Naħseb li hi l-intenzjoni ta’ kważi kull min jinvolvi ruħu fil-politika li jara soċjetá li taħdem aħjar. Iżda x’inhu l-aħjar? Għax fil-waqt li lkoll naqblu li nimxu lejn l-aħjar mhux dejjem naqblu la ma x’inhu l-aħjar u l-anqas mat-triq li tista’ twassalna hemm.
Il-ħidma politika ta’ Alternattiva Demokratika hi assoċjata’ mal-għarfien tal-politika ambjentali bħala ċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Filwaqt li dan hu minnu, mhux l-istampa kollha, għaliex il-ħidma favur id-drittijiet ċivili kif ukoll dik favur politika soċjali iktar umana dejjem kienu aspetti importanti tal-politika Ħadra.
Id-Dikjarazzjoni l- Ħadra ta’ Canberra approvat fl-2001 f’laqgħa tal-Pariti Ħodor fuq livell globali tfisser fi ftit kliem it-triq il-Ħadra madwar id-dinja. Dikjarazzjoni li imbagħad hi applikata minn kull partit fit-tifsila l-iktar addattata għal pajjiżu.
Sitta huma l-punti bażi tal-ħidma ħadra madwar id-dinja: l-għarfien ekoloġiku, l-ġustizzja soċjali, d-demokrazija partieċipattiva, in-non vjolenza, s-sostenibilita’ u r-rispett tad-diversita’. Huma marbutin flimkien, ħaġa waħda: programm wieħed u sħiħ. Madwar dawn titfassal u tinbena ħidma adatta għar-realtajiet ta’ kull pajjiż. Fuq dawn il-punti hemm konvergenza ma partiti politiċi oħra. Fuq uħud mill-punti naqblu iktar ma xi partiti filwaqt li fuq oħrajn naqblu iktar ma oħrajn.
Il-kuntrast tal-aħdar politiku mal-partiti l-oħra jimmanifesta ruħu l-iktar fil-politka ambjentali imma diversi drabi jidher ukoll f’oqsma oħra bħall-ġustizzja soċjali jew id-drittijiet ċivili. Jimmanifesta ruħu kemm fid-diskrepanza bejn dak li jingħad u dak li jsir inkella fir-ritmu li bih jitwettaq dak li dwaru jkun hemm konvergenza ta’ ħsieb.
Il-politika ħadra tmexxi l-quddiem politika progressiva li tesiġi mill-bniedem li jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ egħmilu. Responsabbilta’ fil-konfront ta’ bnedmin oħra kif ukoll responsabbilta’ fil-konfront tal-ekoloġija. Ġustizzja soċjali u ġustizzja ambjentali li jirfdu lil xulxin. Dipendenti minn xulxin għax waħda mhiex sħiħa mingħajr l-oħra.
Din hi l-politka. Li dak li nippropnu kif ukoll dak li nfittxu li nwettqu nagħmluh dejjem bl-aħjar mod possibli. Il-politika mhix bilanċ ta’ interessi iżda sforz kontinwu biex nimxu sewwa dejjem.
It-triq li twassalna għal ħidma sewwa hi diffiċli mhux ftit għax kontinwament trid titħabat ma’ interessi egostiċi li jfittxu li jipperpetwaw l-istatus quo. Dawk jiġifieri li huma kontra kull bidla għax bidla għalihom tfisser li huma ma jibqgħux jiddominaw.
Ma rridx ninftiehem li kull bidla hi neċessarjament tajba. Kif ikolli l-opportunita’ infisser matul il-ġimgħat li ġejjin hemm ħafna li jeħtieġ li jinbidel. Imma daqskemm huwa importanti li jinbidlu bosta ħwejjeġ, daqstant ieħor hu importanti l-mod kif issir il-bidla. Mhux biex ma jintrifsux kallijiet iżda biex waqt li jkunu eliminati inġustzzji jew żbalji li saru tul is-snin ikun assigurat li dawn ma jkunux sostitwiti b’inġustizzji jew żbalji ġodda.
Hemm bżonn li l-inġustizzji u l-iżbalji innaqqsuhom, mhux nibdlulhom isimhom.
Fix-xena politika Maltija għal ħafna snin indrat id-diska li jew ikħal inkella aħmar. L-aħdar fl-arena politika demokratika jfisser li hemm alternattiva demokratika għall-alternanza bejn l-ilwien tradizzjonali. Alternattiva poliitka li teżisti fil-parlamenti kollha Ewropeji inkluż dawk tal-iċken żewġ pajjiżi, San Marino u Andorra.
Nittama li dawn il-ħsibijiet tiegħi jservu għal diskussjoni ċivili li permezz tagħha lkoll nagħrfu aħjar l-alternattivi li għandu quddiemu pajjiżna.
kif ippubblikat fuq iNews, il-Erbgħa 21 t’Awwissu 2013.