50 sena pajjiż Indipendenti

Dom & George

Illum infakkru l-50 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta. Jiġifieri meta Malta fl-1964 bdiet tmexxi lilha innifisha.

Kont hemm f’nofs il-lejl, tifel ta’ 8 snin, nara l-bandiera Maltija tiela’ f’postha flok dik Inġliża. Kienet indipendenza politika immedjata għax pajjiżna beda jieħu d-deċiżjonijiet hu minn dak il-ħin. Kemm id-deċiżjonijiet tajbin kif ukoll oħrajn ħżiena. Issa ma kienx baqa’ iktar f’min inwaħħlu. Daqshekk tort (jew mertu) tar-Reġina.

Ekonomikament konna għadna fuq sieq waħda. Malta kienet għadha dipendenti mid-dħul assoċjat mal-bażi militari.

Wieħed mill-argumenti ewlenin fid-dibattitu politiku dwar l-Indipendenza fis-snin sittin kien dwar jekk kienx essenzjali li l-ewwel il-pajjiż ikun b’saħħtu ekonomikament u dan qabel ma jieħu rajh f’idejh. George Borg Olivier dejjem sostna li ħadd ħlief il-Maltin nfushom m’għandhom l-interess li l-pajjiż jiżviluppa ekonomija b’saħħitha. Għaldaqstant għalih kienet meħtieġa l-indipendenza politika immedjata għax din kien iqiesha bħala ċ-ċavetta, jew l-għodda l-iktar essenzjali, għall-iżvilupp ekonomiku. Pajjiż kolonja, jmexxuh minn imnieħru fl-interess ta’ pajjiż ieħor.

Id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista w il-Partit Laburista ma kienitx l-Indipendenza imma l-Kostituzzjoni.  Kemm George Borg Olivier kif ukoll Dom Mintoff kienu jaqblu li Malta kellha tkun Indipendenti. Il-partiti l-oħra (ta’ Herbert Ganado, Mable Strickland u Toni Pellegrini) min-naħa l-oħra riedu t-tisħiħ ekonomiku qabel l-Indipendenza.

Huwa normali ħafna li f’pajjiż li qed jaħdem biex ikun indipendenti jkun hemm divergenza fil-ħsieb dwar il-prijoritajiet u dwar l-aħjar mod kif naġixxu. L-argumenti ekonomiċi biex tkun posposta l-Indipendenza ta’ Malta ma ħadmux, b’differenza ta’ dak li ġara fl-Iskozja l-ġimgħa l-oħra! Imma d-deċiżjonijiet ittieħdu bla ġlied u b’mod demokratiku. Kemm fejn naqblu, kif ukoll fejn ma naqblux.

F’Malta kienu diversi l-issues kostituzzjonali ta’ konflitt, ewlenin fosthom is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja u ż-żwieġ ċivili. Mintoff migdum mill-konflitt mal-Knisja ried salvagwardji kostituzzjonali kontra l-indħil tal-Knisja fejn ma kelliex tindaħal.

 

George Borg Oliver kien jieħu l-affarijiet bil-mod, kien kalm u diplomatiku. Mintoff kien nervuż, suspettuż, mgħaġġel u jmexxi l-quddiem politika ta’ konfront kontinwu. Żewġ metodi ta’ ħidma li t-tnejn nisslu bosta diffikultajiet. Il-ħidma bil-mod ittelfek il-paċenzja għax iddum ma tara r-riżultati. Il-ħidma mgħaġġla iżżejjed min-naħa l-oħra tnissel problemi ta’ żbalji kultant goffi kif ukoll inġustuzzji ma min jinqabad fin-nofs.

Ħafna drabi nippruvaw niġġudukaw illum, bil-kriterji tagħna tal-lum, dak li ġara l-bierah. B’dan il-mod mhux dejjem naslu biex nifhmu sewwa dak li fil-fatt ikun ġara.

 

Bosta jaħsbu li Mintoff kien kontra l-Indipendenza. Fil-fatt ma kienx. Wara li fallilu l-proġett tal-integration, ried Indipendenza differenti minn dik li kien qed jipproponi George Borg Olivier.

Fl-1964 kien lest jieħu riskju ekonomiku billi jibdel immedjatament l-ekonomija bbażata fuq il-bażi militari. Borg Olivier ma qabilx ma dan u ipprefera bidla gradwali. Beda jħejji l-pedamenti għall-industrija w t-turiżmu.

Għax il-bidla kienet ippjanat li tkun gradwali l-pajjiż kellu ċ-ċans jaddatta ruħu għaċ-ċirkustanzi ġodda. Ċirkustanzi ġodda nisslu żbalji ġodda li din id-darba ħadd ma seta jipponta subgħajh lejn l–Ingliżi dwarhom. Għall-ewwel darba r-rapprezentanti tar-Reġina kienu gallarija, ma kellhomx tort għal dak li ġara.

Meta l-Ingliżi ttrattaw ħażin lill-Maltin, ġew ikkritikati. Imma meta kienu l-Maltin stess li ttrattaw ħażin lill-“ħuthom” il-weġgħa kienet ħafna ikbar.

Din hi l-istorja tagħna. B’dak li jogħġobna u dak li ma jogħġobniex.

X’toffri AD

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija : X’ tista’ toffri l-AD ghal-landscape politiku lokali?

Tweġiba : F’ Malta qabel ma twaqqfet Alternattiva Demokratika kien ilna snin twal ma jkollna it-tielet partit politiku attiv fuq skala nazzjonali. Imma iktar minn hekk meta kien hemm multiplikazzjoni tal-partiti politiċi fis-snin 50 u 60, bl-eċċezzjoni tal-Partit Kostituzzjonali Progressiv (il-partit ta’ Mabel Strickland) dawn  kienu splinter groups:  il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (il-partit ta’ Herbert Ganado) kien splinter group tal-PN u l-Partit tal-Ħaddiema Nsara (il-partit ta’ Toni Pellegrini) kien splinter group tal-Partit Laburista.  Il-ħolqien ta’ AD fl-1989 bdiet bħala refuġju għal Wenzu Mintoff u Toni Abela meta dawn tkeċċew mill-Partit Laburista. Imma minn dak in-nhar żviluppat f’Partit bi ħsieb politiku distint mill-PN u l-PL. L-assoċjazzjoni ta’ AD mal-Ħodor Ewropej (EGP – European Green Party) għin biex AD issaħħaħ din l-identita’ distinta tagħha.

Il-filosofija politika ħadra hi kristallizzata b’mod ġenerali fid-dikjarazzjoni ta’ Canberra tal-Global Greens liema dikjarazzjoni kienet approvata fl-2001 u tiġbor il-ħsieb politiku aħdar f’sitt oqsma u ċjoe:  ir-rispett lejn l-eko-sistema li niffurmaw parti minnha, l-integrazzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ġustizzja ambjentali, demokrazija parteċipattiva, in-non-vjolenza u kultura ta’ paċi bejn il-ġnus, is-sostenibilita w ir-rispett għad-diversita’ .

Il-politika ta’ AD li hi l-implimentazzjoni ta’ dan f’kuntest lokali tikkuntrasta ma dik offruta mill-PN u l-PL. Hi politika li tagħti sens ta’ valur lill-komunita’ u lill-kwalita tal-ħajja bħala oġġettiv primarju tal-politika ambjentali. Politika li żżewweġ flimkien il-politika ambjentali u dik soċjali fi sforz biex hi u tnaqqas il-konsum żejjed tassigura li r-riżorsi limitati jistgħu  jintużaw ukoll mill-fqir li għandu dritt għal għixien diċenti.