L-għasir tal-lumi hu sustanzjuż u jagħmel ħafna ġid għas-saħħa. Imma xi ngħidu għal lumija magħsura?
Iktar kmieni din il-ġimgħa awgurajt lit-Tabib Anthony Buttigieg wara li hu ħabbar d-deċiżjoni tiegħu li fi ħsiebu jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku. Possibilment huwa jimla l-vakanza li nħolqot minn Marlene Farrugia wara li din iddeċidiet li ddabbar rasha wara biss ftit xhur fil-kariga.
It-Tabib Buttigieg hu persuna b’moħħu f’postu. L-għada tal-elezzjoni ġenerali, meta kellu ma wiċċu dikjarazzjoni ta’ Marlene Farrugia li hi ma kienitx teskludi li tikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-PN, wara li kien irriżenja Simon Busuttil, hu irriżenja mill-kariga ta’ deputat mexxej tal-PD. Bħala riżultat ta’ hekk ħa posizzjoni ċara li kienet tikkuntrasta mal-impulsivitá ta’ Marlene Farrugia. Dakinnhar Buttigieg kien iddikjara li dak li qalet Farrugia kien kontra dak li jemmen hu, għax fil-fehma tiegħu l-Partit Demokratiku kellu jkun separat u distint mill-Partit Nazzjonalista.
Bħala riżultat ta’ din il-posizzjoni huwa għamilha ċara illi d-disponibilitá tiegħu li jieħu sehem f’koalizzjoni ma kellha l-ebda impatt fuq id-determinazzjoni tiegħu li jħares l-identitá tal-partit tiegħu. Li tkun allejat kritiku abbażi ta’ programm politiku miftiehem bl-ebda mod mhu komparabbli ma min żviluppa attitudni li jilgħaq kontinwament.
Mid-dehra Marlene Farrugia taħsibha mod ieħor għax diġa għamlitha ċara illi għadha tal-ħsieb li fi żmien ħames snin mill-ġdid tikkunsidra li tikkontesta għat-tmexxija tal-PN. Għax skontha, l-ebda wieħed mill-erba’ kandidati għal Kap tal-PN mhu kapaċi. Dan kollu sfortunatament jibgħat messaġġ wieħed u ċar: li l-mexxejja attwali tal-Partit Demokratiku tara l-futur tagħha u tal-partit tagħha bħala parti integrali mill-Partit Nazzjonalista. Għal Marlene Farrugia il-Partit Demokratku qiesu lumija magħsura li tarmiha wara li tkun użajta.
Bħala riżultat tal-mauvri tagħha bl-iskop li tkun eletta, irrispettivament mill-prezz politiku, Marlene Farrugia ikkaġunat ħafna ħsara li teħtieġ li tkun rimedjata mingħajr iktar dewmien.
Alternattiva Demokratika ma jkollha l-ebda diffikulta li tesplora kif tista’ tikkoopera mal-Partit Demokratiku immexxi minn Anthony Buttigieg, liema eżerċizzju (fil-passat) kien abbandunat minħabba li l-impulsivitá kienet l-għodda ewlenija tat-tmexxija tal-PD sa mit-twaqqif tiegħu. Buttigieg hu persuna konsistenti u l-imġieba tiegħu tidher li taqbel ma dak li jgħid.
Hemm ħafna ħidma li teħtieġ li issir u ftit wisq nies biex jagħmluha.
Fost il-kollegi enerġiċi ta’ Anthony Buttigieg hemm Timothy Alden li hu l-moħħ wara l-inizzjattiva kurrenti tal-Partit Demokratiku biex jiżdied il-ħarsien tal-widien u tal-ilma tal-pjan billi possibilment ikunu nklużi fil-qafas legali li ġie żviluppat għad-dimanju pubbliku fil-Kodiċi Ċivili. Alternattiva Demokratika tappoġġa din l-inizzjattiva.
Hi inizjattiva li timmerita appoġġ wiesa’ avolja forsi strateġikament kien ikun aħjar li l-ewwel tkun implimentata sewwa l-politika u r-regolamenti eżistenti li diġa joffru protezzjoni sostanzjali kemm għall-widien kif ukoll għall-ilma tal-pjan.
Il-futur tal-partiti ż-żgħar hu dipendenti fuq il-kooperazzjoni u fuq kemm aħna kapaċi li ma nisparpaljawx r-riżorsi limitati li hawn. Dan ikun ferm aħjar mill-impulsivitá u n-narċissiżmu li għamel ħsara sostanzjali.
Il-lumi magħsur għandu użu. Imma m’għandux ħajja twila.
ipubblikat f’Illum : 20 t’Awwissu 2017