Il-25 anniversarju tal-massakru ta’ Pjazza Tiananmen

Tiananmen 07

 

Għada l-4 ta’ Ġunju huwa l-25 anniversarju tal-massakru ta’ Tiananmen. Fl-4 ta’ Ġunju 1989 fi Pjazza Tiananmen f’Beijing it-tankijiet tal-militar immassakraw lill-istudenti Ċiniżi li kienu qed jipprotestaw. Numru kbir ta’ studenti  u żgħażagħ kieku qed jappoġġaw il-Moviment Demokratiku fiċ-Ċina. Kienu ilhom ġimgħat fi Pjazza Tiananmen jipprotestaw favur Ċina demokratika.

Il-mewt ta’ Hu Yaobang (li kien tneħħa minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Kommunista Ċiniż) kmieni fl-1989 kienet ix-xrara ewlenija li kebbset il-Moviment Demokratiku f’Beijing u welldet lil dik li setgħet tkun ir-Rebbiegħa ta’ Beijing.

Hu Yaobang miet nhar il- 15 t’April 1989. Bejn l-1981 u l-1987, kien l-id il-leminija ta’ Deng Xiaoping, mexxej Ċiniż, bħala Ċhairman tal-Partit Kommunista bejn l-1981-82 u mill-1982 sal-1987 bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit. Mexxa l-quddiem ir-riformi ekonomiċi Ċiniżi u bħala riżultat għamel ħafna għedewwa fil-ġerarkija kommunista Ċiniża li meta qabduh fuq sieq waħda, waqt protesti tal-istudenti fl-1987, irnexxielhom itajruh minn Segretarju Ġenerali tal-Partit. Kien akkużat li mexa b’ingwanti tal-ħarir mal-istudenti.

Ftit ġranet qabel ma miet, Hu Yaobang, waqt laqgħa tal-Politburo tal-Partit Kommunista Ċiniż kompla jinsisti għal riformi politiċi. Tkellem dwar il-ħtieġa tat-trażżin tal-korrużżjoni, tan-nepotiżmu u l-abbuż tal-poter. “Ittradejna lill-poplu u lin-nazzjon” qal Hu Yaobang huwa u jħossu ħażin u jaqa’ mal-art. Ittieħed l- isptar fejn miet ġimgħa wara. Kellu 73 sena, eta’ żgħira ħafna għal dawk attivi fil-politika Ċiniża.

Mhux ta’ xejn li l-funeral tiegħu kien spunt għal dimostrazzjonijiet favur libertajiet demokratiċi. L-istudenti Ċiniżi iddeskrivewh bħala ir-ruħ taċ-Ċina.

Il-Federazzjoni Awtonoma tal-Istudenti f’Beijing li twaqqfet waqt ir-Rebbiegħa ta’ Beijing serviet bħala l-mutur u l-koordinatur tal-protesta. Il-fatt biss li twaqqfet il-federazzjoni tqies bħala theddida għall-awtorita tat-tmexxija Ċiniża. L-insistenza għal rikonoxximent kienet fil-fatt dikjarazzjoni politika qawwija, inaċċettabbli għat-tmexxija ta’ Deng Xiaoping u sħabu.

L-appoġġ li kisbu l-istudenti kien wieħed qawwi, tant kien hemm waqtiet li inġabru l-fuq minn miljun persuna fi Pjazza Tiananmen.

It-tmiem beda fil-lejl ta’ bejn it-2 u t-3 ta’ Ġunju 1989. Għal bidu n-numru ta’ suldati kien żgħir u ftit kienu armati. Iżda matul il-lejl bejn it-3 u l-4 ta’ Ġunju 1989 fi Pjazza Tiananmen daħlu t-tankijiet tal-gwerra li għaffġu u kaxkru kullma sabu quddiemhom.

Dan hu fi ftit kliem dak li ġara. Rebbiegħa li damet seba’ ġimgħat.