Il-ħruġ taż-żjut mit-terminal ta’ San Luċjan fil-baħar nhar l-Erbgħa wara nofsinnhar wassal biex għal-darba oħra ġie pprojibit l-għawm f’Birżebbuġa, din id-darba l-Qajjenza viċin fejn sa ftit ilu kellna l-impjant tal-gass.
Din mhiex l-ewwel darba. Xahar ilu kellna l-inċident fil-Port Ħieles fejn inċident ieħor kien wassal biex likwidu f’container jispiċċa l-baħar. Il-Bajja s-Sabiħa kienet damet ġranet magħluqa għall-għawm.
Kull darba li jkollna dawn l-inċidenti jbatu bosta.
L-ewwel ibatu r-residenti ta’ Birżebbuġa li jkunu mċaħħda minn rikrejazzjoni mistħoqqa. Ibatu magħhom dawk li jkunu Birżebbuġa villeġġatura. Ibatu ukoll bosta residenti mid-diversi lokalitajiet fin-nofsinnhar tal-pajjiż li f’Birżebbuġa isibu post fejn jistgħu jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ.
Ibatu ukoll dawk li l-għixien tagħhom jiddependi mill-baħar inkella mill-ħwienet diversi mxerrdin ma’ Birżebbuġa.
Dawn l-inċidenti għandhom impatt fuq dawn kollha.
F’dan l-istadju ħadd għadu ma jaf eżatt x’ikkawża l-inċident u jiena mhux ser noqgħod nispekula x’setgħet kienet il-kawża. Il-fatti imma huma magħrufa minn kulħadd. Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed tiżdied l-attività industrijali fil-Port ta’ Marsaxlokk. Din l-attività nisslet kritika mhux żgħira tul is-snin, mumenti li għixniehom flimkien, xi drabi ukoll b’opinjonijiet li jikkuntrastaw.
Illum qegħdin f’mument fejn l-attività industrijali li kienet proposta fl-interess ta’ ħidma ekonomika mixtieqa biex tnissel il-ġid qed tagħtina ukoll l-impatti negattivi tagħha. Kulħadd jippreferi kieku l-impatti negattivi ma jiġu qatt. Għalhekk għandna naħdmu.
Jekk bħala pajjiż m’aħniex ser jirnexxielna nassiguraw kontrolli stretti biżżejjed biex dawn l-impatti negattivi jkunu mill-inqas possibli ser ikollna iktar problemi. Wisq nibża’ li bħala riżultat taż-żieda tal-attività industrijali mhux il-bogħod li t-tgawdija tal-baħar f’Birżebbuġa tkun biss attivita’ tal-passat li tista’ issir biss mir-ritratti.
Forsi huwa ukoll il-mument li nifhmu li dawn huma l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħarsien ambjentali adegwat kif ukoll ta’ konċentrazzjoni esagerata ta’ ħidma industrijali fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Issa min irid jibqa’ b’rasu fir-ramel affari tiegħu.
ippubblikat fuq iNews il-Gimgħa 24 ta’ Lulju 2015