L-MPs tal-PD bidlu l-ħsieb dwar il-mina

 

Nieħu pjaċir li llum il-ġurnata l-kelliema tal-Partit Demokratiku fetħu għajnejhom u qed jitkellmu kontra l-mina bejn Malta u Għawdex.

Naqbel perfettament li d-dibattitu parlamentari dwar il-mozzjoni li ressaq il-Gvern biex il-Parlament jesprimi ruħu fuq il-mina kien farsa. Imma ma naħsibx li kien għaqli li ż-żewġ membri parlamentari tal-PD ma ħadux sehem fid-dibattitu. Kellhom l-obbligu, fil-fehma tiegħi, li jippreżentaw il-kaz kontra l-mina u jivvutaw kontra.

Xejn xejn kien ikollhom l-opportunità biex jispjegaw kif u għaliex l-ewwel ġew eletti fuq il-programm elettorali tal-PN favur il-mina, u issa bidlu l-ħsieb.

Hu faċli li twaħħal f’Lawrence Gonzi

 

Gonzi . Busuttil

Simon Busuttil, issa,  qiegħed jipprova jiddistakka ruħu kemm jista’ jkun minn Lawrence Gonzi, skond il-Malta Today.

It-tmexxija tiegħu, qalilna, m’għandiex x’taqsam ma dik ta’ qablu (jiġifieri ta’ Gonzi).

Meta mistoqsi kif kien differenti minn ta’ qablu, Busuttil wieġeb li hu jibbaża ruħu fuq ir-raġuni. (“Busuttil said he was determined and “reason” was his biggest force.”)  Il-konklużjoni loġika li wieħed jasal għalija minn dikjarazzjoni bħal din hi li l-predeċessur ta’ Busuttil ma kienx jibbaża l-mod kif iġib ruħu fuq ir-raġuni!  Issa għax tgħid ġieli ħsibtha din dwar Lawrence Gonzi. Imma issa qed jgħidha Simon  Busuttil ukoll!

Li mhux qed jgħid Simon Busuttil hu li l-ebda mexxej ma jiddeċiedi waħdu. Id-deċiżjonijiet li ħa Lawrence Gonzi kif ukoll dawk li qiegħed jieħu u għad jieħu  Simon Busuttil jiddependu fuq il-kunsens ta’ dawk ta’ madwaru. Mhux bilfors li jgħidu iva, imma ħafna drabi importanti li l-anqas ma jgħidu le. Għax l-ebda mexxej ma jmexxi jekk ta’ madwaru jieqfulu meta jidhrilhom li għandhom jieqfulu.

Fis-siegħa tal-prova, dawk ta’ madwar Gonzi ma qalux le meta Gonzi ħa deċizjonijiet stupidi u mhux ibbażati fuq ir-raġuni! L-anqas id-delegat speċjali ta’ Lawrence Gonzi Simon Busuttil ma fetaħ ħalqu u qal le, dakinnhar.

Issa, imma, huwa faċli!

Dan iġibni għall-argument li t-tmexxija ta’ Simon Busuttil (dejjem skond Simon Busuttil) m’għandiex x’taqsam ma dik ta’ qablu. Meta wieħed iqis li Simon Busuttil (s’issa) għadu mdawwar bl-istess nies li kellu Lawrence Gonzi (neħħi lil Joe Saliba u lill-RCC) l-argument ta’ tmexxija ġdida li ma għandha x’taqsam xejn ma ta’ qabilha ftit tagħmel sens!  Anke Simon Busuttil innifsu kien delegat speċjali ta’ Gonzi. Kien ukoll il-konsulent preferut ta’ Gonzi biex jikteb il-programmi elettorali għal diversi elezzjonijiet. Fuq parir tal-konsulent l-ieħor RCC kien hemm żmien meta Gonzi ried lil Simon Busuttil Segretarju Ġenerali tal-PN sakemm kellu jitwikka b’Pawlu Borg Olivier!

Ir-realta’ hi li t-tmexxija ta’ Simon Busuttil s’issa hi l-kontinwazzjoni loġika ta’ dik ta’ Lawrence Gonzi.

Hu faċli ħafna li twaħħal kollox f’Lawrence Gonzi. Iżda tista’ titwemmen biss meta twarrab ukoll lil dawk kollha li fuqhom kien jistrieħ Gonzi. Għax il-qagħda tal-PN  illum m’hiex htija ta’ Lawrence Gonzi waħdu. Miegħu iridu jiżdiedu l-qaddejja fidili tiegħu li għadhom jiġru mas-saqajn bħala l-qaddejja fidili ta’ Simon Busuttil!

Futur fis-sod

Futur fis-sod 2

Il-Partit Nazzjonalista qed jgħidilna li biex ikollna futur fis-sod (fl-edukazzjoni, ix-xogħol u s-saħħa) it-tim ta’ Lawrence u Simon hu indispensabbli.

Ma jgħidilniex iżda li l-present, għal uħud, fis-saħħa qiegħed fuq stretcher fil-kuritur u b’nuqqas ta’ mediċini. Simon, simpatiku bħal dejjem, ma jarax differenza bejn grocer li spiċċawlu l-piżelli u l-ispiżerija tal-Gvern b’lista dejjem tiżdied ta’ mediċini out of stock.

Huwa ovvju li l-investiment li għamel il-Ministru Joseph Cassar meta kien l-uniku membru tal-Kabinett li appoġġa l-kandidatura ta’ Simon għal viċi-Kap tal-PN ġja beda jirrendi. Verament każ ta’ investiment u futur fis-sod.

Imbagħad hemm is-Segretarju Ġenerali baħbuħ, Pawlu Borg Olivier, li jidher li qed jitgħallem kif jibagħat l-emails. Il-bieraħ bi tbissima, bejn Paula u Marthese, ħabbar il-linji gwida tal-Manifest Elettorali tal-PN u nfurmana kemm il-Partit jgħozz id-diversita’. Ħasra li ma kellux ċans jispjega għaliex id-diversita’ li jgħozz il-PN s’issa waslet sal-logo ta’ din il-kampanja elettorali. U jidher li sa hemm tista’ tasal!

L-aħħar punt.

X’futur hemm għalina u għal uliedna jekk jibqa’ jkollna Ministri (u Prim Ministru) li għalihom xejn m’hu xejn? Għax għal Gvern immexxi mill-PN, li Ministru jiddobba lift fuq jet privat ma bniedem tal-business biex jara logħba futbol ma fiha xejn. L-anqas jekk xi żmien wara, viċin jew fil-bogħod irid jieħu deċiżjoni politika dwar kif fl-aħjar interess tal-pajjiż jeħtieġ li tkun regolata l-industrija.

Ma ġara xejn l-anqas jekk is-Segretarju Privat ta’ Ministru jammetti fil-Qorti li hu korrot. B’daqshekk?  L-aqwa li lill-Ministru tidhirlu d-Duluri u tfissirlu kemm hi inkwetata.

Qatt ma qalilna jekk kienitx inkwetata minħabba fih!