Il-bieraħ f’San Ġiljan fejn ser nikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali indirizzajt konferenza stampa dwar il-ħidma fil-lokalità. Il-prijorità ta’ Alternattiva Demokratika hi dejjem il-ħarsien tan-nies u tal-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-ħidma għal toroq u bankini aħjar trid tissokta mhux biss bi programm ta’ tiswija regolari imma billi jkun assigurat illi l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan jaħdem id f’id ma’ Infrastructure Malta ħalli l-investiment ta’ €700 miljun li ser jagħmel il-Gvern fit-toroq tal-pajjiż ikollu effett posittiv fuq San Ġiljan ukoll.
Għandu jkun hemm investiment adegwat ukoll fil-bankini. Ħafna minnhom saru biex jaġevolaw il-karozzi fil-garaxxijiet bil-konsegwenza li diversi bankini spiċċaw tlajja u nżul kontinwi b’detriment għal min huwa vulnerabbli. Bl-istess mod, il-Kunsill Lokali għandu jara li l-bankini ikunu ħielsa minn ostakli li ħafna drabi iġiegħlu lir-residenti, partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli jimxu fin-nofs tat-triq. Din hija kwistjoni prijoritarja ta′ aċċessibilità għar-residenti kollha, inkluż ghat-turisti.
F’Paceville, fil-lokalità ta’ San Ġiljan, il-Gvern qed jippjana li jwettaq il-proġett Safe Cities li permezz tiegħu tintuża t-teknoloġija tal-informatika biex tassisti lill-pulizija fiż-żamma tal-ordni pubbliku. Alternattiva Demokratika fil-Kunsill Lokali ta’San Ġiljan taħdem biex tassigura li f’kull ħin tkun assigurata l-ikbar livell ta’ ħarsien ta’ privatezza fit-twettieq ta’ dan il-proġett. Għal dan l-iskop il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għandu jinvolvi ruħu attivament fil-konsultazzjoni pubblika neċessarja għal dan l-iskop fl-interess tar-residenti.
Infakkar li teknoloġija simili qed tiġi ppruvata f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Fir-Renju Unit t-teknoloġija simili hi użata mill-Pulizija. L-NGO li tħares id-drittijiet ċivili, Big Brother Watch, f’rapport ippublikat madwar sena ilu tirrapporta li f’9 minn 10 każi (iva 90%) is-sistemi użati qed jagħtu riżultati żbaljati. Jispiċċaw arrestati persuni li m’għandhomx x’jaqsmu! F’rapport intitolat Face Off. The lawless growth of facial recognition in UK policing dan hu spjegat fid-dettall. Identifikaw uċuħ ta’persuni innoċenti. Dan apparti li r-ritratti biometriċi ta’ persuni innoċenti inżammu u nħażnu mill-Pulizija b’mod sfaċċat kontra kull regola bażika tal-ħarsien tad-data.
Dan kollu jfisser li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li ser ikun elett fil-25 ta’ Mejju li ġej għandu impenn ieħor quddiemu: iż-żamma tal-ordni pubbliku għandu jsir f’ħarsien sħiħ tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem. M’hux aċċettabbli teknoloġija li twassal għal żball f’90% tal-każi. Irridu naraw ukoll li r-ritratti u l-filmati meħuda ma jinħażnux iktar milli hemm bżonn.
L-isfidi tal-Kunsilli Lokali illum imorru lil hinn mill-bankina u t-triq.
F’isem Alternattiva Demokratika jiena ser inkun hemm biex flimkien naraw li ħadd ma jkun imkasbar. Il-Kunsill Lokali għandu jkun fuq quddiem nett biex jara li d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu mħarsa.
Għax waqt li l-Gvern Malti qiegħed jesperimenta bid-drittijiet tagħna flimkien mal-Huawei, ħaddiehor qed jipprojibixxi dan kollu kif għamlu din il-ġimgħa f’San Francisco!