Lil hinn mir-raġġiera

 

Il-mozzjoni privata ta’ Jeffrey Pullicino Orlando (JPO) fil-Parlament biex ikun introdott  id-divorzju ħsadet lil uħud, fosthom lil Mons Arċisqof. Ħafna iżda ilhom jistennew li xi ħadd jiċċaqlaq.

L-issue fil-fehma tiegħi hi waħda biss : li l-għażla dwar id-divorzju ma ssirx mill-istat għan-nom tagħna, kif isir sal-lum, imma li ssir minn kull wieħed u waħda minnha skond il-kuxjenza tiegħu jew tagħha. Imma biex dan ikun jista’ jsir l-istat irid jipprovdi l-għodda neċessarji.

Illum, huwa u jkun intervistat fuq l-RTK minn Tonio Bonello l-Arċisqof qal waħda tajba: li l-Partiti fil-Parlament m’għandhomx l-awtorita’ morali li jmexxu l–quddiem  leġislazzjoni dwar id-divorzju, għax ħadd minnhom ħlief Alternattiva Demokratika ma ressqu quddiem l-elettorat proposti f’dan is-sens.

Hemm kontradizzjonijiet oħra.

Il-Partit Nazzjonalista li jippreżenta ruħu bir-raġġiera m’huwiex ser jazzarda li jappoġġa d-divorzju, avolja imbagħad ma sab l-ebda diffikulta li jmexxi l-quddiem il-koabitazzjoni w id-drittijiet li jirriżultaw minnha.

Min-naħa l-oħra l-Labour permezz tal-mexxej tiegħu ilu jitkellem favur id-divorzju li ġustament jiddeskrivieh bħala dritt ċivili. Imma ma jemminx biżżejjed f’dan id-dritt ċivili biex iħossu li jista’ jikkonvinċi lill-Partit tiegħu biex jappoġġa l-proposta parlamentari ta’ JPO. Dan qed jagħmlu bi ħsieb : għax b’hekk jista’ jfuh maż-żewġ naħat : kemm ma’ dawk favur kif ukoll ma dawk kontra. Progressiv għal uħud u bir-raġġiera għal oħrajn !

Il-proposta ta’ JPO hi dettaljata. Minn eżami tad-dettalji jidher ċar li hemm diversi persuni li qed jagħtu kontribut biex din tlaħħmet. Li jonqos issa hu li naraw kemm minn dawn huma Membri tal-Parlament.

Alternattiva Demokratika tilqa’ l-mozzjoni u hi sodisfatta li JPO mexa fuq dak li ipproponiet AD lill-Membri Parlamentari f’ittra li iċċirkulatilhom reċentement.