Avukati, pulizija u l-kriminali ta’ wara l-iskrivanija

 

Naħseb li hu ċar għal kulħadd li xi avukati huma familjari ftit iżżejjed ma’ kriminali li hawn jiġru mas-saqajn. Dan kien wieħed mit-temi li Daphne Caruana Galizia analizzat fil-blog tagħha tul is-snin. L-imġieba tagħhom kienet taħt il-lenti tagħha: lenti li tifli b’reqqa.

Dak li qed jingħad bħalissa dwar Chris Cardona, avukat u Ministru, jagħmel ħafna sens f’dan il-kuntest. Nifhem li hu jiċħad b’qawwa l-konklużjonijiet loġiċi ta’ dak li qiegħed jingħad. L-istess bħalma ċaħad l-istejjer dwar żjara fil-burdell FKK Acapulco fil-lokal ta’ Verbert ħdejn Düsseldorf fil-Ġermanja. Hekk kif waslet is-siegħa tal-prova dwar fejn kien skond kif jirriżulta mill-informazzjoni li kien jittrasmetti l-mobile tiegħu, il-kawżi ta’ libell waqfu, u l-provi ma nstemgħux.

Ovvjament kulħadd għandu dritt jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Jiena bħal ħafna oħrajn ikkonkludejt li ċ-ċahdiet ta’ Chris Cardona ma tistax teħodhom bis-serjetá. Din hi materja gravi ħafna, għax Chris Cardona mhux biċċa avukat, imma Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Ministru. Bħala Maltin għandna d-dritt li l-Ministri u l-uffiċjali tal-partiti politiċi jkunu persuni serji u ta’ integritá, li ma twaqqawlniex wiċċna l-art.

Diversi qed jinsistu li hemm bżonn inkjesta speċjali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern ħa l-posizzjoni li dwar jekk hemmx din il-ħtieġa jiddeċiedi iktar tard wara l-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali. Joseph Muscat qed jgħid li jekk ma jsirx hekk l-inkjesta maġisterjali tista’ tkun preġudikata.

Ma naqbilx ma dak li qed jgħid Joseph Muscat għax l-iskop taż-żewġ inkjesti hu differenti. Kif kien ġara dwar l-inċident tax-xufier/pulizija li kellu Manwel Mallia, dakinnhar Ministru għall-Intern. Dakinnhar kien hemm żewġ inkjesti għaddejjin flimkien u safejn naf jien l-ebda waħda mill-inkjesti ma kienet ta’ xkiel għall-inkjesta l-oħra.

L-inkjesta speċjali hi meħtieġa dwar il-kollass tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-kontribut ta’ dan il-kollass biex żviluppat is-sitwazzjoni attwali. Hemm bżonn ukoll spjegazzjoni li tagħmel sens għaliex il-maġistrat li kien qiegħed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne ingħata promozzjoni fl-iktar mument kritiku għall-inkjesta kif ukoll jekk hux veru li kellu jiffaċċja ostakli kbar fil-ħidma tiegħu.

Għax uħud mill-kriminali li hawn jiġru mas-saqajn jista’ jkun li huma liebsin il-ġlekk u l-ingravata u qegħdin wara l-iskrivanija.

Id-demm ġdid tal-PN

Kemm ilhom ħerġin l-allegazzjonijiet dwar Dottor Adrian Delia, wieħed mill-erba’ kandidati għall-Kap tal-PN, uħud qieshom waqgħu fil-muta.

Meta tqis li t-tip ta’ “provi” li qed jiġu ppubblikati huma tal-istess kwalità ta’ dawk li rajna fl-iskandlu tal-Panama, malajr tintebaħ għalfejn dan is-skiet.

Għax jekk dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat ġustament intqal li dawn kellhom jirriżenjaw dwar il-kumpaniji sigrieti, Dottor Adrian Delia jmissu jmur jistaħba malajr kemm jista’ jkun meta tqis il-gravità ta’ dak li qiegħed jingħad dwaru.
Imma, bħal dejjem, f’Malta, kollox ta’ taħt fuq, naddattaw ruħna skond min ikollna quddiemna. L-attitudni hi: “tagħna tajjeb, imma ta’ ħaddieħor ħażin. Għax jekk għal ħadieħor xejn m’hu xejn, aħna mhux anqas.”

Xi tfisser, allura, it-tolleranza żero għan-nuqqas ta’ serjetà?

L-aqwa li Dr Delia bħal Konrad Mizzi talab verifika (jiġifieri audit). Bħal dak li qallu li l-verifika fiċ-ċirkustanzi ser tħassar id-dubji u t-tħassib.

Issa l-eżistenza ta’ kont bankarju, kemm f’Malta kif ukoll barra, qatt ma kienet il-problema. Hu l-użu li jsir minn dan il-kont bankarju li jista’ jkun il-problema. Dan hu l-każ tal-kont bankarju f’Jersey li fid-dokument ippubblikat iġib l-isem ta’ Adrian Delia, probabbilment meqjus bħala kont bankarju għan-nom ta’ klijenti (għalkemm dan xejn mhux ċar mid-dokument ippubblikat fejn jidher li hu kont personali).

Ma hemm xejn ħażin li professjonist jamministra fondi tal-klijenti tiegħu. Dan isir il-ħin kollu.

L-allegazzjoni gravi dwar Adrian Delia mhiex dwar l-eżistenza ta’ kont bankarju amministrat minn professjonist biex jamministra fondi ta’ klijenti, imma li dan il-kont kien qiegħed jintuża għal ħasil ta’ flus li jidher li kienu ġejjin mill-prostituzzjoni. L-istampa kollha għad mhiex magħrufa. Bħas-soltu toħroġ bis-sulluzzu. Nittama biss li tkun l-istampa kollha li toħroġ u mhux biss il-parti li jkun jaqbel.

Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda minn Adrian Delia. Imma anke Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat ċaħdu l-allegazzjonijiet dwarhom fl-iskandlu tal-Panama, u kif tafu dawn ftit twemmnu. Anzi intalbet inkjesta maġisterjali għal waħda tnejn u iktar.

M’għandi l-ebda dubju li l-Partit Nazzjonalista mhux ser jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga u dan għax ma hemmx fiduċja fih kif diġa ġie dikjarat minn Simon Busuttil diversi drabi.

Forsi ma tafx kif fis-siegħat li ġejjin, Simon Busuttil jitlob lill-Maġistrat tal-Għassa biex jiftaħ investigazzjoni dwar l-allegazzjoni gravi li saret fil-konfront ta’ Adrian Delia. Forsi jkollna purċissjoni bil-boxfiles mimlija dokumenti biex ikunu ppreżentati għall-konsiderazzjoni tal-Maġistrat. Imma Simon Busuttil, s’issa, għadu ma qal xejn. Forsi għadu qed jaħsibha, jiġbor u jeżamina d-dokumenti.

Għax jekk hu ġustifikabbli li titlob inkjesta u r-riżenja ta’ dawk involuti fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, li bir-raġun kollu kien hemm is-suspett li twaqqfu għal skop mhux leċtu, kemm iktar għandha tittieħed azzjoni biex jiġu stabiliti l-fatti vera dwar il-flejjes li qed jintqal li inħaslu f’dan il-kont bankarju?

Għal Joseph, Keith u Konrad nafu li xejn m’hu xejn. Imma nafu li Simon Busuttil li soltu jipprietka l-qdusija, waqa’ fil-muta. (Huwa propju issa waqt li qed nikteb li tħabbar li l-Kunsill Amministrattiv tal-PN ser jiltaqa’ nhar it-Tnejn biex jiddiskuti l-kaz. L-inizjattiva għal dan imma, ma ittieħditx mit-tmexxija imma minn wiehed mill-kunsilliera lokali tal-PN.)

L-anqas il-Kamra tal-Avukati għadha ma qalet xejn. Soltu tkun pronta tgħidilna x’taħseb.

F’pajjiż demokratiku ieħor, wara r-rivelazzjonijiet dwaru, Adrian Delia kien jisparixxi u jirtira l-kandidatura tiegħu minn jeddu ta’ l-inqas biex jipproteġi r-reputazzjoni tal-partit politiku li jappartjeni għalih.

Imma f’Malta ma jsirx hekk: anzi jibqa’ jinsisti bil-konsegwenza li iktar ma tikber l-istorja iktar issir ħsara mhux biss lilu imma fuq kollox lil dawk ta’ madwaru li probabbilment m’għandhomx l-iċken idea la ta’ x’ġara u l-anqas ta’ x’jista’ jkun żvelat iktar il-quddiem dwar il-kaz.

Hu ovvju li l-informazzjoni ppubblikata ħarġet għax hemm min għandu interess li toħroġ f’dan il-mument partikolari. Dan ma jnaqqasx mill-gravità tal-informazzjoni ppubblikata. Probabbilment li hemm ukoll stejjer oħra dwar it-tlett kandidati l-oħra li f’dan il-mument partikolari m’hemm l-ebda interess fihom.

Imma meta tqis kollox hu ċar li dan hu eżempju ieħor għal min irid jifhem li m’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL. It-tnejn iħaddnu politika ta’ xejn m’hu xejn. Politika li tipprova tiġġustifika kważi kollox.

Jekk dan hu d-demm ġdid tal-PN, il-problemi ser jimmultiplikaw. Bla dubju pajjiżna jixraqlu aħjar.