Meta iċċaqċaq il-qasba

Konrad Mizzi 13

Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li waqqaf trust fi New Zealand biex, billi huwa bniedem imħabbat ħafna, permezz tiegħu iqabbad lil terzi biex jamministraw l-investimenti tal-familja.

Huwa tajjeb li jaħseb fit-tul, l-Onorevoli Mizzi.

Il-problema mhix it-trust, iżda dak li ser jitpoġġa fih, kif ukoll minn fejn dan oriġina.

M’għandix dubju li għad irridu nisimgħu ħafna iktar dwar dan. Diġa qed jingħad ħafna fuq il-medja dwar x’seta wassal għal dan il-pass. Għax, ngħiduha kif inhi, mhux soltu li nisimgħu b’dawn l-istejjer, ħlief forsi riċentement meta smajna bi stejjer mill-Bahamas.

Għaliex New Zealand? Ilna nisimgħu stejjer,  uħud minnhom imfesfin fil-widnejn.  Uħud ser ikollhom bżonn mappa biex jifhmu ftit fejn qed isir iċ-ċaqlieq.

Il-qasba qatt ma ċċaqċaq għalxejn.

Nistennew, bħal dejjem.

John Dalli u d-dubbien

 

Mating-olive-flies

 

John Dalli bħall-ħmar il-magħkus. Għalih iduru d-dubbien.

F’dak kollu li għadda minnu John Dalli u wara ħidma pubblika fuq tul ta’ snin, jidher li għadu ma fehemx li għandu obbligu wieħed sagrosant: li jagħti kont ta’ egħmilu.

Sfortunatament dan diversi drabi ma jagħmlux.

Issa jiena, kif jaf tajjeb, m’għandi l-ebda preġudizzju kontra tiegħu.

Il-każ tad-Daewoo mhux każ privat bejn il-klijent ta’ Dalli u l-Bank. Hu każ li nissel ħafna suspetti. L-opinjoni pubblika qatt ma kienet sodisfatta u għaldaqstant bil-fors jibqgħu l-mistoqsijiet, kemm tal-media kif ukoll tal-politiċi.

L-informazzjoni tista’ tingħata minn tlett sorsi. Mill-bank, li minħabba l-obbligu ta’ segretezza bankarja qatt m’hu ser iwieġeb. Mill-klijent ta’ Dalli, Joe Gaffarena, li għalih hi issue kummerċjali u ovvjament m’għandu l-ebda interess li jikxef idejh. Minn Dalli innifsu, li għalkemm għandu ukoll obbligi ta’ kunfidenzjalita’ professjonali għandu ukoll (jew kellu) responsabbiltajiet pubbliċi.

Ankè jekk b’mod limitat, dwar id-Daewoo, Dalli kellu l-obbligu li jinforma. Imma sfortunatament għal Dalli l-informazzjoni mhiex obbligu li jħoss li għandu jonora.

Din bħal tat-tabakk fejn qal li lagħbuh. Jista’ jkun li bl-attitudni tiegħu, li ftit jagħti piż lill-kontabilità, daħħluh f’nassa dawk ta’ madwaru. Dan kollu seta’ jevitah kieku ta’ prijorità lill-obbligu tiegħu li jagħti kontabilità pubblika.

Jew bħaż-żjarat tiegħu fil-Bahamas meta kien għadu Kummissarju Ewropew. Qatt ma kellu jkun hemm. L-obbligi tiegħu bħala Kummissarju Ewropew kienu ċari, imma għaddas rasu fir-ramel u baqa’ għaddej. Hu jaf għaliex. Imma jibqa’ l-fatt li dan mhux mod kif iġib ruħu persuna fil-ħajja pubblika.

Għalhekk idur għalih id-dubbien.