Il-bidla fil-klima: mill-kliem għall-fatti

Fit-tmiem ta’ attivita’ dwar il-bidla fil-klima organizzata minn Alternattiva Demokratika Żgħażagħ (ADŻ), dalgħodu jiena u Mina Tolu (flimkien miegħi u ma Arnold kandidat għall-Parlament Ewropew) indirizzajt konfernza stampa dwar il-bidla fil-klima.
Tajjeb li Alternattiva Demokratika Żgħażagħ ħadet din l-inizjattiva għax hemm ħtieġa li insemmgħu leħinna anke dwar dan.

Il-bidla għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-heavy fuel oil għall-gass kien pass tajjeb. Il-gass iżda, jitqies bħala fjuwil ta’ tranżizzjoni għal enerġija rinnovabbli. Neħtieġu iktar energija mix-xemx u mir-riħ kif ukoll li naraw li jkun hemm użu tal-energija mill-mewġ li bħala gżira aħna mdawwrin bih is-sena kollha. L-applikazzjoni tat-teknoloġija li qegħda dejjem tiżviluppa twasslu għal tipi ta’ xogħol ġdid u sostenibbli u fl-istess ħin jikkontribwixxu lejn kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

It-trasport għadu problema kbira u jidher li l-problema se tkompli tikber minħabba żieda astronomika fin-numru ta’ karozzi fit-toroq Maltin u Għawdxin. Sfortunatament l-Gvern minflok jinvesti f’trasport sostenibbli u nadif qiegħed għaddej fuq programm qawwi ta’ xogħol infrastrutturali li qed iservi biex jinkoraġġixxi iktar użu tal-karozzi u per konsegwenza qiegħed iħassar il-progress li qed jinkiseb biż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku. Irridu investiment serju f’infrastruttura għar-roti u r-roti elettriċi, kif ukoll fl-użu ta’ mezzi alternattivi għat-trasport li jinkludu dawk bil-baħar.

Il-mina proposta għal bejn Malta u Ghawdex hi essenzjalment mina għall-karozzi u mhux mina għan-nies. Fil-fatt huwa stmat li fi żmien 15-il sena l-ammont ta’ movimenti ta’ karozzi bejn il-gżejjer ser jiżdied minn 3000 għal 9000 karozza kuljum. Servizz għan-nies ifisser servizzi ta’ fast-ferry minn Għawdex sal-qalba ta’ Malta. Il-mina tinkoragixxi l-uzu tal-karozzi għax il-ħlas li jinġabar minn dawk li ser jinvestu fil-mina ser jiddependi esklussivament fuq in-numru ta’ karozzi li jgħaddu mill-mina.

Huwa essenzjali li n-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna jonqos. Dan wara kollox hu ukoll wiehħed mill-iskopijiet ewlenin tal-istrateġija Nazzjonali tat-Trasport approvata mill-Gvern Malti fl-2015. Il-Gvern Malti ma jistax jibqa’ għaddej kif inhu. Bħalissa qed jagħti messaġġi konfliġġenti kontinwament.

Jekk irridu nindirizzaw il-bidla fil-klima bis-serjetà huwa essenzjali li nindirizzaw l-impatti ikkawżati mit-trasport. Żmien il-paroli għadda. Għandna ngħaddu mill-kliem għal fatti.

Ir-referendum u l-partiti politiċi (2)

partit-laburista-logo

Joseph Muscat qal li hu kien ser jivvota IVA. Qal ukoll li l-Partit Laburista ma kienx ser jinvolvi ruħu fil-kampanja referendarja.

L-istrateġija politika tal-Partit Laburista kienet waħda ċara ħafna. Kienet illi jipprova jagħti palata lill-kaċċaturi mingħajr ma jiġġieled mal-ambjentalisti.  Għalhekk dak li qal Joseph Muscat.

Meta, iżda, beda jidher illi parti mdaqqsa tal-votanti Laburisti kienu fehmu dan il-messaġġ bħal li setgħu jivvutaw kif xtaqu u fil-polls (kemm dawk pubblikati kif ukoll dawk li nżammu kunfidenzjali) beda jidher vantaġġ għal-LE, anke b’voti minn żoni tradizzjonalment laburisti, bdiet tiżdied id-doża tal- involviment tal-Partit Laburista fil-kampanja referendarja.

Il-kandidati Laburisti għall-Kunsilli Lokali (f’ħafna lokalitajiet) huma u jduru d-djar bdew jikkampanjaw favur l-IVA. Bdew ukoll it-telefonati, prinċipalment fl-aħħar ġimgħa.  Anke fid-djar ta’ attivisti tal-Birdlife u tal- ADZ (AD Żgħażagħ) ċemplu jikkampanjaw favur l-IVA. Araw ftit dak li kiteb Steve Borg, ambjentalist rispettat u ex-kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew.

Jiena m’inix sorpriż b’dan kollu minħabba li l-Partit Laburista kellu commitment politiku fuq il-materja. Kien baħnan min emmen jew ittama li l-Partit Laburista ser jibqa’ barra mill-kampanja u b’ħalqu magħluq. Il-kritika tiegħi lill-Partit Laburista mhux li ikkampanja favur l-IVA, iżda li ma kellux il-kuraġġ li dan jikkonfermaħ fil-pubbliku. Ipprova jistaħba wara subgħajh.

Manifest taż-Żgħażagħ AD

adz_logo.gif

 

Il-ġimgħa l-oħra ż-Żgħażagħ tal-Alternattiva Demokratika  ppubblikaw Manifest Politiku li jiġbor fih proposti għal azzjoni mifruxa fuq 40 paġna. Il-proposti tagħhom huma miġbura taħt tlett titli : l-ekonomija, l-politika soċjali u l-ekoloġija.

Il-Manifest sħih jista’ jinqara b’mod elettroniku :

http://www.alternattiva.org.mt/filebank/documents/ADZ%20Youth%20Manifesto%202008.pdf.

 

Dan il-Manifest jirrifletti fuq kif iż-Żagħżagħ f’Malta qed jiffaċċaw il-futur u jidentifika l-proposti ta’ azzjoni meħtieġa biex il-politika tkun ta’ katalist : tgħin liż-żagħżagħ iwettqu  l-ħolma tagħhom.

B’sodisfazzjoni osservajt li l-Manifest taż-Żgħażagħ AD jirnexxielu jinseġ flimkien il-poltika soċjali u ambjentali u b’hekk iwassal messaġġ importanti li l-politika ambjentali hi għodda utli għat-twettiq ta’ gustizzja soċjali ukoll .