Illum flimkien ma Arnold Cassola u oħrajn, għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika ħadt sehem f’laqgħa ma’ David Spiteri Gingell, li qed imexxi kumitat imwaqqaf mill-Gvern dwar il-Bdil fil-Klima.
Il-laqgħa kienet waħda pożittiva ħafna li fihom iddiskutejna diversi miżuri li jistgħu jittieħdu mhux biss biex Malta tonora l-obbligi tagħha imma biex ilkoll ikollna kwalita’ tal-ħajja aħjar.
Fi tmiem il-laqgħa AD ħriġna l-istqarrija segwenti :
“ Arnold Cassola, Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika stqarr li Malta għadha lura ħafna fil-miri tagħha, li suppost iwasslu biex fl-2020 Malta tuża 10% ta’ l-enerġija tagħha minn għejjun naturali bħax-xemx u r-riħ u biex nnaqqsu 20% tal-emissjonijiet tagħna ta’ CO2.
Ralph Cassar kelliemi dwar l-Enerġija, Trasport u Industrija qal: Alternattiva Demokratika terġa ttenni l-pjan tagħha għall-inċentivar ta’ enerġija alternattiva – fosthom li jiġu stallati minn 3 sa 4 rdieden tar-riħ fuq l-art, li jiġu introdotti inċentivi għall-installar ta’ pannelli fotovoltajċi b’tariffi speċjali għall-elettriku żejjed li dawn is-sistemi jipproduċu, u programm serju ta’ inċentivi għall-familji biex jistallaw sistemi li jsaħħnu l-ilma permezz tax-xemx. Nemmnu li b’inċentivi tajbin nistgħu nibdew nipproduċu persentaġġ tajjeb ta’ enerġija minn sorsi alternattivi. AD mhux qed titlob l-impossibbli – hemm diversi mudelli ta’ incentivi li jistgħu jiġu addattati ghal Malta
, fosthom dak Ġermaniż li ġie introdott meta l-Ħodor kienu fil-Gvern ftit snin ilu.
Cacopardo kompla jghid illi huwa meħtieġ li mhux biss ikunu inkoraġġiti forom differenti ta’ transport pubbliku inkluż dak bil-baħar, talli huwa neċessarju li fit-toroq tinħoloq il-wisa’ għall-użu tar-roti b’mod partikolari għal distanzi żgħar.
Il-Gvern għandu l–obbligu, temm jgħid Cacopardo illi jfassal Carbon Budget u jressqu għad-diskusjoni tal-Parlament. Permezz ta’ dan il-Carbon Budget ikun possibli li jitfasslu miri speċifiċi u kif dawn jistgħu jintlaħqu.”