Ir-razziżmu jagħmel ħsara iktar mill-coronavirus

Illum tħabbar li kellna 52 każ ġdid ta’ coronavirus. L-ebda wieħed minnhom ma oriġina miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal-Far.

Hemm min ilu jrewwaħ mill-bieraħ b’ħanqa razzista. Ilhom jikkummentaw li ser ikollna splużjoni ta’ każijiet minħabba ċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal-Far, preżentement taħt kwarantina.

Bla dubju, lil dawk kollha fiċ-ċentru miftuħ irridu nqiesuhom bħala persuni vulnerabbli għal diversi raġunijiet. Ewlenija fosthom li qegħdin iffullati, ħafna persuni f’żona ristretta. Hemm bżonn jittieħdu passi urġenti dwar dan. Sakemm iddum il-kriżi tal-coronavirus il-Gvern jista’ faċilment juża’ uħud mil-lukandi li bħalissa huma vojta għal dan l-iskop! Ikun qed jieħu miżura effettiva biex inaqqas it-tixrid tal-virus. Il-liġi digà tagħti l-poteri kollha Gvern biex dan jista’ jagħmlu immedjatament. Dik tkun solidarjetà ta’ veru. Solidarjetà ta’ insara ta’ veru.

Dawk kollha li bħalissa qed jippostjaw is-santi tar-Redentur u tad-Duluri fuq facebook ikun tajjeb għalihom u għal kulħadd li jirrealizzaw li t-tixrid tal-mibgħeda razzjali tagħmel ħsara iktar mill-coronavirus.

Is-solidarjetá mhiex qegħda kwarantina.

Il-mibgħeda razzjali hi l-kawża tal-qtil

Iż-żewġ suldati li huma suspettati bil-qtil ta’ l-immigrant Lassana Cisse Souleyman u l-feriment ta’oħrajn nhar is-6 t’April f’Ħal-Far għamlu dan kiesaħ u biered. Qatluh għax iswed. Għax mogħmija mill-mibegħda razzjali.

Is-suldati ser ikunu l-akkużati. Imma l-akkużati rejali huma dawk li bi kliemhom tul is-snin xerrdu l-mibgħeda tar-razza. Dawk li jħossuhom superjuri. Dawk li jqiesu lil “dawk” bħala tajbin biss biex jiġbru ż-żibel.

Quddiem dan kollu bil-fors nistaqsu kif il-Pulizija ma tieħux iktar passi kontra min ixerred il-mibgħeda. Għax meta l-pulizija ma tieħux passi, bla dubju jkun hemm min irabbi l-arja u jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd.

Il-perżut ma jaqtax l-għatx

Thinly sliced ham on a chopping board

Dawk li jsejħu lilhom infushom “patrijotti” ipprotestaw billi għażlu l-għodda tal-insult. Lill-Musulmani li kienu qed jitolbu fl-Imsida fil-pjazza quddiem il-Knisja ippruvaw jipprovokawhom billi qassmu l-ħobż bil-perżut.

Missirijietna dejjem ittrattaw lil min ġie fi gżiritna b’ospitalità. Dak hu valur ewlieni li għaddewlna, imma l-hekk imsejħa “patrijotti” dan ma tantx jogħġobhom. Ma jogħġbuhomx dawk b’kulur jew twemmin differenti. Id-differenza tbeżżagħhom.  Biża’ li hi mnissla mill-injoranza.

M’għandhomx idea li l-parti l-kbira tagħna l-Maltin aħna imnisslin mill-ġnus kollha, mhux biss dawk max-xtut tal-Mediterran. Bħala poplu aħna taħlita. Mhux biss. Kif skopra fir-riċerka tiegħu l-istoriku l-Professur Godfrey Wettinger, missierijietna mhux dejjem kienu insara. Kien hemm żmien meta l-Maltin kienu jħaddnu r-reliġjon Islamika. Ir-reliġjon nisranija, fil-fatt, m’għandhiex għeruq daqstant fil-fond f’pajjiżna minkejja dak kollu li għallmuna!

Jagħmlu tajjeb il-“patrijotti” kieku jifhmu li fost il-valuri tal-Maltin, insara u m’humiex, hemm is-solidarjetà u t-tolleranza. Valuri li sfortunatament dawn il-“patrijotti” m’għandhomx idea tagħhom.

Fil-maġġoranza tagħna aħna poplu demokratiku li nirrispettaw il-fehmiet tal-oħrajn.

Għaliex għandek ixxerred il-mibgħeda fil-konfront ta’ min qiegħed ifittex post fejn jitlob? Tafu li dawn qed jitolbu fil-beraħ għax ma ħallewhomx jibqgħu jitolbu fil-garaxxijiet fejn kienu qed jitolbu? Minn meta ‘l hawn it-talb fil-beraħ sar oġġezzjonabbli?

Din l-intolleranza li qed terfa’ rasha tmur kontra l-valuri kollha tal-poplu Malti. M’għandha x’taqsam xejn mal-patrijottismu iżda mar-razzismu. Il-poplu Malti mhux poplu razzist.

Ir-razziżmu jxerred il-mibgħeda. Il-mibegħda hi mibnija fuq l-injoranza.  Dan l-għatx għall-mibgħeda hu misqi mill-injoranza : hu għatx li l-ebda perzut mhu ser jaqtgħu.

Grazzi Sur President

George Abela 03

Niżilli għasel id-diskors tal-bieraħ, lejliet il-Milied, tal-President tar-Repubblika, fejn tkellem dwar il-ħtieġa li nifhmu iktar l-impenn tagħna l-Maltin favur is-solidarjeta.

Il-President Abela, kif inhu xieraq, kien meqjus fi kliemu. Uża l-opportunita biex min għandu sens li jifhem jifhem. Dawk kollha li huma fil-ħajja pubblika għandna l-obbligu li iffaċċjati bil-kriżi tal-immigrazzjoni mill-baħar ma nirrikorrux għall-populiżmu.

Din kienet sena fejn kellna min rewwaħ il-mibgħeda razzjali. Kellna min ipprova jirkeb il-kultura tal-indifferenza li qed tittrasforma liċ-ċentru tal-Mediterran f’ċimiterju.

Kliem il-President Abela hu f’waqtu.  Tajjeb li nippriedkaw is-solidarjeta, iżda meta jiġi l-waqt għandna l-obbligu li nipprattikawha ukoll. U l-ewwel pass hu li ħadd ma jrewwaħ għas-sentimenti ta’ mibgħeda razzjali.

Grazzi, Sur President. Il-Milied it-tajjeb.