Il-kliem iebes dwar dak li għaddej bħalissa fl-Air Malta m’huwiex jonqos. Bħalissa għaddej eżerċizzju biex jikkonvinċu l-opinjoni pubblika dwar min hu l-iżjed b’saħħtu.
Il-Gvern qed jgħid li lest li jibqa’ għaddej. Ftiehem mal-parti l-kbira tal-Unions u jistenna li jiftiehem ukoll mal-Union tal-piloti. Id-dettalji tal-ftehim kollettiv propost ma nafhomx, u safejn naf jiena m’humiex pubbliċi. L-unika ħaġa magħrufa s’issa hi dak li qal il-Prim Ministru dalgħodu li hemm proposti żidiet sostanzjali li imma huma marbuta ma tibdiliet fil-prattiċi tax-xogħol. Fuq quddiem hemm l-insistenza tal-Gvern u tal-Management tal-Air Malta li hemm ħtieġa ta’ żieda fis-siegħat tat-titjir.
Il-Gvern irid jipprova jasal. Għalhekk beda mill-Unions li kien iktar faċli li jasal magħhom u ikkonkluda ftehim ma kull waħda minnhom matul dawn il-ġimgħat. Il-Union tal-piloti l-ALPA min-naħa l-oħra żammet iebes minħabba l-posizzjoni strateġika tagħha fil-kumpanija u tittama li ssarraf din is-saħħa strateġika f’vantaġġi ikbar għall-membri tagħha. Xejn ħażin f’dan, sakemm nagħrfu li hemm limitu dettat mir-raġuni u l-etika li m’għandux jinqabeż.
Kull ftehim jinvolvi give and take. Tirbaħ xi affarijiet u ċċedi oħrajn. Nappella għaldaqstant għas-sens komun tal-partijiet li jippruvaw isibu soluzzjoni.
Apparti l-kwistjoni tal-ftehim kollettiv bħalissa jidher li qed tikber b’mod sproporzjonat tilwima oħra, separata, dwar il-mod kif ġie ittrattat wieħed mill-piloti minn uffiċjal għoli tal-kumpanija Air Malta. Dwar dan, jidher li l-piloti vvutaw biex jagħtu l-awtorità lill-Union ħalli jibdew azzjonijiet industrijali.
Hemm bżonn daqsxejn tal-kalma. L-iżbalji jeħtieġ li jiġu msewwija imma ejja f’ġieħ is-sewwa ma nesagerawx.
Il-pajjiż għandu bżonn lill-Air Malta għax din tista’ tagħti kontribut siewi lill-ekonomija. Biex dan iseħħ hem bżonn li kulħadd jaġixxi b’mod responsabbli.
Li nikkalmaw ftit ikun pass tajjeb!