Lil hinn minn Oliver

Lill-Oliver Scicluna ftit nafu. Segwejtu jaħdem mill-bogħod u għandi rispett u ammirazzjoni lejh bħala persuna kif ukoll għad-dedikazzjoni tiegħu għal dak li jemmen fih.

Il-co-option tiegħu fil-Parlament imma hi abbuż sfaċċjat tas-sistema. Kif kienet abbuż il-co-option ta’ bosta oħrajn: ta’ Adrian Delia, ta’ Bernard Grech, ta’ Miriam Dalli, ta’ Clyde Caruana u anke ta’ Joseph Muscat innifsu fl-2008.

Hu abbuż li ħadd ma ikkontestah sal-lum. Kien hemm mumenti meta dan kien fix-xifer li jsir meta l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jikkoptja lil Jean Pierre Debono meta irriżenja David Stellini, MP għal Ghawdex.

Dakinnhar, b’mod sfaċċat, l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jkun co-opted Jean Pierre Debono flok Kevin Cutajar.

Kevin Cutajar kien kandidat fuq Għawdex, imma Jean Pierre kien qed jistenna ringrazzjament talli ċeda is-siġġu tiegħu fuq Ħaż-Żebbuġ biex daħal Adrian Delia fil-Parlament. Delia, ovvjament, ma setax jirringrazzja lil Jean Pierre billi jagħmlu ambaxxatur, bħalma Joseph Muscat kien għamel lil Joseph Cuschieri, anke jekk snin wara!

Kull kandidat ikun urtat jekk wara li jkun aċċetta l-inkonvenjent li jikkontesta elezzjoni u ma jitlax, wara, kif titfaċċa opportunità fid-Distrett tiegħu jitfaċċa xi ħadd minn barra d-distrett biex itellfu anke dik l-opportunità. Il-każ ikun agħar jekk min jitfaċċa l-anqas biss ikun qagħad iħabbel rasu biex jikkontesta elezzjoni. Bħal Oliver, bħal Adrian, bħal Bernard, bħal Clyde u bħal Joseph.

Il-co-options li jsiru b’dan il-mod hu abbuż tas-sistema u għandhom jispiċċaw. Din il-kitba mhiex kritika ta’ Oliver imma tal-partiti li qed jabbużaw mis-sistema.

Ħbieb tan-natura …… b’subgħajhom fuq il-grillu

Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-Kap tal-Opposizzjoni Bernard Grech ħatar il-kelliema tal-Opposizzjoni (Shadow Cabinet), fosthom kelliemi għall-kaċċa u l-insib. Mexa fuq il-passi tal-Gvern u ssepara din ir-responsabbiltà minn dik ambjentali, fejn hu postha.

B’dan il-pass, il-Partit Nazzjonalista ukoll tana messaġġ ċar li anke hu jiġu jaqa’ u jqum mir-responsabbiltajiet ambjentali tal-pajjiż. Il-kaċċa u l-insib għandhom ikunu regolati skond id-Direttiva Ewropeja dwar l-Għasafar.

Il-Gvern qiegħed kontinwament attent li jbiegħed il-kaċċa u l-insib mill-istrutturi regolatorji ambjentali biex jasserixxi l-kontroll politiku. Il-Unit dwar l-Għasafar fl-2013 inqala’ mill-qafas regolatorju ambjentali. L-ewwel tqiegħed fil-Ministeru responsabbli mill-agrikultura u issa spiċċa fil-Ministeru għal Għawdex.

Il-Partiti fil-Parlament huma ċari fil-messaġġ tagħhom: il-kaċċa u l-insib, għalihom mhux meqjusa ambjent, imma jarawhom biss f’termini ta’ voti.  

Il-kaċċa u l-insib għandhom ikunu regolati f’qafas regolatorju ambjentali, speċifikament bħala parti minn strateġija realistika dwar il-biodiversità. Din hi raġuni ewlenija għalfejn nopponu bil-qawwa l-kaċċa fir-rebbiegħa. Għax hu fir-rebbiegħa li n-natura jkollha l-possibilità li tistejqer u tirriġenera ruħha. Jekk mhux ser tieqaf il-kaċċa tal-għasafar fir-rebbiegħa tibqa’ tikber il-ħsara lill-biodiversità. Din hi verità ambjentali bażika li iktar ma tkun aċċettata minn kulħadd, aħjar.  

NET TV nhar l-Erbgħa irrapporta li Edwin Vassallo inħatar bħala l-kelliemi tal-PN fil-Parlament dwar il-ħarsien tad-delizzji tradizzjonali. Għax il-PN, bħall-Labour, iħarsu lejn il-kaċċa u l-insib tal-għasafar esklussivament f’termini ta’ voti. Għad m’għandhomx idea dwar l-impatti ambjentali li qed jinjoraw.

B’mod redikolu, meta Bernard Grech iltaqa’ ma’ rappresentanti tal-kaċċaturi, l-FKNK, huwa iddeskriva lill-kaċċaturi u lin-nassaba bħala ħbieb tan-natura. Il-ħbieb tan-natura ma jkunux armati!   

Minn meta ‘l hawn il-ħbieb tan-natura jisplodu l-għasafar fl-ajru jew jaqfluhom f’gaġeġ?  

Huwa ċar li Bernard Grech u l-PN li hu jmexxi, għadu mħawwad fejn jikkonċerna l-ambjent. Mhiex xi ħaġa ġdida din!  Tfisser biss li l-PN għadu ma tgħallem xejn minn dak li għadda minnu f’dawn l-aħħar snin. Billi jilgħaq lill-kaċċaturi u lin-nassaba m’hu ser jasal imkien.

F’qasam fejn diversi għadhom jippretendu li jagħmlu li jridu kont nistenna li Bernard Grech jappoġġa lil dawk li qed jinsistu għal regolamentazzjoni rigoruża tal-kaċċa. Kliemu, sfortunatament, jinkoraġixxi lil dawk li jabbużaw, inkluż lil dawk li jiġu jaqgħu u jqumu minn l-għasafar protetti. Għandu jifhem ukoll li l-perjodu ta’ transizzjoni dwar l-insib kif imfisser dettaljatament fit-trattat li bih Malta issieħbet fl-EU ilu li skada.  Dan ifisser li l-insib suppost li ilu li spiċċa minn Malta. Il-kummenti ta’ Bernard Grech, għaldaqstant jinkoraġixxu attività illegali. Is-saltna tad-dritt, Dr Grech, tapplika għall-kaċċa u l-insib ukoll!

F’Jannar 2017, predeċessur ta’ Bernard Grech ippubblika l-politika ambjentali tal-PN fi ktejjeb intitolat “Kwalità tal-Ħajja Aħjar”.  F’dan id-dokument ma ssibx referenza għall-kaċċa u għall-insib. Id-dokument jiddiskuti l-biodiversità f’termini ġenerali u jemfasizza li f’Malta l-ekosistemi mhux imħarsa u l-biodiversità qed tiddgħajjef kontinwament.  L-appoġġ tal-PN lill-kaċċa u l-insib (bħalma jagħmel il-Labour) hu attakk frontali kontra l-biodiversità. Hemm bżonn li jiġu f’sensihom.  

L-insib diġa hu illegali. Anke l-kaċċa jeħtieġ li tkun imrazzna u mhux tkun inkoraġġita.

Ambjentalment il-PN għadu lura ħafna.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2021

Nature lovers …………… with a gun

In his first Shadow Cabinet the Leader of the Opposition Bernard Grech has appointed a spokesperson for hunting and trapping. A responsibility which, parroting the Government, has not been included within the remit of the spokesperson for the environment.

In so doing, the PN too has given notice that it does not give a fig about Malta’s environmental responsibilities. Hunting and trapping are to be regulated in accordance to the environmental acquis, specifically in line with the provisions of the Birds Directive of the EU.

This government has consistently parked hunting and trapping far away from the environmental regulatory structures. The Wild Birds Study Unit was in 2013 divorced from the environmental setup and parked within the Ministry responsible for Agriculture, subsequently moving to the Ministry for Gozo.

The clear message delivered by both the PN and the Labour Party is that they do not consider hunting and trapping to be environmental issues. We have been aware of this for quite a long time.

Hunting and trapping should be regulated within a general environment framework, specifically as part of a realistic biodiversity strategy. This is the basic reason why greens object to spring hunting. It is during spring that nature has the possibility to regenerate. Not banning spring bird-hunting across the board is damaging to biodiversity. This is a basic environmental truth which needs to be accepted by all, and the sooner that this is done, the better.

NET TV reported on Wednesday that Edwin Vassallo was the PN’s spokesperson relative to “the defence of traditional hobbies” (Il-ħarsien tad-delizzji tradizzjonali). The PN, just like Labour, assess bird-hunting and trapping exclusively on their voting potential: they still do not have a clue of their serious environmental impact.

Meeting with the representatives of the hunters’ federation, FKNK, earlier this week, Bernard Grech ridiculously described hunters and trappers as nature lovers. Nature lovers with a gun. Bernard Grech wants to address the negative perception of hunters and trappers in the Maltese islands by green-washing them. 

Since when do nature lovers blast birds out of the sky or enclose them in cages?

Clearly Bernard Grech, and the PN which he leads, has got his environmental bearings mixed up. There is nothing new about it. It only signifies that the PN has not learnt anything from its experiences in the past years. Bootlicking hunters and trappers will not get it anywhere.

In an area of activity where laissez-faire is prevalent, one would have expected Bernard Grech to take up the case in favour of more rigorous regulation of hunting. His words, alas, encourage the abusive actions of those hunters who blast anything that flies, in particular protected birds. He should also be aware that the transition period relative to bird-trapping in the treaty regulating Malta’s EU accession has elapsed quite some time ago. This signifies that bird-trapping should have been abolished long ago on these islands. Bernard Grech’s comments are thus encouraging illegal activity. The rule of law is applicable to hunting and trapping too!

In January 2017, Bernard Grech’s predecessor had published an environmental policy for the PN entitled “A Better Quality of Life”.  The said document does not refer to hunting or trapping. It does however discuss biodiversity in general terms emphasising that in Malta, ecoystems and habitats are not adequately protected and their biodiversity is in decline. When the PN (like the PL) supports hunters and trappers it is reinforcing the frontal attack on biodiversity. Is it not about time that they come to their senses?

Bird trapping is already illegal. Hunting should be curtailed as much as possible and not further encouraged.

Environmentally the PN is as retrograde as ever.

published in The Malta Independent on Sunday : 24 January 2021

Anke Bendu bil-problemi ma’ tat-taxxa

Il-gazzetti tal-lum qalulna li wara kollox, dwar it-taxxi anke Bendu, jiġifieri Bernard Grech, għandu storja ta’ taxxi b’lura.

Il-Malta Today qaltilna: PN leadership candidate has a history of unpaid taxes. Is-Sunday Times qaltilna: Bernard Grech sorts out his tax dues. L-Illum, min-naħa l-oħra tgħidilna li: Grech ma jgħidx kif ħallas €62,000 f’taxxa u VAT li kellu pendenti fuq medda ta’ snin.

Hemm ħafna x’jiġi spjegat minn Bendu Grech. Fi ftit kliem kif jista’ jitwemmen meta jitkellem dwar il-ġustizzja soċjali meta kellu dawn il-problemi kollha mal-awtoritajiet tat-taxxa? Il-fatt li ftit ilu ftiehm ma jistax inessi li sa dakinhar kien jaħsibha mod ieħor.

It-taxxa hi strument ta’ ġustizzja redistributtiva u min jevadi jew jipprova jevadi t-taxxa jkun qed jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu. Fuq dan m’hemmx x’tagħżel bejn Bendu u Drinu : it-tnejn pezza waħda.

Il-Kabinett Nazzjonalista li jmiss

Hi ħasra għall-PN innifsu u għall-pajjiż li għal raġunijiet tattiċi l-aħjar fost il-kandidati għat-tmexxija tal-PN kienu sfurzati biex jirtiraw mit-tellieqa.

Bla dubju kemm il-pajjiż kif ukoll il-PN innifsu ser ikun  telliefa bħala riżultat tal-fatt li Therese Commodini Cachia, Roberta Metsola u Mark Anthony Sammut ma komplewx bil-kandidatura taghhom. Il-kandidatura tat-tlieta li huma kienet tibgħat messaġġi posittivi mhux biss għall-PN innifsu imma anke għall-pajjiż.

Il-kandidati li baqa’, Adrian Delia u Bernard Grech, għal raġunijiet differenti, iwasslu messaġġ negattiv.

Kif intqal mit-Times illum, l-għażla hi waħda bejn żewġ possibilitajiet negattivi: Hobson’s choice qalet is-Sunday Times.

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin sejjer lura u jidher li ma jridx jitgħallem.

It-tesserati tal-PN għandhom id-dritt li jagħżlu li min iridu. Imma fl-aħħar minn l-aħħar tajjeb li jżommu quddiem għajnejhom li huma l-votanti li jagħmlu l-għażla finali.

It-triq li ilu li qabad il-PN hi għan-niżla, irrispettivament minn min ser jintagħżel. Hi triq li dejjem qed tagħmilha iktar ċara li l-membri tal-Kabinett Nazzjonalista li jmiss probabbilment għadhom l-anqas twieldu.