħu jagħmlu ħsara mhux żgħira. Hemm ukoll il-ġzira turistika Latino Amerikana ta’ Fernando de Noronha (parti mit-territorju Brażiljan) li kienet tillimita n-numru massimu ta’ turisti li jistgħu joqgħodu fuq il-gżira għal 420, u kull wieħed minn dawn kellu jħallas taxxa ambjentali li tiżdied iktar ma jdum!

F’Malta ukoll xi żmien ilu kienu ġew introdotti kontrolli fuq in-numru ta’ turisti li f’ħin wieħed jistgħu jidħlu fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni kif ukoll in-numru massimu li setgħu jidħlu matul il-ġurnata. Dan kien sar għax kien ġie stabilit li biex dan is-sit arkejolġiku jkun protett aħjar kellhom ikun hemm kontrolli tal-mikro-klima. Dan fil-fatt sar billi kien ġie identifikat in-numru massimu ta’ 80 persuna li setgħu jidħlu f’ġurnata fl-Ipoġew.

L-istess jista’ jsir dwar il-gżira ta’ Kemmuna. Tista’ tiġi protetta billi jkunu limitati n-numri ta’ persuni li jistgħu jinżlu l-art. Dan ikun pass tajjeb li jagħmel il-ġid, lill-Kemmuna, naturalment mhux lil dawk li jikru l-umbrellel!

Tirreżenja l-Ministru tal-Ambjent tal-Brazil

 

 

Fil-Brazil Marina Silva, Ministru tal-Ambjent, irreżenjat. Il-BBC irrapporta  li f’ittra ta’ riżenja lil Lula da Silva, President, hi qalet li kienet qed tirreżenja għal raġunijiet personali. Qaltlu ukoll li għal xi żmien kienet qed issib diffikultajiet biex timplimenta l-politika ambjentali tal-Gvern Brażiljan.

 

Jidher li r-riżenja tagħha oriġinat minn affarijiet oħra. L-istess BBC fil-fatt jgħid li l-President Brażiljan f‘dawn l-aħħar ġimgħat ħatar Ministru ieħor biex jikkoordina l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-Amazonia.

 

Diġa hemm min beda jgħid li jittama li l-Ministru tal-Ambjent il-ġdid ma jkunx radikali daqs Marina !

 

Marina Silva kienet ilha Ministru għall-Ambjent mill-2002 meta Lula da Silva rebaħ l-ewwel elezzjoni presidenzjali. Marina daħlet fil-politika permezz tat-Trejdunjoniżmu fejn kienet taħdem spalla ma spalla ma Chico Mendes trejdunionista assassinat fl-1988. Hija mexxiet kampanji kbar kontra l-qerda tal-foresti u permezz ta’ kampanji mhux vjolenti kienet strumentali biex ġew salvati ettari sħaħ ta’ foresti mill-qerda tal-“iżviluppatur modern” .

 

Marina Silva kellha l-fama li kienet iebsa ma dawn l-“iżviluppaturi” u fejn kienu neċessarji permessi ambjentali kienet tinsisti fuq kundizzjonijiet iebsa ħafna.

 

Mhux diffiċli biex tifhem x’kien qed jiġri!

 

 

żieda :

 

Sadanittant, il-Guardian illum 15 ta’ Mejju jitfa’ iktar dawl fuq din ir-riżenja b’artiklu intitolat : Fears for Brazil rainforest after environment minister quits.