L-iskandlu tal-Leisure Clothing: meta l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi raqad.

sleeping beauty

 

Norman Vella, fil-blog tiegħu Mill-Venda, kiteb artiklu intitolat : L-iskandlu Leisure Clothing: Fil-GWU kien hemm min ilu jaf (30 t’Ottubru). Skond Norman Vella “xi snin ilu ġurnalist tal-gazzetta L-Orizzont kien beda jinvestiga l-abbuż tal-ħaddiema Ażjatiċi fil-fabbrika tal-Leisure Clothing. Dak iż-żmien fil-Gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista.”

L-emfasi ta’ Norman Vella fl-artiklu tiegħu hi li Tony Zarb tal-GWU jekk irid jista’ jkollu l-informazzjoni kollha mingħand il-ġurnalisti tal-Union Press. Hemm ukoll l-issue taċ-ċensura tal-ġurnalisti tal-Union Press mit-tmexxija tal-GWU.

Norman Vella fl-artiklu dwar l-abbużi fil-Leisure Clothing imkien ma jgħidilna għalfejn raqad il-Gvern tal-Lawrence Gonzi.

Kif inhu possibli li dakinnhar, ħlief il-ġurnalisti tal-GWU (li ġew iċċensurati) ħadd ma nduna b’xejn? Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi : kien rieqed u ma nduna b’xejn jew għalaq għajnejh? Liema minnhom?

Forsi l-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon ikun jista’ jagħtina risposta. Jista’ jintervista lill-Ministri tax-Xogħol kollha li kellna tul is-snin li l-Leisure Clothing ilha topera f’Malta (mis-snin 80). Għaliex ħadd ma induna b’xejn tul dawn is-snin kollha?

F’wieħed mill-artikli ippubblikati fin-Nazzjon, Joe Mikallef qalilna li fl-2007 kien hemm investigazzjoni dwar il-Leisure Clothing liema investigazzjoni ma sabet xejn. Ikun interessanti li jkun eżaminat jekk dik l-investigazzjoni kienitx waħda li saret bis-serjeta’.  Jew forsi l-abbużi żviluppaw wara l-2007?

Issa naraw ftit jekk il-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon hux ser jgħidilna ftit dwar dan ukoll.

Esaġerazzjoni jew l-awtoritajiet mixtrija ? Il-każ tal-fabbrika taċ-Ċiniżi .

Leisure Clothing.Bulebel

 

L-istorja dwar il-fabbrika taċ-Ċiniżi qed tiżviluppa ftit ftit.

Il-Leisure Clothing hi kumpanija tat-tessuti tal-istat Ċiniż. Jidher li ilha topera Malta mis-snin 80. Hemm madwar 260 ħaddiem ażjatiku (prinċipalment Ċiniżi) jaħdmu fiha.

Jidher li saret investigazzjoni fl-2007 li qed jingħad li ma sabet xejn ħażin fil-fabbrika. In-Nazzjon f’dawn il-ġranet irrappurtat li l-ħaddiema barranin tal-Leisure Clothing qed jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena u li l-awtoritajiet mhux biss qed jagħlqu għajnejhom imma ukoll li kien hemm pressjoni politika biex investigazzjoni li kienet għaddejja titwaqqaf. Qed jingħad ukoll li dawn  il-ħaddiema qed joqgħodu ġo Ħal-Far u li meta ġew Malta d-diriġenti tal-fabbrika ħadulhom il-passaporti u dokumenti ta’ identifikazzjoni biex ma jkunux jistgħu jaħarbu minn Malta.

Minkejja dak li qalet in-Nazzjon, il-Pulizija sadanittant għadhom għaddejjin bl-investigazzjoni tagħhom fejn skond rapporti diversi l-management tal-kumpanija nġabar biex jgħin f’dawn l-investigazzjonijiet.

L-Ambaxxatur Ċiniż fi stqarrija qal li ma jaf xejn.

Tony Zarb tal-General Workers Union qal li hu jikkummenta meta tkun konkluża l-investigazzjoni li qed tagħmel il-GWU dwar il-każ.

Issemmew ukoll xi persuni prominenti bħala li b’xi mod setgħu kienu involuti. Dan ikompli jħawwad l-imħuħ kif ukoll jitfa dell kbir fuq l-awtoritajiet tal-pajjiż.

Dan kollu jwassal għal diversi mistoqsijiet inevitabbli.

Kif inhu possibli li jseħħu dawn l-affarijiet taħt għajnejn kulħadd u donnu li għal żmien twil ma jinduna ħadd?

Fid-dawl ta’ din l-ewwel mistoqsija hi inevitabbli t-tieni waħda: min kien qed jipproteġi lil min? It-tielet mistoqsija hi ukoll waħda loġika: min hu wara din l-operazzjoni kollha?

Il-gazzetti u l-media soċjali qed jippruvaw iwieġbu (kulhadd bil-mod tiegħu) dawn il-mistoqsijiet, u oħrajn. Huwa importanti ħafna iżda li nkunu nafu l-fatti kollha u dan malajr kemm jista’ jkun.

Kulħadd huwa interessat li jkun jaf jekk kienx hemm xi ħadd fl-awtorita’ li nxtara kif ukoll jekk hemmx Maltin involuti f’din l-operazzjoni u jekk dan hu l-każ min huma.

Sadanittant għadni kif qrajt xi kummenti ta’ ħaddiema Maltin fil-fabbrika li qalu li quddiemhom il-ħaddiema Ċiniżi qatt ma kienu trattati ħażin.

Imma kif ġustament ikkummenta Norman Vella fuq il-blog tiegħu, l-istorja tinten sewwa. Għax biex iġġib il-barranin jaħdmu fuq linja ta’ produzzjoni li biex tkun kompetittiva tirrikjedi pagi baxxi, (tant li l-fabbriki Maltin tat-tessuti għalqu kollha) bilfors kien hemm l-intenzjoni ta’ ħlas ta’ pagi miżeri. Kif jgħid Norman Vella : kemm taħsbuna boloħ?

Irridu nistennew biex naraw eżattament x’ġara. Jekk huwiex każ ivvintat jew rappurtaġġ esaġerat, inkella jekk hux każ ta’ abbuż li nżamm mistur sa issa minħabba li nxtraw l-awtoritajiet.

M’hemmx wisq x’tagħżel: jew waħda inkella l-oħra.

Bħal  dejjem il-qasba ma iċċaqċaqx għalxejn. Niftakru kif bdiet l-istorja: ħaddiema Ċinizi tal-fabbrika Leisure Clothing nqabdu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta jippruvaw jaħarbu b’passaporti foloz. Meta interrogawhom il-Pulizija ħarġet din l-istorja kollha.

Dan kollu jwassalni biex nikkonkludi li probabbilment hemm l-abbużi, li dawn ilhom għaddejjin u li xi ħadd għamel ħiltu biex jostor dak li ġara. Għalfejn?

Dalwaqt nisimgħu l-kor ikanta: “mhux jien”.

Dear Henrik ……………. id-diskussjoni f’alternattiva

Mela l-aħħar waħda issa hi li Alternattiva Demokratika saret partit kommunista.

Meta Henrik Piski rreżenja mill-Eżekuttiv ta’ AD, inkluż minn Deputat Segretarju Ġenerali u kelliemi qal li ma jaqbilx mal-kommemorazzjoni minn AD ta’ Jum il-Ħaddiem nhar l-Ewwel ta’ Mejju. B’mod partikolari iddejjaq meta saret konferenza stampa dwar il-materja quddiem il-monument li jfakkar it-twaqqif tal-GWU fl-Imsida. Dan qal Piski hu simboliżmu qawwi li jfakkru fil-pajjiżi komunisti.

Imissu l-konferenza stampa saret quddiem l-uffiċini tal-ETC (Ħal-Far) qal Piski.

Għal dawn ir-raġunijiet imġebbda AD qed tkun deskritta bħala komunista!

Li Piski għandu dawn l-ideat nifhmu. Mhux biss għax qalhom imma għax hu oriġina mill-Lvant tal-Ewropa u kull ilma jaħsbu misħun. Imma li jkun hemm min irewwaħlu u jkabbar u jesagera dak li jgħid, din storja oħra. Bilfors twassal għal konklużjoni li hemm min irid jinqeda bih għal xi skop ieħor. Iż-żmien jagħtina parir.

F’Alternattiva niddiskutu. Xi kultanjt naħseb li niddiskutu ż-żejjed. U meta tiddiskuti joħorġu l-kuntrasti tal-ideat. Kull wieħed minna  f’AD għandu l-ideat tiegħu. Mhux l-ewwel darba li ma naqblux. Ħafna drabi nirriżolvu l-opinjonijiet differenti billi naslu għal kunsens. Dak li jiġri f’partit serju u demokratiku.

Illum il-5 t’Ottubru ……….. Jum l-Istudent ……… Jum il-GWU

Dan il-Jum huwa għalija marbut mal-5 t’Ottubru 1977, Jum l-Istudent.

Ifakkar il-ġrajjiet ta’ dakinnhar. Meta studenti tal-Mediċina li inqabdu fin-nofs fit-tilwima bejn il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista u t-tobba intrabtu bil-ktajjen mal-ħadid tal-Berġa ta’ Kastilja biex jipprotestaw kontra l-għeluq tal-Iskola Medika u l-effett li dan kellu fuq l-edukazzjoni tagħhom.

Ifakkar in-numru kbir ta’ studenti  li tlajna minn Tal-Qroqq lejn il-Belt b’appoġġ u r-reazzjoni vjolenti tal-Pulizija.

Żminijiet oħra li għalina li konna hemm u għaddejna minnhom żgur li l-anqas noħolmu bihom ma nixtiequ. Għal dawk li ma kienux hemm diffiċli li jifhmu.  

Illum huwa ukoll Jum il-GWU. Ifakkar meta din il-Union twaqqfet fl-1943, 65 sena ilu. Jum importanti u ta’ riflessjoni għal Union li flimkien ma kontribut posittiv qawwi għamlet ukoll żbalji kbar fil-passat. Ovvjament inħarsu l-quddiem b’tama li l-iżbalji ma jirrepetux ruħhom.