Il-PN, Chris Peregin u l-imparzjalità fix-xandir

Il-Partit Nazzjonalista qed jilmenta dwar l-imparzjalità fix-xandir pubbliku. Anke aħna, ilna ħafna nilmentaw. Mhux illum biss. Ilna għaddejjin biha. Ix-xandir pubbliku, b’mod sfaċċat jew inkella b’mod iktar fin dejjem qeda lill-partit fil-Gvern. Il-Gvern tal-lum u l-Gvern tal-bieraħ!

Il-PN qed jilmenta minkejja li għandu l-istazzjoni tiegħu, kemm tat-TV kif ukoll tar-radju. Hemm il-gazzetti ukoll. Ma dawn żid ukoll xi palata minn xi “indipendenti”. Il-PN qed iħossa, aħseb u ara aħna li m’għandiex TV, radju jew gazzetti.

Il-PN imma għandu opportunità, kieku jrid, biex juri lil kulħadd kif ikun ix-xandir imparzjali. Jekk irid jista’ mil-lum għal għada jittrasforma in-NET, il-101 u l-gazzetti tiegħu f’mezzi fejn l-imparzjalità tirrenja. Minflok għandna propaganda partiġjana li ma tieqaf qatt.

Il-konsulent strateġiku tal-PN, Chris Peregin, xi żmien ilu ukoll kien jitkellem favur l-imparzjalità. Mhux ħafna ilu, iżda biss ftit xhur. Jekk tiftakru kien fetaħ kawża kostituzzjonali biex l-Awtorità tax-Xandir tagħmel dmirha u tara li l-istazzjonjijiet politiċi ukoll iħaddnu l-imparzjalità. In-NET u l-ONE jiġifieri.

Issa suppost li Peregin għandu l-possibilità li jinfluwenza l-mixja tal-PN lejn l-imparzjalità: biex mill-paroli jgħaddi għall-fatti!

Hemm kompetizzjoni ghaddejja bejn liema mill-istazzjonijiet hu l-iktar partiġjan! Kompetizzjoni bejn il-ONE, in-NET u TVM. Għax in-nuqqas tal-imparzjalità tax-xandir pubblika hi mmultiplikata fl-istazzjonijiet politiċi li huma għodda ta’propaganda kontinwa li m’għandux ikun hemm post għalihom f’demokrazija moderna fl-Unjoni Ewropea.

Kif għidna fil-konferenza stampa iktar kmieni illum hemm ħtieġa ta’ riforma mill-qiegħ tax-xandir pubbliku li għandu jwassal biex dan ma jibqax ir-responsabbiltà diretta ta’ Ministru iżda għandu jitmexxa b’mod li jkun indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata. Dan jgħodd ukoll għar-regolatur (l-Awtorità tax-Xandir) li m’għandux jibqa’ dominat minn ħatriet li jsiru mill-Gvern.

Jeżistu mudelli differenti f’diversi pajjiżi fejn huwa l-Parlament li b’mod responsabbli jassigura li x-xandir pubbliku jkun ta’ servizz lejn il-pajjiz kollu u mhux lejn il-partit fil-Gvern. Dan jista’ jsir biss meta l-Parlament ma jibqax iddominat mill-PLPN izda jkun hemm spazju għal ilħna oħra.

Ftit ħsibijiet tal-parker ta’ Chris Peregin

Wara l-intervista ta’ Chris Peregin fuq is-Sunday Times ta’ illum interessanti l-għazliet tiegħu tul dawn l-aħħar snin.

Fl-2013 għażel li jkollna Gvern tal-Labour, għax saħħru Joseph Muscat.

Għażel li jissieħeb bħala membru kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista għax għoġbitu l-idea li bħala membru tal-partit seta jkollu sehem fl-għażla tal-Kap/Mexxej. Laħaq ivvota għall-Kap tal-PN u għażel lil Adrian Delia.

Xi żmien ilu Chris Peregin kien qalilna li l-logħob ta’ Bernard Grech biex iħallas it-taxxa kien wieħed problematiku għal bniedem fil-politika. Issa Peregin beda jdur mal-lewża, għax, taf int, din ma tiġrix lil Bernard Grech biss.

Peregin għad ma irrealizzax li fis-siegħa tal-prova Bernard Grech naqas bil-kbir. Il-valuri etiċi tiegħu irmihom il-baħar!

Issa, wara dan kollu, Peregin iħossu b’esperjenza biżżejjed biex jgħin lilna ukoll biex nagħmlu l-għażliet tagħna.

Ħaġa waħda ma qalx: li partit politiku bħall-PN, li hu parti mill-problema, qatt ma jista’ jkun is-soluzzjoni.

Il-merċinarju ma jsolvix problemi, iżda jipprova jaħbihom.

Il-parker ta’ Chris Peregin

Chris Peregin illum, fit-Times, qalilna kif parker umli u bla pretenzjonijiet fetaħlu għajnejh. Marritlu r-rabja ta’ 13-il sena kontra l-PN. Tnisslitlu biża’ kbira li minħabba fiha ser jibda “jgħin” lill-Partit Nazzjonalista.

L-għajnuna mhiex b’xejn. Bi ħlas mhux żgħir li min jaf kemm iridu jinħarġu ċedoli biex jagħmlu tajjeb għalih!

F’kummenti li Chris Peregin għamel fuq il-media soċjali emfasizza fuq il-ħtieġa li l-PN jagħraf it-tajjeb ta’ ġo fih u jwarrab fil-ġemb il-bqija.

Anke il-Labour jargumenta l-istess. Smajt numru ta’ votanti Laburisti mill-iktar umli u ta’ bla pretensjonijiet, bħall-parker ta’ Peregin, ifaħħru t-tajjeb tal-Labour u jiġu jaqgħu u jqumu mill-bqija, mill-korruzzjoni u l-abbużi. Għax għal uħud sakemm “nirċievi l-pensjoni” ABŻ mill-kumplament!

X’hemm ġdid f’dan?

Tajjeb li nagħrfu l-pożittiv fil-partiti kollha, imma dan ma jfissirx li l-bqija ser jisparixxi jew jintesa.

F’Lovin Malta, Peregin waqt il-kampanja riċenti tat-tmexxija tal-PN kien jemfasizza li hu jistenna li l-PN ikollu Kap li jħallas it-taxxa (kollha) fil-ħin. Jidher li reġa’ bdielu Peregin: ser jispiċċa jgħin Kap li għamel kullma seta biex ma jħallasx taxxa.

Il-politika tinbena fuq il-kredibilità. Il-PN nieqes minnha sewwa. Peregin ma tantx jidher li ser jgħin f’dan il-qasam.

Il-parker ta’ l-inqas jidher umli u leali. Mhux merċinarju.

Chris Peregin persuna valida

L-aħbar tal-lum li Chris Peregin ser ikun qed jassisti lill-PN fil-kampanja elettorali ma tissorprendinix.

Bla dubju hu persuna valida u kapaċi.

Il-kuntrast bejn il-valuri tiegħu, kif espressi tul iż-żmien u dawk tal-PN mhux żgħir. Għad irridu naraw kif dan il-kuntrast għad jeffettwa r-relazzjoni bejn it-tmexxija tal-PN u Peregin u l-allura l-impatt fuq l-istrateġiji li ser jiżviluppaw. Mhux ser nazzarda ngħid min ser jaddatta ruħu. Imma mhux ser ikun faċli la għal Peregin u l-anqas għall-PN.

Punt interessanti li qed ikun diskuss b’ċerta intensità kemm fuq is-social media kif ukoll tal-Pietà hi l-kawża dwar il-media politiċi. Il-kawża hi f’isem Lovin’ Malta u allura tista’ tibqa’ għaddejja, għax dan ma jiddependix minn Peregin. Il-kawża hi dwar l-obbligu li kemm in-NET kif il-ONE ikunu imparzjali. Hu interessanti jekk Peregin hux ser jibqa’ jemmen fl-imparzjalità bħala valur fih innifsu u allura jekk hux ser iġorr miegħu dan il-ħsieb tal-Pietà.

Iċ-ċaqlieqa ta’ Peregin hi motivat minn ħsieb wieħed: li l-partiti politiċi l-kbar għandhom is-saħħa u li l-uniku mod kif tiġġieled il-ħmieġ hu billi taħdem magħhom. Din hi l-għażla li għamel Peregin. Għażla li tinjora l-fatt li l-PN innifsu ta’ kontribut sostanzjali biex qegħdin fejn qegħdin tant li kif stqarr Peregin innifsu, lilu imbuttawh biex għal xi żmien ivvota lil Muscat u lill-partit tiegħu.

Nifhem li min ma ra xejn ħażin li jivvota lil Joseph Muscat fl-2013 daqstant ieħor ma jsib l-ebda diffikultà li jalleja ruħu ma min evada t-taxxa. Hemm kompatibilità bejn iż-żewġ għażliet!

Peregin konvint li l-Partit Laburista fil-Gvern mhux ser jasal malajr biex joħroġ lil Malta mil-lista l-griża. Issa forsi jirrealizza ukoll li hu daqstant ieħor diffiċli biex partit immexxi minn min evada t-taxxa jindirizza din il-problema. Għax kif jista’ min hu dgħajjef fl-imġieba etika jagħti messaġġ ta’ serjeta?

Ma hemmx kredibilità.