Gonzi fir-rokna

Lawrence Gonzi qiegħed fir-rokna. Ilu jilgħab logħba perikoluża. Imma issa qiegħed joqrob lejn l-aħħar.

It-tmexxija tiegħu tal-Partit Nazzjonalista u tal-Gvern imxiet mill-ħażin għall-agħar.

L-ewwel linja ta’ difiża tiegħu kienet li m’hux hu kien responsabbli. Imma t-team li wiret. Għalhekk RCC u Joe Saliba ħarġu bil-brand ta’ gonzipn.

Gonzipn fissret il-konvinzjoni ta’ Gonzi u dawk ta’ madwaru (RCC, Joe Saliba u Austin Gatt) li l-Grupp Parlamentari u l-Kabinett ma jiswew għalxejn. Hu kollox. Qabel l-elezzjoni fil-fatt lil Molly Bordonaro Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti qalila li ma kellux minfejn jagħżel Kabinett sura. Għalhekk wara l-elezzjoni lil uħud infurmhom b’SMS li s-servizzi tagħhom ma kellux aktar ħtieġa tagħhom.

Dak li qed jiġri llum fil-Parlament hu l-konsegwenza ta’ dak li Gonzi u Saliba ħawlu snin ilu. Fil-fatt li tiżra’ taħsad.

Fil-Parlament smajna lil diversi jkunu kritiċi ta’ dak li kien qed jagħmel kif ukoll ta’ dak li ma kienx qed jagħmel il-Gvern: gonzipn. U ġaladarba l-istrateġisti għoġobhom jidentifikaw il-Gvern ma persuna waħda (l-brand Gonzi) jridu joqgħodu għall-konsegwenzi : li l-istess persuna terfa’ r-responsabbilta ta’ kull ma ġara.

Ma hemm xejn ħażin li diversi membri parlamentari ħasssew il-ħtieġa li jitkellmu fil-pubbliku dwar dak li kien miexi ħażin. Dan hu rifless ta’ l-integrita’ tagħhom li quddiem triq li qed twassal għal diżastru u kollass komplet tal-PN huma għażlu t-triq tal-irġulija. Bil-bibien magħluqin setgħu faċilment imxew mal-kurrent. Bi grupp parlamentari li jippreferixxi l-inċens, bi tmexxija li tippreferi lil min jilgħaq hu pożittiv li diversi fetħu ħalqhom u qalu lil Gonzi u lir-reqdin ta’ madwaru li dak li qalu ma kienx jikkorrispondi ma dak li għamlu.

Gonzi ipprova jixtri lill-kritiċi. Ħoloq u ħatar numru ta’ Assistenti Parlamentari. Kariga immudellata fuq il-Parliamentary Private Secretary fil-House of Commons bid-differenza li fil-House of Commons hu unur li tinħatar. F’Malta titħallas biex forsi tinxtara u tagħlaq ħalqek.

Il-kritiċi parlamentari nazzjonalisti ta’ Gonzi għamlu żball wieħed. Ma kkordinawx il-ħidma bejniethom. Li għamlu hekk kienu jkunu effettivament qed iwaqqfu kurrent b’mod formali u kienu jġibu lil Gonzi f’postu żmien twil ilu.  Kienu jġibuh għarkuptejh u possibilment kienu jiffrankaw lill-pajjiż numru ta’ deċiżjonijiet żbaljati.

Iktar ma jgħaddi żmien imma Gonzi qed jitfixkel f’saqajh. Flok ma joqgħod attent għal dak li jagħmel (hu u ta’ madwaru) qiegħed ta’ kuljum iwassal messaġġ li l-arroganza hi element essenzjali tal-għodda ta’ tmexxija li hu għażel.

Mhux l-ewwel wieħed mill-mexxejja politiċi ta’ dan il-pajjiż li sab ruħu f’din il-posizzjoni. Hu dak li tagħmel meta tkun fir-rokna.

Advertisements