Is-Saħta tal-Mistra

Qatt daqs f’dawn l-aħħar jiem ma kien ċar li l-PN qed iġorr fuqu s-saħta tal-Mistra.

Il-proposta ta’ JPO biex jitkeċċa RCC mill-PN ma kienitx sostnuta minn provi li jiġġustifikaw tali azzjoni. L-istess tip ta’ provi li kienu meħtieġa fil-Parlament meta minkejja li ma kienux hemm il-mozzjoni ta’ ċensura dwar RCC xorta kienet approvat.

Jidher ċar li kull min miss mal-kaz tal-Mistra ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali 2008 ma tistax tiġih waħda tajba.

“X’għamilt ħażin?” qal JPO lil Gordon Pisani f’diskursata bejniethom fil-presenza ta’ avukat meta sar magħruf li kien hemm kuntratt dwar l-art tal-Mistra u d-disco proġettat?

Kien ikun aħjar kieku Pisani wieġbu : “x’għamilt tajjeb?”

Sa dakinhar li faqqa’ l-każ tal-Mistra l-kredenzjali ambjentali ta’ JPO kienu tajba ħafna. Il-kampanja biex iwaqqaf is-simenterija taċ-Ċaqnu kif ukoll il-kampanja kontra l-miżbla (landfill) ħdejn l-Imnajdra kienu fost l-aħjar mumenti tiegħu. Tant li għal xi żmien kien deskritt bħal wieħed mill-politiċi bl-aħjar kredenzjali ambjentali f’Malta. Kien ingħata t-titlu ta’ The green politician of the year.

Issa minn persuna li ħadmet daqstant favur l-ambjent bilfors tistenna li qabel ma jieħu pass iqis sewwa. Jara l-impatti ta’ dak li jkun qiegħed jippjana b’mod iktar metikoluż minn ħaddieħor. Sfortunatament il-kuntratt li JPO kellu dwar il-Mistra u xtaq jaħbi (“mhux aħjar ma tkunx taf” qal lill-Pisani) juri li l-introjtu pekjunjarju kien l-iktar ħaġa importanti għal JPO.  Il-ħarsien dovut lill-Mistra skond dak li tipprovdi d-Direttiva dwar il-Habitats kien xi ħaġa irrelevanti.

F’dan kollu kien mgħejjun minn kultura ta’ irresponsabbilta fl-istrutturi tal-MEPA li qieset li ma kien hemm xejn ħażin filli żviluppatur jew persuna interessata fi żvilupp tiltaqa’ ma’ membri tal-Bord fil-magħluq, minn wara dahar kulħadd.

X’hemm ħażin?

Il-PN għażel li jipprova jgħatti dan kollu. Issa il-PN jeħtieġ li jħallas il-kontijiet talli ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO żbalja. Irid iħallas il-kontijiet talli ipprova jpinġi lil JPO bħala l-vittma, meta l-vera vittma kienet il-komunita’, li suppost kellha MEPA biex tiddefendiha u minnflok kienet kompliċi ma’ JPO.

Kull min iċċappas mal-każ irid jerfa’ l-piż u jġorr fuq spallejħ is-saħta tal-Mistra. Anke RCC flimkien ma’ Gonzi u JPO għandu responsabbilta morali għal dak li ġara minħabba l-pariri li ta. Anke’ jekk kienu biss ta’ damage control.

Il-Partit Laburista li permezz ta’ Alfred Sant kellu l-karti f’idejh qabel l-elezzjoni tal-2008 tilef l-inizzjattiva minn idejh.  Sant iddeskriva lil JPO bħala morally and  politically corrupt. Imma s-suċċessur tiegħu m’għandux skrupli li jindiehes ma JPO u jipprova jinqeda bih. Huwa u jimxi b’dan il-mod Muscat qed juri li anke’ hu m’huwiex interessat f’servizz iżda f’logħba ċess. L-iskop aħħari  li jqarreb il-jum li jkun fil-gvern il-Labour, għal Muscat jiġġustifika kollox. Jiġġustifika kull mezz li jintuża. L-aqwa li jdgħajjef lill-għadu poltiku tiegħu.

Meta Muscat jimxi b’dan il-mod ikun qed juri għal darba oħra li m’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL. Il-politika l-ġdida tagħhom hi nieqsa mill-valuri. Hi nieqsa mill-impenn favur dak li hu sewwa.  Huma interessati fil-maniġġi u fil-mossi: mhux daqstant dawk li jġibu lilhom il-quddiem, daqskemm dawk li jpoġġu lin-naħa l-oħra f’dawl ħażin.

Is-saħta tal-Mistra JPO raxxa ukoll fuq il-Labour.

Il-mozzjoni dwar RCC kien l-ewwel pass li deher.  Biha l-Labour ingħata l-opportunita’ li jidher kif fil-fatt hu: partit bla sinsla.

Il-PN ma jixraqlux ikun iżjed fil-Gvern. Pero’ il-Labour ma joffrix soluzzjoni. Għax minn ġot-taġen nispiċċaw fin-nar!

Issa x’imiss li jiġri ?

Il-bieraħ il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li tlieta mill-Membri Parlamentari tiegħu: JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette ma jkunux kandidati tiegħu u f’ismu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fuq tnejn minnhom (JPO u Jesmond) ġja kien hemm dikjarazzjoni mill-kandidati infushom li ma riedux jerġgħu jkunu kandidati.  It-tielet wieħed, Franco, qal lill-media u riedna nemmnu li hekk kien, li Lawrence Gonzi riedu jerġa’ jkun kandidat. Ħalliha li Gonzi ċaħad dan.

Din tal-kandidaturi m’hi xejn. Kulħadd kien jistenniha għax kienet ovvja. Bħalma kienet ovvja li Austin Gatt kien ser ikun wieħed mill-iżjed li ser jopponi l-kandidatura ta’ Franco, kif l-istess Franco informa lill-media! X’tistenna? Wara l-kritika ħarxa lilu u lill-assistent tiegħu Manwel Delia (avolja kienet ġustifikata) fuq il-froġa tal-Arriva dan kien mistenni. Forsi Franco jirrealizza issa li l-astensjoni fil-vot ta’ sfiduċja dwar Austin Gatt kien żball da parti tiegħu. Għax il-konsegwenza loġika tal-argumenti tiegħu kellha tkun li Austin Gatt kellu jwarrab minn Ministru. Imma għal xi raġuni li s’issa għadni ma fhimtx Franco iddeċieda mod ieħor!

Fl-isfond ta’ dan kollu  Lawrence Gonzi irid li jtemm il-leġislatura sħiħa. Jiġifieri li l-Gvern immexxi minnu jibqa’ jiffunzjona sas-sena d-dieħla. Il-Parlament jista’ jibqa’ jiltaqa’ sad-9 ta’ Mejju 2013 u jekk jagħmel hekk l-iktar tard li tissejjah elezzjoni jista’ jkun is-Sibt ta’ qabel id-9 t’Awissu 2013. Dak il-massimu. Probabilment li Gonzi għandu f’moħħu li jġebbed sa Marzu 2013.

Imma l-mistoqsija hi : ser iwassal s’hemm?

L-aġenda parlamentari li hemm imħejjija għal wara l-vaganzi tas-sajf kif ukoll il-proġetti li jimmaturaw lejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tad-dieħla jindikaw li Gonzi u l-PN ser jagħmlu sforz biex iġebbdu kif jistgħu. Imma dan ma jiddependix minnhom biss.

L-ewwel punt li jista’ jeffettwa hu x’ser jiġri mill-fattur RCC. Diġa jidher li JPO ser ikollu d-diffikultajiet. Il-Kummissarju tal-Pulizija, ġustament, qal li m’għandux ikollu x’jaqsam f’materja purament politika. Gordon Pisani hu ostili għal JPO u m’hu ser jgħid jew jagħmel xejn li jista’ jkun ta’ l-iċken ħsara għal Gonzi. Karmenu Vella diġa kixef idejh, u dak li qal jiddependi fuq il-kelma tiegħu kontra l-kelma ta’ RCC. Jibqa’ biss ix-xhieda ta’ Joe Mizzi u John Dalli!

Jiena m’hux qed nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’xi kundanna għal RCC meta jidher ċar li l-argument prinċipali  ser ikun dwar il-kuntatti bejn RCC u uffiċjali tal-Gvern ta’ Alfred Sant dwar l-iskorta li kellu RCC minħabba l-attentat kważi fatali li kien seħħ fuq ħajtu fl-Imdina. Dan ta’ l-inqas joħrog minn dak li qal Joe Mizzi tal-Labour u f’dan il-kuntest hi relevanti x-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija.  Il-kuntatti li qed jurtaw lil JPO probabilment żviluppaw minħabba li l-Gvern ta’ Sant irtira l-iskorta u RCC ħass (ġustament) li din kienet meħtieġa.

Fid-dawl ta’ dan jiena nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’eloġju għal RCC u kundanna oħra għal JPO. Dan ikun ifisser li tiħrax il-kampanja pubblika ta’ JPO kontra l-PN u magħquda mar-reazzjonijiet ta’ Franco Debono ifisser li l-ewwel seduti tal-Parlament f’Ottubru jistgħu jkunu determinanti.

Fid-dawl ta’ dan Gonzi jista’ jikkunsidra li jxolji immedjatament biex jevita konfront ieħor. Bosta qed jgħidulu biex jagħmel hekk, imma jidher daqstant ieħor ċar li ser jibqa’ jirresisti sakemm ma jkollux triq oħra. Sakemm ikun inevitabbli li jwarrab.

Sakemm jibqa’ imqar l-iċken tama li jista’ jibqa’ għaddej fil-Parlament naħseb li ser jibqa’ mkaħħal mas-siġġu f’Kastilja.