Il-Kunsill tal-Għarb u l-cannabis

epa02310452 A worker tends to cannabis plants at a growing facility for the Tikun Olam company near the northern Israeli town of Safed on 31 August 2010. In conjunction with Israel's Health Ministry, the company currently distributes cannabis or Marijuana for medicinal purposes to over 1,800 people to help relieve pain caused by various health conditions. EPA/ABIR SULTAN ISRAEL OUT

Qrajna l-bieraħ li l-Kunsill tal-Għarb qed jikkunsidra li jieħu passi legali kontra omm Daniel Holmes wara li hi għaddiet kumment dwar il-fejqan ta’ diversi persuni li ġew imfejqa minn Frenċ tal-Għarb. Omm Daniel Holmes kienet ikkwotata li qalet li issa hu magħruf li dan il-fejqan sar permezz tal-użu tal-cannabis.

Issa jiena ma nafx jekk hux vera jew le li Frenċ ta’ Għarb kellu konoxxenza tal-kwalitajiet terrapewċi tal-cannabis. Imma din mhiex ħaġa kbira, għax, minn dak li nafu dwaru kellu konoxxenza profonda tan-natura b’mod partikolari tal-ħxejjex li jikbru fis-“selvaġ” li kien jagħmel użu tagħhom kontinwament biex ifejjaq.

In-natura fir-realtà tipprovdi l-kura għal ħafna mard u kundizzjonijiet li jkidduna u huwa għaqli kull min jagħraf dan.

Għalhekk, kieku jiena, xejn ma neħodha bi kbira aħbar bħal din li  ħarġet biha s-sinjura Holmes. Jekk inhi vera, din hi aħbar li żżid bil-bosta r-reputazzjoni ta’ Frenċ tal-Għarb. Għax mhux biss kien qabel żmienu, imma saħansitra kien iktar avvanzat mill-Gvernijiet ta’ Malta tal-bieraħ u tal-lum jekk kellu għarfien ukoll tal-kwalitajiet terrapewtiċi tal-cannabis.

Wasal iż-żmien li d-dikriminalizzazzjoni tad-droga għal użu personali nieħduha ftit iktar bis-serjetà bħalma għamlu bosta pajjiżi oħra qabilna. Hemm bżonn li niddiskutu iktar bis-serjetà l-kaz ta’ Daniel Holmes u tas-sentenza inġusta ta’ għaxar snin ħabs li weħel minħabba li kellu fil-pusess tiegħu, għall-użu personali, pjanti tal-cannabis.

Li qed tgħid is-sinjura Holmes hu li għad baqa’ ħafna x’nitgħallmu mingħand Frenċ tal-Għarb. Anke dwar il-cannabis.

 

 

 

Qegħdin sew : jabbuża wieħed, iħallsu kollha

CCF

F’dawn l-aħħar xhur il-ħabsin kienu qed jingħataw l-opportunità ta’ xogħol fil-komunità. Is-soċjetà kienet qed tagħtihom il-messaġġ li lesta tagħtihom ċans ieħor. Lesta li tgħinhom biex jerġgħu jirrintegraw ruħhom.

Wieħed minnhom abbuża u ħarab. Qabduh ftit wara.

Flok ma ħa kastig min abbuża qed iħallas kulħadd: għax waqqfu lil kulħadd.

Il-messaġġ żbaljat li l-awtoritajiet qed jagħtu hu li kollu ta’ xejn li tipprova tibdel triqatet għax mal-ħażin dejjem jeħel it-tajjeb.

Hemm min jgħid li riedu jagħtu lezzjoni. Forsi. Imma l-unika lezzjoni li qed jagħtu hi waħda : li m’għandhomx idea x’inhuma jagħmlu.