Il-Parlament preżentement qiegħed jiddiskuti mozzjoni biex jittrasferixxi art lil kumpanija bl-isem ta’ Malita Investment plc.
L-iskop hu, skond kif iddikjara l-Ministru Tonio Fenech, illi dan il-kumpanija tamministra l-proġett tal-Parlament u l-proġett tat-teatru bla saqaf.
L-art trasferita ser tkun dik fejn ser isiru l-ewwel proġetti li ser tamministra. Ser tkun trasferita ukoll art tal-Cruise Liner Terminal u tal-Ajruport biex mill-kirjiet ta’ dawn l-artijiet il-kumpanija jkollha l-finanzjament meħtieġ. Dan id-dħul issa ser jonqos mid-dħul normali tal-Gvern kull sena.
Hi l-intenzjoni, qal il-Ministru li l-kumpanija tieħu ħsieb il-proġett (tiffinanzjah) u meta tlesti tikrieh lill-Gvern. [Il-Kumpanija ser tkun 70% tal-Gvern.]
Dan fil-fatt ifisser li fuq il-kotba tal-Gvern l-ispiża tkun il-kirja. L-ispejjes tal-proġett li ser isiru xorta ma jidhrux fuq il-Gvern imma fuq il-Kumpanija.
Il-Ministru emfasizza l-vantaġġi – l-amministrazzjoni aħjar tal-proġetti. Dan għalija jfisser ammissjoni li l-proġetti illum m’humiex amministrati tajjeb.
Ifisser ukoll li d-dejn (jew is-self) biex isiru l-proġetti ser isir xorta imma mhux ser jidher iktar bħala dejn tal-Gvern. Ikun dejn tal-Malita Investment plc. Miegħu iridu jiżdiedu l-ispejjes tal-kumpanija.
Imma hemm xi ħaġa oħra, importanti ħafna li s’issa għad ma smajtx spjegazzjoni dwarha.
Billi l-ispejjes tal-proġetti issa ser isiru mill-Kumpanija Malita Investment plc u allura ma jkunux iktar parti mill-budget, il-Parlament x’kontroll ser ikollu fuq l-ispiża kapitali?
Fi ftit kliem il-ħolqien ta’ din l-Special Purpose Vehicle tista’ tfisser illi jkun imnawwra funzjoni oħra tal-Parlament.
Nistennew u naraw!