Il-Kabinett Nazzjonalista li jmiss

Hi ħasra għall-PN innifsu u għall-pajjiż li għal raġunijiet tattiċi l-aħjar fost il-kandidati għat-tmexxija tal-PN kienu sfurzati biex jirtiraw mit-tellieqa.

Bla dubju kemm il-pajjiż kif ukoll il-PN innifsu ser ikun  telliefa bħala riżultat tal-fatt li Therese Commodini Cachia, Roberta Metsola u Mark Anthony Sammut ma komplewx bil-kandidatura taghhom. Il-kandidatura tat-tlieta li huma kienet tibgħat messaġġi posittivi mhux biss għall-PN innifsu imma anke għall-pajjiż.

Il-kandidati li baqa’, Adrian Delia u Bernard Grech, għal raġunijiet differenti, iwasslu messaġġ negattiv.

Kif intqal mit-Times illum, l-għażla hi waħda bejn żewġ possibilitajiet negattivi: Hobson’s choice qalet is-Sunday Times.

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin sejjer lura u jidher li ma jridx jitgħallem.

It-tesserati tal-PN għandhom id-dritt li jagħżlu li min iridu. Imma fl-aħħar minn l-aħħar tajjeb li jżommu quddiem għajnejhom li huma l-votanti li jagħmlu l-għażla finali.

It-triq li ilu li qabad il-PN hi għan-niżla, irrispettivament minn min ser jintagħżel. Hi triq li dejjem qed tagħmilha iktar ċara li l-membri tal-Kabinett Nazzjonalista li jmiss probabbilment għadhom l-anqas twieldu.