Prim Ministru li rriżenja minħabba fixkun inbid ………… jiswa’ A$3,000

1959 Penfolds Grange

 

Hawn taħt qed nirriproduċi artiklu dwar ir-riżenja tal-Prim Ministru ta’ New South Wales Barry O’Farrell minħabba flixkun inbid. Jiswa A$3,000! Il-kaz ġara sentejn ilu, f’April 2014.

Din ir-riżenja giet deskritta bħala : the sign of a political culture that has become allergic to even the whiff of corruption. Kull kumment ieħor tiegħi ikun żejjed.

Australian premier’s resignation a sign of less, not more, corruption

Il-karrotti tal-leader

carrots

 

Il-Grupp Parlamentari Laburista qiegħed f’posizzjoni diffiċli. Il-parti l-kbira tal-membri tal-grupp huma persuni ta’ serjetà u integrità. Mhux biss dawk li issemmew mill-gazzetti bħala li kienu fuq quddiem fl-insistenza li Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco  iwarrbu jew jitwarrbu. Naf b’diversi oħrajn li huma ta’ l-istess fehma.

Imma hemm problema. Anzi tnejn.

Għalkemm ma tissemmiex, dejjem hemm il-biża’ mill-elementi vjolenti li għandhom interess fl-istatus quo inkella li qegħdin hemm fid-dell jistennew li jkunu mikrija. Elementi li ilhom ma jidhru imma li f’ċirkustanzi bħal dawn għandhom ħabta jitfaċċaw.

Joseph Muscat investa fil-Membri Parlamentari Laburisti tal-backbench biex ikollhom biex jgħaddu ż-żmien u dan billi assigura ruħu li kollha (jew kważi) għandhom xi jmaxtru. Dan bir-riżultat li fis-siegħa tal-prova l-karrotti tal-leader jassumu sinifikat kbir.

Dawn huma l-problemi li għandu quddiemu l-Grupp Parlamentari Laburista. Huma problemi li jieħdu ż-żmien biex jissolvew, sakemm iktar Membri Parlamentari jirrealizzaw li l-lealtà tagħom m’għandiex tkun lejn il-leader jew lejn il-karrotti tiegħu imma favur is-serjetà, favur it-tmexxija nadifa, favur it-trasparenza u favur il-kontabilità.

Is-serjetà fil-politika titlob ħaġa waħda: li min żbalja jħallas billi jwarrab jew jitwarrab.

Dan ma jgħoddx biss għal Konrad u Keith il-Kasco. Issa jgħodd ukoll għal Joseph Muscat. Għax id-difiża tiegħu ta’ Konrad u Keith il-Kasco qed tifni lill-pajjiż. U l-ħsara jista’ jkollha konsegwenzi kbar li jieħdu snin kbar biex jittaffew.

Il-Grupp Parlamentari Laburista ………..beda jistenbaħ

 muscat_j_signing_election_1st_billboard

Kienet aħbar tajba fl-Independent il-bieraħ li l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista kienet waħda imqanqla. Issemmew diversi ismijiet li insistew għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi. Issemmew l-ismijiet ta’ tlett Ministri li qablu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja. [Varist Bartolo, Louis Grech u Leo Brincat – dal-għodu l-Malta Today semmew ukoll lil George Vella]

Bla dubju hemm oħrajn li s’issa għad ma kellhomx il-kuraġġ li jsemmgħu leħinhom. Fil-Parlament il-bieraħ beda jiċċaqlaq ukoll Edward Scicluna l-Ministru tal-Finanzi.

Konrad (u miegħu Keith Mizzi) żbalja li mar il-Panama, anke jekk il-kumpanija tiegħu ma laħqitx bdiet topera. Il-fatt biss li mar hemm hu ġustifikazzjoni biex jirriżenja.

Hi issue ta’ imġieba ħażina ta’ Konrad (u Keith).

Qegħdin nitkellmu dwar responsabbiltà politika li Konrad (u Keith) għandu jerfa’ talli fetaħ il-kumpanija fil-Panama.

Fl-aħħar, huwa ta’ inkuraġġiment li anke fil-Grupp Parlamentari Laburista hemm min jaħsibha b’dan il-mod. Fl-aħħar fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista hemm min stenbaħ u beda jaħseb b’moħħu. Avolja daqsxejn tard.

Il-ħsara li saret lill-pajjiż hi issa irreparabbli.

 

L-intenzjonijiet tajba ta’ Konrad

timesonline 080316

Konrad Mizzi, l-bieraħ waqt Timestalk għamel pass żgħir il-quddiem: aċċetta li d-deċiżjoni tiegħu (anke jekk fuq parir tal-konsulenti Nexia BT) li jiftaħ kumpanija fil-Panama kienet deċiżjoni ħażina. An error of judgement.

Din id-deċiżjoni ħażina imma, ma tistax tħares lejha b’mod iżolat. Trid inevitabilment taraha f’kuntest iktar wiesgħa li jinkludi taħdidiet dwar negożju mal-iktar Gvern korrott tad-dinja (l-Azerbaijan) minn delegazzjoni tal-Gvern Malti magħmula biss minn politiċi u l-assistenti tagħhom maħtura fuq bażi ta’ fiduċja (position of trust).

Huwa minħabba dan li l-eżistenza tal-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri qanqlu r-reazzjoni li żviluppat f’dawn il-ġimgħatejn.

Konrad isostni li għamel kollox b’intenzjoni tajba. Imma sfortunatament, anke kieku dan kien minnu, l-ammissjoni ta’ deċiżjoni żbaljat (error of judgement) tfisser li Konrad ma għarafx il-konsegwenzi gravi ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni effettwat il-kredibilità tiegħu, għax diffiċli biex temmen dak li qed jgħid. Għandha effett ukoll fuq il-kredibilità tal-Gvern li tiegħu Konrad hu Ministru ewlieni.

Huwa għalhekk li jiena għidt li l-unika triq li kellu Konrad kienet li minn jeddu jirriżenja. Dan ikun pass kemm fl-interess ta’ Konrad innifsu kif ukoll fl-interess tal-Gvern stess.

Huwa fuq passi bħal dan li tinbena t-tmexxija tajba (good governance). Għax jekk il-politiku mhux kapaċi jerfa’ l-konsegwenzi tad-deċizjonijiet tiegħu, ikun inutli li joqgħod jlablab dwar good governance.

Is-sejħa għar-riżenja tal-Ministru Carmelo Abela

Carmelo-Abela-new-Home-Affairs-Minister

Permezz ta’ Beppe Fenech Adami, l-Opposizzjoni qalet li l-Ministru Carmelo Abela għandu jirreżenja, u dan għax il-mewt b’suwiċidju li seħħet illum fl-isptar Monte Carmeli hi xhieda tal-inkompetenza tiegħu. Iktar u iktar, qal Beppe Fenech Adami, għax din hi t-tielet mewt ta’ persuna miżmuma taħt kustodja f’dawn l-aħħar xhur.

Il-mewt taħt dawn iċ-ċirkustanzi hi ta’ tħassib kbir. Peró naħseb li Beppe f’dan il-kaz għaġġel ftit biex wasal għall-konklużjoni li hu neċessarju li jirreżenja l-Ministru.

Infetħu żewġ inkjesti dwar il-kaz u naħseb li kien ikun iktar għaqli li nistennew il-konklużjoni tagħhom qabel ma nikkonkludu eżattament x’ġara kif ukoll dwar jekk kienx hemm min (b’li għamel jew b’li m’għamilx) ikkontribwixxa għal din il-mewt.

F’dawn iċ-ċirkustanzi hu primatur li ssir sejħa għal riżenja.

Hemm ukoll il-periklu li s-sinifikat politiku tar-rizenja jkun żvalutat jekk jibqgħu jsiru dawn it-tip ta’ sejħiet ta’ spiss.  Fil-kultura politika Maltija r-riżenja politika qatt ma rabbiet egħruq fondi. Din m’hiex xi attitudi li faqqset illum iżda ilha magħna s-snin. Hu għalhekk iktar għaqli li ssir insistenza biex l-inkjesti jkun konklużi fl-iqsar żmien li hu umanament possibli, u dan biex meta jkunu magħrufa l-konklużjonijiet  ikun stabilit min għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

 

Wara r-riżenja ta’ Joe Cassar

Joe Cassar2

Joe Cassar għamel sewwa li irriżenja. Kieku irriżenja qabel kien ikun aħjar. Nhar il-Ħadd diġa għamel apoloġija lill-votanti minħabba li irrealizza li għamel żball ta’ ġudizzju (error of judgement).

Kulħadd jiżbalja, imma l-iżball tal-Ministru għandu piż ferm ikbar. U meta Joe Cassar għamel l-iżball kien Ministru tas-Saħħa.

It-triq li issa għażel Joe Cassar hi it-triq tal-irġulija. Għax li tgħid li jiddispjaċik, li tgħid sorry, mhux biżżejjed.

Il-pass ta’ Cassar hu lezzjoni għal oħrajn li, fil-passat, flok irreżenjaw qalu sorry u waqfu hemm, kif ukoll punt ta’ referenza għal dak li għadu ġej. L-iżbalji politiċi ta’ ċerta gravità ma jissewwewx bis-sorry, imma bir-riżenja ta’ min jagħmilhom jew jippermettihom.

Hi sfortuna li Cassar ma irrealizzax x’kien għaddej madwaru, sakemm kien tard wisq. Huwa f’dan is-sens li wieħed irid jifhem il-kummenti tiegħu tul il-ġranet li żviluppa l-każ fil-pubbliku.

F’kitba oħra tiegħi fuq dan il-blog jiena iddeskrivejtu bħala baħnan fis-sens ta’ naive. Cassar żbalja għax fada u dan il-fatt kien hemm min approfitta ruħu minnu fil-logħba ta’ ħmieġ politiku li għaddejja bħalissa fil-pajjiż. Peró il-fatt li kienu tlett żbalji, wieħed wara l-ieħor, u li għalihom ma kienx hemm spjegazzjoni li tagħmel sens fisser, li l-jiem ta’ Cassar kienu magħduda.

Hu inevitabbli li din ir-riżenja għandha twassal għal iktar riżenji. Meta, ma nafx. Imma naħseb li mhux il-bogħod li miż-żewġ naħat tal-Kamra ikun inevitabbli li l-imġieba tkun ftit iktar onorevoli, bil-fatti.

L-inkjesta tikkundanna lill-politiċi Maltin

letter of resignation

 

Ngħid għalija kont sorpriż meta fir-rapport tal-inkjesta tat-tlett imħallfin sibt kundanna ċara tal-politiċi Maltin li jipprietkaw ir-responsabbilta’ politika meta jkunu fl-Opposizzjoni u jinsew kollox meta jkunu fil-Gvern.

Fil-fatt fil-paġna 11 tar-rapport tal-inkjesta jingħad hekk:

“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali għall-operat ta’ persuni li Ministru jkun għażel  u ħatar biex jaqdu funzjonijiet pubbliċi. Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena  huma jkunu fil-Gvern.

Intqal li l-kultura tar-risenja, sfortunatament ftit li xejn qabdet għeruq f’pajjiżna. Wieħed isaqsi jekk waħda mir-raġunijiet għal dan toħrogx mill-fatt li ċerti għażliet u nomini – minn xufier ta’ Ministru sal-għola karigi fil-pajjiż – mhux dejjem isiru skond il-mertu, ħila u kwalitajiet intrinsiċi ta’ dak li jkun, iżda inveċe sikwit isiru fuq il-bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbiberija u konsiderazzjonijiet oħra mhux xierqa bħal dawn. Meta jiġri hekk, huwa ferm faċli, li persuni hekk magħżula, li ma jkollomx il-kwalitajiet kollha neċessarji biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiżolqu fin-niexef. Ta’ spiss żelqiet bħal dawn ma jinkixfux, u kollox jibqa’ għaddej daqs li kieku ma sar xejn, iżda s’intendi bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu. Jekk inveċe n-nuqqas li jkun isir magħruf, il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha. Minflok dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara u jekk si tratta ta’ rejat kriminali, minnufijh jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.”

 

Għalija din hi l-konklużjoni ewlenija tar-rapport tal-inkjesta. Kundanna lis-sistema politika Maltija li kontinwament taħrab milli terfa’ r-responsabbilta’ politika. Hi konferma tal-posizzjoni li ħadet Alternattiva Demokratika li kien l-unika partit li insista li għandna inmorru lil hinn mill-cover-up li allegat l-Opposizzjoni.

Ir-rapport tal-inkjesta qed titlob lill-poltiċi Maltin biex jifhmu li kull wieħed minnhom għandu jġorr ir-responsabbiltajiet politiċi għad-deiżjonijiet tiegħu.  Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista naqas milli jagħmel dan tul is-snin.

Dan kollu tikkonkludi l-inkjesta, sar u qiegħed isir “bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu”.

Tajjeb li Joseph Muscat u Simon Busuttil jibdew it-tindifa meħtieġa.

 

Ir-rapport sħih tal-inkjesta tista’ taqraħ hawn.

 

 

L-isparatura fi Triq il-Wied tal-Kappara: lil hinn mill-cover-up

cock fighting

 

L-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2014 fil-għaxija fi Triq il-Wied tal-Kappara l-Gżira issa ilha sbatax-il ġurnata li seħħet. Kull jum li jgħaddi joħorġu ftit iktar dettalji dwar dak li ġara u min għamlu.

L-aħħar biċċa aħbar hi dwar it-telefonati : min tkellem, ma min u meta. S’issa li qed nikteb it-telefonati għadna ma smajnihomx, ħlief waħda ippubblikata dal-għodu. Nafu biss dak li qalulna tan-NET TV dwar dak li suppost fihom. Ħadd s’issa (ħlief forsi Joe Mikallef tan-NET TV) għadu ma jaf jekk dan hux kollox.  Jew jekk hemmx iktar.

Dawn huma kollha dettalji importanti. Imma jibqgħu dettalji. Id-dettalji li qed jiffukaw fuqhom il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista, it-tnejn li huma, ħadu l-posizzjoni politika li l-politiku li qed jokkupa uffiċċju politiku (holder of political office) għandu jerfa’ r-responsabbilita politika tiegħu billi jirreżenja jekk għamel xi ħaġa li m’għandux jagħmel,  inkella jekk naqas milli jagħmel dak li kellu jagħmel. Għalhekk il-PN ilu mill-bidu nett jemfasizza li f’dan il-każ sar cover-up. Għalhekk ukoll il-Partit Laburista fil-Gvern qed jiġġieled kontra dan l-argument u fetah inkjesta biex jiġi stabilit eżattament x’ġara. Bħal dak li qallu li mhux kulħadd jaf ! Kulħadd, jiġifieri, minbarra l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista jidhirlu li l-cover-up hu ovvju. Il-Gvern qed jittama li bit-tidwir tal-legaliżmi tal-inkjesta dak li hu ċar jiġi mċajpar.

Huwa interessanti li la l-Partit Nazzjonalista u l-anqas il-Partit Laburista fil-Gvern ma tkellmu dwar ir-responabbilta’ politika li għandu l-politiku f’ħatra politiku għal dawk ta’ madwaru: dawk ta’ fiduċja (f’position of trust) kif ukoll dawk fid-Dipartimenti/Awtoritajiet li għalihom ikun responsabbli.

Huwa ovvju għalfejn kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista qagħdu lura minn dan. Li ma qagħdux lura kieku ilna 17-il ġurnata b’Ministru tal-Intern ġdid. Li ma qagħdux lura l-Partit Nazzjonalista kien jeħtieġlu jispjega għalfejn ma kellniex riżenji fis-snin li għaddew.

Dan kollu huwa l-konsegwenza diretta ta’ sistema politika dominata minn żewġ partiti. Fejn l-interessi tagħhom jiġu qabel l-interessi tat-tmexxija tajba tal-pajjiż.

 

Il-goalkeeper ta’ Manwel Mallia

Joseph il-goalkeeper

 

Nhar il-Ħadd, Varist Bartolo ma tkellimx biss fuq l-operazzjonijiet “tat-€30”. Tkellem ukoll li mhux xieraq li uħud iġiegħlu lil Joseph jagħmilha tal-goalkeeper, meta għandhom bżonnu bħala centre forward.

Kif nafu l-attenzjoni tal-medja kien fuq l-operazzjonijiet “tat-€30” li sfortunatment difnet il-messaġġ ħafna iktar qawwi tal-goalkeeper.

Il-messaġġ dwar Joseph, li  qed ikun imġiegħel jilgħab ta’ goalkeeper, hu wieħed ċar ħafna fil-kuntest ta’ x’inhu għaddej bħalissa fil-pajjiż: il-każ tax-xufier ta’ Manwel Mallia.

Il-każ għadu qed jiżviluppa u xejn ma neskludi li joħorġu affarijiet li s’issa għadna ma nafu xejn dwarhom.

Il-Ministru Mallia kellu żewġ toroq quddiemu. Jew jerfa’ r-responsabbilta’ politika għal dak li ġara inkella jitfa’ r-responsabbilta’ politika fuq sħabu fil-Kabinett.

Manwel Mallia għażel it-tieni triq. Ir-responsabbilta’ ma refagħhiex hu. Minflok qed iġiegħel lill-Kabinett kollu jerfagħħa floku.

L-ebda Gvern ma jieħu pjaċir jagħmilha ta’ goalkeeper għal Ministru li daħal jew daħħluħ fl-inkwiet, irrispettivament minn jekk għandux tort jew le.

Manwel Mallia seta għażel it-triq tal-irġulija. Minflok qed jippretendi li r-responsabbiltajiet tiegħu iġorruhom sħabu, li ttrasformhom kollha f’goalkeepers.

L-anqas rispett lejn sħabu fil-Kabinett m’għandu: irid jitfa’ fuqhom il-piżijiet tal-Ministeru tiegħu.

Kieku Manwel Mallia irriżenja mill-ewwel kien ikun għamel pass tajjeb, pass ta’ irġulija . Issa, jekk jirriżenja ikun pass ta’ mistħija.

Manwel Mallia u s-saba’ fuq il-grillu

finger on the trigger

 

Hemm mument fil-politika meta l-politku jkollu jerfa’ r-responsabbilta politika għal dak li għamel ħaddieħor.  Wieħed minn dawn il-mumenti ċari, għalija, huwa meta jiżbaljaw dawk il-persuni ta’ fiduċja li l-politiku jaħtar madwaru.

Huwa mument diffiċli ħafna fejn il-kuxjenza tal-politiku responsabbli tiddettalu dak li għandu jagħmel.  Il-kuxjenza tal-politiku f’ċirkustanzi bħal dawn jew taġixxi waħedha inkella tqum mir-raqda, jekk tkun xprunata mill-opinjoni pubblika.

Din hi is-sitwazzjoni li qiegħed fiha Manwel Mallia.

Fl-opinjoni tiegħi hu meħtieġ li jifhem illi anke jekk ma kienx is-saba’ tiegħu fuq il-grillu tal-arma tax-xufier-pulizija tiegħu xorta għandu responsabbilta’ politika għal dak li ġara. Għax ix-xufier-pulizija hu persuna tal-fiduċja tiegħu.

L-inkjesti u l-logħob bil-kliem f’dan l-istadju m’huma ser isolvu xejn. Jekk irridu infittxu insibu bosta eżempji ta’ politiċi li mxew sewwa għax irreżenjaw u ta’ oħrajn li mxew ħażin għax ma warrbux. Eżempji li insibuhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Manwel Mallia jifforma parti minn Gvern li ddikjara bla tlaqliq li jrid imexxi l-quddiem politika differenti. Politka responsabbli.

Jekk irid ikun onest mal-kuxjenza tiegħu Manwel Mallia m’għandux wisq ta’ għażla x’jagħmel. Triq waħda hemm, li jirreżenja.