Pajjiż tal-cowboys : israq u tkun ippremjat

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Labour iridu jagħtu premju lil min seraq art fl-Aħrax tal-Mellieħa biex fuqha għandu dik li tissejjaħ boathouse.

Fil-fatt dawk li għandhom boathouse fl-Aħrax tal-Mellieħa (fl-Armier, Little Armier u t-Torri l-Abjad) isejħu lilhom infushom is-sidien tal-boathouses, meta fil-fatt ma għandhom xejn li hu tagħhom għax l-art li fuqha huma mibnija l-boathouse hi tal-Gvern.

Ilhom snin twal jokkupaw din l-art u qiesu ma ġara xejn.

Aqraw ftit il-magazine Mill-Bajja li jippubblikaw dawn is-sidien tal-boathouses u issiru taf bi “ftehim” li għamlu mal-Gvern li jagħtihom l-art biex il-boathouses li għandhom illum ikunu jistgħu jibnuhom aħjar. Il-Gvern permezz ta’ ittra iffirmata mill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg nhar it-3 t’April 2003 wiegħed lil dawn is-“sidien tal-boathouses” 230 tomna art (jiġifieri 26,000 metru kwadru) li għaliha jħallsu €366,000 fis-sena!

Il-Labour wegħdu li huma jirrispettaw dan il-ftehim.

Il-PN u l-Labour għamlu dan il-pajjiż wieħed tal-cowboys.  Qed jgħidu “aħtaf li tista’, u mbagħad b’xi mod nirranġaw” !

F’Alternattiva Demokratiku ma naqblux ma dan. Meħtieġ li l-iktar kmieni possibli li l-art ħdejn il-baħar ikun jista’ jgawwdiha kulħadd, u mhux dawk li ħatfuha f’idejhom bil-barka tal-PN u tal-Labour.

Min ma jridx jagħti premju lil min seraq l-art fl-Aħrax tal-Mellieħa għaldaqstant għandu biss għażla waħda x’jagħmel:  Alternattiva Demokratika.

Il-Boathouses tal-Armier

 

Id-deċiżjoni li ħa l-Gvern permezz tal-Korporazzjoni Enemalta li jipprovdi substation tal-elettriku bi spiża ta’ €82,000 u dan biex jaqdi li min b’mod illegali abbuża u qiegħed jokkupa art pubblika fl-Armier hi tal-mistħija .

 

M’huwiex aċċettabbli li min jabbuża u jieħu f’idejh art pubblika ikun ippremjat. Dan m’huwiex kompatibbli mas-saltna tad-dritt (rule of law) f’soċjeta demokratika iżda mal-liġi tal-ġungla. Fejn min għandu s-saħħa jhedded u jimxi.

 

L-anqas m’hi imġieba etika dak li għamel il-Kap tal-PN li kellu laqgħa sigrieta (ma ngħatat l-ebda pubbliċita) mal-assoċjazzjoni ta’ dawk li qed jabbużaw lejliet l-elezzjoni ġenerali bl-intenzjoni speċifika li jserħilhom moħħhom u b’hekk jipprova jieħu il-voti tagħhom.     

 

Il-kosta tal-Armier għandha tittieħed lura mill-Gvern f’isem il-poplu Malti u dan biex titgawda minn kulħadd, u mhux minn dawk li għax abbużaw qed jingħataw il-protezzjoni.

 

Illum qed nikkummenta fuq il-boathouses tal-Armier imma dak li qed ngħid japplika għal dawk ta’ bnadi oħra ukoll, fejn dawn inbnew b’mod illegali. Ma jistax ikun li min jabbuża jiġi ppremjat.

 

Is-skiet tal-MLP fil-kwistjoni kollha għandu tifsira ukoll. Għax hu ukoll għandu responsabbilta’ għal dak li wassal għall-qagħda tal-lum.