Ngħinu lill-Griegi jiksbu d-dinjità ta’ pajjiżhom lura

Malta-Greece

Il-vot LE tal-Griegi l-bieraħ qabel kollox hu vot ta’pajjiż favur id-dinjità tiegħu. Huwa vot ta’ poplu li qed jara lill-pajjiżu jikkollassa biċċa biċċa. Huwa vot favur il-pensjonijiet li qed jisparixxu. Huwa vot favur l-isptarijiet u l-mediċini, vot favur li fl-aħħar tax-xahar il-gvern Grieg ikun jista’ jħallas il-pagi tiegħu. Huwa vot kontra l-awsterità.

Dan kollu jfisser li hemm bżonn jingħata iktar piz lill-fatt li s-solidarjetà ma kienitx preżenti biżżejjed fit-taħditiet bejn il-Gvern Grieg u t-troika [il-fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropeja]. Il-Greċja waslet fejn hi għax kulħadd għalaq għajnejħ għal snin twal għall-korruzzjoni w it-tberbiq u fl-aħħar wasal iż-żmien tal-kontijiet. Żmien li jasal fuq kulħadd.

Imma sfortunatament il-piz tal-awsterità ma ntrefax minn min berbaq jew minn min ħa sehem fil-korruzzjoni. Dawk kollha, bħal dejjem issa sparixxew.

It-triq il-quddiem hi waħda li twieżen lill-fqir u li tirfed l-istat biex jibqa’ jiffunzjona u jkun jista’ jibqa’ jservi lill-batut u lil min jiddependi mis-solidarjetà soċjali ankè biex sempliċement jeżisti.

Fid-dawl ta’ dan kollu d-deċiżjonijiet m’humiex faċli. L-ovvju hu li d-djun tal-Greċja mhux ser jitħallsu, la fil-futur qarib u probabbilment l-anqas iktar fil-bogħod. L-obbligu tal-Unjoni Ewropeja għaldaqstant (inkluż l-obbligu tal-Gvern Malti) hu li l-Gvern Grieg ikun mgħejjun jibni l-pajjiż mill-ġdid. It-triq m’hiex faċli għax il-prijorità m’għandhomx ikunu l-flus imma n-nies.

Nittamaw li fil-ġranet li ġejjin tinstab soluzzjoni, mibnija fuq is-solidarjetà, mhux fuq l-awsterità.

Advertisements

Il-voti ta’ Juncker jibdew jitnaqqru

Juncker & Schultz

Is-Soċjalisti Spanjoli iddeċidew li ma jagħtux l-appoġġ lill-Kummissjoni immexxija minn Jean Claude Juncker għax għalihom hu diġa ċar li Juncker ser imexxi l-quddiem politika ekonomika ta’ awsterita’. Fil-fatt isostnu s-Soċjalisti Spanjoli, li l-mod kif inhuma mqassma r-responabbiltajiet fl-istess Kummissjoni jpoġġi fuq quddiem lil dawk li dejjem taw appoġġ lill-awsterita’: ċjoe l-issikkar taċ-ċinturin. Is-Soċjalisti Spanjoli għandhom 14-il vot.

Hemm kuntrast bejn dak li qed jgħidu s-Soċjalisti Spanjoli u dak li qed tgħid it-tmexxija Soċjalista fil-Parlament Ewropew. Il-mexxej Soċjalista fil-Parlament Ewropew, it-Taljan Gianni Pitella diġà esprima ruħu pubblikament dwar kemm (fil-fehma tiegħu)  hi bbilanċjata l-Kummissjoni Juncker. Jiftaħru dwar ir-rwol ċentrali tal-Franċiż Pierre Moscovici imma ma jgħidux li dan ftit jista’ jiċċaqlaq minħabba li ser ikun taħt is-sorveljanza tal-konservattiv Finlandiż Jyrki Katainen Viċi President tal-Kummissjoni u wieħed mill-esponenti ta’ politika ta’ awsterita li għandu l-appoġġ ta’ Angela Merkel.

Il-voti favur il-Kummissjoni ta’ Juncker bdew jitnaqqru. Baqa’ ftit iktar minn xahar sa ma tittieħed deċiżjoni, f’liema żmien jistgħu jiżviluppaw diversi xenarji interessanti.

Sadanittant diversi Kummissarji milll-ġodda qed jiltaqgħu informalment mal-Membri Parlamentari li huma attivi fid-diversi kumitati parlamentari jfittxu li jispjegawlhom il-posizzjoni tagħhom kif ukoll iwegħduhom li ser ikunu aċċessibli kontinwament matul il-ħatra tagħhom.

Bħalissa insomma kulħadd għaddej jipprova jimpressjona. Kemm dan ser jirnexxi jew le narawħ lejn tmiem Ottubru, forsi ftit qabel ukoll.

Ara Euractiv.com tas-16 ta’ Settembru 2014: Spanish socialists to vote against Juncker, Cañete.