
Qed jgħidulna li min jitkellem b’mod kritiku dwar dak li jkun qed jiġri f’Malta barra l-pajjiż ikun qed jaġixxi kontra l-interess nazzjonali.
Jekk taqra dak li qed jingħad qiesu hemm xi obbligu li f’fora internazzjonali kull Malti għandu l-obbligu li jfaħħar u jappoġġa dak li jagħmel il-Gvern. Bħala eżempju ġieli jgħidulna li d-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew appoġġat il-kandidatura ta’ Tonio Borg għal Kummissarju Ewropew. Qiesu jridu jgħidulna li għamlu hekk minkejja li kienu jafu li dik ma kienitx għażla tajba, iżda huma xorta taw l-appoġġ tagħhom, ovvjament fl-interess nazzjonali!
Fil-fatt meta d-delegazzjoni Laburista appoġġat il-kandidatura ta’ Tonio Borg (minkejja li kienet taf li dik kien proposta żbaljata tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi) imxiet kontra l-interess nazzjonali, għax l-interess ta’ Malta kien li jkollna Kummissarju differenti. Tonio Borg minkejja l-kwalitajiet tajba tiegħu ma kienx għażla tajba għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew.
Bħalma l-Labour dakinnhar żbaljaw, illum jippretendu li l-iżball tagħhom jimitah kulhadd. Jippretendu appoġġ għami għal dak li jagħmel il-Gvern. Taqbel u ma taqbilx. Fl-interess nazzjonali, ovvjament.
Ma hemm l-ebda obbligu li nagħtu appoġġ lill-Gvern meta dan jiżbalja. La f’Malta u l-anqas barra minn Malta. Hu kontra l-interess nazzjonali li tappoġġa proposti żbaljati biex tidher taparsi patrijott.
X’tagħmel il-GWU dwar il-proposta tal-Gvern dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza hi għażla tagħha. Il-GWU għandha kull dritt (u obbligu) li tasal għall-konklużjonjiet tagħha dwar dak li jkun għaddej. Kif jagħmel ħaddieħor. Pero’ l-President tal-GWU ma għandu l-ebda dritt jippretendi u jinsisti li d-diskussjoni ma tmurx lil hinn minn xtutna. Dak li qed jipproponi l-Gvern dwar iċ-ċittadinanza għandu, implikazzjonijiet serji lil hinn minn xtutna u għalhekk hu floku li l-Parlament Ewropew jiddiskuti l-materja f’nofs Jannar 2014.
Dak kollu li jiġri Malta qatt ma kien ta’ interess għalina biss. Iktar u iktar illum li niffurmaw parti mill-Unjoni Ewropeja. Dak kollu li jiġri f’Malta jinteressa lil kulħadd. Bl-istess mod jinteressa lilna dak li jiġri f’pajjiżi oħra ukoll, kemm dawk li pajjiżi li huma qrib tagħna kif ukoll dawk li huma iktar il-bogħod.
Per eżempju kien hemm żmien meta l-Libja, fi żmien Muammar Gaddafi, ftehmet ma Sarkozy (dakinnhar President ta’ Franza) dwar ix-xiri ta’ impjant nuklejari biex dan ikun istallat mal-kosta Libjana ħalli jipproduċi ilma tajjeb għax-xorb mill-ilma baħar. Dan l-impjant, jekk il-kostruzzjoni tiegħu jseħħ, jista’ jkollu impatt negattiv fuq Malta, iżda minkejja dan ħadd ma fetaħ ħalqu dwaru ħlief Alternattiva Demokratika. L-anqas meta l-Italja taħt Silvio Berlusconi ipprovat tibni impjant nuklejari 94 kilometru l-bogħod minn Għawdex (f’Palma di Montechiaro mal-kosta t’isfel ta’ Sqallija) ukoll ħadd ma fetaħ ħalqu f’Malta ħlief Alternattiva Demokratika. Dan minkejja l-potenzjal ta’ impatt diżastruż ta’ dan l-impjant fuq il-gżejjer Maltin.
L-interess nazzjonali dakinnhar kien jitlob li l-Gvern u l-Opposizzjoni jiftħu ħalqhom. Iżda kemm il-PN kif ukoll il-Labour dakinnhar baqgħu siekta t-tnejn. Bħala riżultat ta’ dak is-skiet dakinnhar irrenjaw l-interessi ta’ Franza, tal-Libja u tal-Italja, mhux l-interess nazzjonali ta’ Malta.
Fi ftit kliem is-skiet biss huwa kontra l-interess nazzjonali. Għandna l-obbligu li niftħu ħalqna dejjem. Nitkellmu b’mod responsabbli iva, imma mhux li nżommu ħalqna magħluq.
Hu fl-interess nazzjonali li min hu tal-fehma li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza proposta mill-Gvern ta’ Malta hi żbaljata jesprimi ruħu pubblikament, dejjem sakemm dan isir b’mod responsabbli. Ikun qed jimxi kontra l-interess nazzjonali min, minkejja dan, jibqa’ ħalqu magħluq. Hu biss is-skiet li jagħmel il-ħsara.
ippubblikat fuq iNews, it-Tlieta 31 ta’ Diċembru 2013