Is-siġġijiet tal-PN fil-Parlament

PN seats

Għaddej ħafna paroli bħalissa dwar dawk iż-żewġ siġġijiet li l-Qorti ordnat lill-Kummissjoni Elettorali biex tagħti lill-PN.

L-istorja hi ħafna iktar ikkumplikata minn hekk.

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 il-Partit Laburista rebaħ 39 siġġu Parlamentari u l-PN rebaħ 26. Dwar tnejn mis-siġġijiet li rebaħ il-Partit Laburista kien hemm l-iżbalji. Qed nirreferi għas-siġġu Parlamentari li rebaħ Edward Scicluna fuq id-Distrett ta’ B’Kara (8) u għas-siġġu Parlamentari fuq id-Distrett ta’ Għawdex (13) li rebħet Justyne Caruana. Li kieku ma sarux l-iżbalji flokhom kienu jitilgħu Claudette Buttigieg u Fredrick Azzopardi.

X’għandu jiġri mela? Il-loġika tgħidlek li jekk il-Qorti ikkonfermat l-iżball il-Kummissjoni Elettorali għandha tkun ordnata tikkoreġi l-iżball.

Hemm mod wieħed kif jiġi ikkoreġut l-iżball. Dan isir billi ir-riżultat finali issirlu korrezzjoni. Fit-tmien Distrett flok Edward Sicicluna titla’ Claudette Buttigieg u fit-Tlettax-il Distrett flok Justyne Caruana jitla’ Fredrick Azzopardi. Dan ifisser ukoll li r-riżultat finali flok ma jaqra 39 siġġu għall-PL u 26 siġġu għall-PN jibda jaqra 37 siġġu għall-PL u 28 siġġu għall-PN.

Id-differenza ta’ siġġijiet bejn il-PN u l-PL ma tibqax 13 imma issa issir 9. Dan kollu jfisser li wieħed ikun irid jara mill-ġdid jekk ikunx hemm ħtieġa illi tkun applikata l-emenda Kostituzzjonali li tirrestawra l-proporzjonalita’ billi iżżid is-siġġijiet.