Wara Spin Valley ……….. is-supermarket ?

 

 

 

 

 

Ilkoll segwejna mill-qrib l-iżviluppi dwar l-skandlu ta’ Spin Valley fil-Mistra. L-istorja kollha għad trid tinkiteb.

 

Illum ingħalaq kapitlu ieħor fl-istorja ta’ Spin Valley meta l-Bord tal-MEPA dal-għodu rtira l-permess(Outline) li kien inħareġ mid-Diviżjoni A tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp.

 

Prosit.

 

Issa jmiss iżda li l-MEPA tuża l-istess kejl ma’ permessi oħra li jixirqilhom trattament simili. L-ewwel fuq il-lista hemm is-supermarket fil-limiti ta’ Ħal-Kirkop/Ħal-Safi u li dwaru l-istess Diviżjoni ‘A’ tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp approvat permess minkejja r-rakomandazzjoni kuntrarja tad-Direttorat tal-Ippjanar kif ukoll minkejja li dan kien barra miż-żona tal-iżvilupp.

 

Għal min nesa’ xi ftit infakkar li l-awditur tal-MEPA kien investiga l-ħruġ tal-permess ta’ dan is-supermarket u kien ikkonkluda li dan ma kellux joħroġ.

 

Tiftakru li kienet irreżenjat il-Kummissjoni kollha, ftit minuti wara li ħareġ ir-rapport ? Iffriskaw ftit il-memorja.

 

 

Lidl …………….is-Supermarket taċ-Ċaqnu f’Ħal-Safi

btn_polidano.gif   lidl.jpg                         

Is-supermarket li qed jibni ċ-Ċaqnu f’Ħal-Safi huwa għad-ditta Lidl, kumpanija ta’ oriġini Ġermaniża li topera madwar 7,000 supermarket mifruxa mal-Ewropa kollha.

 

L-isem sħiħ tal-kumpanija hu Lidl Stiftung & Co KG. Hija propjeta tal-kumpanija  Schwarz li minbarra l-Lidl tippossjedi ukoll ic-chain stores Handelshof u Kaufland.

 

Lidl huwa mifruxa fi 17-il pajjiż u jopera bħala discount store.

 

F’artiklu intitolat Cheap – but not so cheerful ? Helen Pidd fil-ħarġa tal-Guardian tal-14 ta’ Marzu 2007 (ara http://www.guardian.co.uk/business/2007/mar/14/businesscomment.supermarkets) titkellem fuq l-istrateġiji kontroversjali tal-Lidl, b’mod partikolari fil-mod kif tittratta lill-ħaddiema tagħha.

 

Aqra l-artiklu ħalli tifforma l-opinjoni tiegħek.

 

Tista’ tara ukoll dan is-sit : http://www.union-network.org/UNISITE/Sectors/Commerce/index_multinationals_Lidl.htm

 Inkompli darba oħra.

L-Audit Officer tal-MEPA jagħti raġun lill-Alternattiva Demokratika

adsmall.gif   mepa6.jpg

L-Audit Officer tal-MEPA f’’rapport maħruġ il-bieraħ wara nofsinnhar ta’ raġun lill-Alternattiva Demokratika li talbet li jiġi investigat il-ħruġ tal-permess PA 0554/06 mill-Kummissjoni ghall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp (Diviżjoni A) tal-MEPA.

L-applikazzjoni saret minn Charles Polidano (iċ-Ċaqnu) biex jinbena Supermarket barra miż-żona ta’ l-iżvilupp (ODZ) fi Triq San Ġwann Ħal-Safi.

L-Audit Officer tal-MEPA ikkonkluda li :

1. Il-Kummissjoni ghall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp ma mxietx mal-policies tal-MEPA meta ħarġet dan il-permess, u li l-istess Kummissjoni kienet unikament responsabbli ghall-irregolarita tal-ħruġ ta’ dan il-permess.
2. Il-Kummissjoni ghall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp għandha tkun iċċensurata talli :
(a) bidlet ir-rakkomandazzjoni ta’ rifjut tad-Direttorat ta’ l-Ippjanar mingħajr ma ġiebet raġunijiet validi ghal dan;

(b) ippermettiet il-ħruġ ta’ permess li jmur kontra l-policies stabbiliti mill-MEPA u approvati mill-Ministru;

(c) ħolqot preċedent li jippermetti żvilupp barra miż-żoni ta’ żvilupp kontra l-policy stabilita u in partikolari kontra l-pjan ta’ struttura u l-pjan lokali;

(d) injorat li dan l-iżvilupp kien jirrikjedi studju dwar l-impatt ambjentali.

3. Il-MEPA għandha tipproponi emenda għal-ligi li tagħmilha possibbli li permess ta’  żvilupp li joħrog bi ksur tal-policies fis-seħħ ikun irtirat.

Waqt Konferenza tal-aħbarijiet iI-bieraħ, jiena bħala l-kelliemi tal-AD dwar l-iżvilupp sostenibbli tlabt ir-riżenja immedjata tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp (Diviżjoni A). Ir-riżenja fil-fatt seħħet waqt li kienet qed issir il-Konferenza  Stampa stess. B’hekk refgħu r-responsabbilta ta’ egħmilhom.  

F’isem l-AD għamilt stedina lill-Ministru ta’ l-Ambjent George Pullicino, biex fil-ftit jiem li baqgħalu fil-kariga jieħu passi biex tissewwa l-ħsara li saret.

Ic-Chairperson ta’ AD Dr. Harry Vassallo qal li permess maħruġ illegalment bħal f’dan il-każ huwa invalidu u l-MEPA ghandha d-dmir li tieħu passi biex jieqaf ix-xogħol minnufih u tissewwa l-ħsara li saret. Alternattiva Demokratika hija lesta li tieħu l-passi legali kollha meħtieġa biex il-liġi tiġi rispettata. Dr. Gonzi irid jieħu passi immedjati biex ikun jista’ jikkonvinċi lil xi ħadd li jekk jieħu responsabbilta diretta għall-ippjanar wara l-elezzjoni ma jibqgħux iseħħu każijiet skandalużi bħal ma dan. Huwa ukoll għandu responsabbilta’ politika xi jġorr ghall-ħruġ ta’ dan il-permess irregolari liċ-Ċaqnu.