Lil hinn minn Oliver

Lill-Oliver Scicluna ftit nafu. Segwejtu jaħdem mill-bogħod u għandi rispett u ammirazzjoni lejh bħala persuna kif ukoll għad-dedikazzjoni tiegħu għal dak li jemmen fih.

Il-co-option tiegħu fil-Parlament imma hi abbuż sfaċċjat tas-sistema. Kif kienet abbuż il-co-option ta’ bosta oħrajn: ta’ Adrian Delia, ta’ Bernard Grech, ta’ Miriam Dalli, ta’ Clyde Caruana u anke ta’ Joseph Muscat innifsu fl-2008.

Hu abbuż li ħadd ma ikkontestah sal-lum. Kien hemm mumenti meta dan kien fix-xifer li jsir meta l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jikkoptja lil Jean Pierre Debono meta irriżenja David Stellini, MP għal Ghawdex.

Dakinnhar, b’mod sfaċċat, l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jkun co-opted Jean Pierre Debono flok Kevin Cutajar.

Kevin Cutajar kien kandidat fuq Għawdex, imma Jean Pierre kien qed jistenna ringrazzjament talli ċeda is-siġġu tiegħu fuq Ħaż-Żebbuġ biex daħal Adrian Delia fil-Parlament. Delia, ovvjament, ma setax jirringrazzja lil Jean Pierre billi jagħmlu ambaxxatur, bħalma Joseph Muscat kien għamel lil Joseph Cuschieri, anke jekk snin wara!

Kull kandidat ikun urtat jekk wara li jkun aċċetta l-inkonvenjent li jikkontesta elezzjoni u ma jitlax, wara, kif titfaċċa opportunità fid-Distrett tiegħu jitfaċċa xi ħadd minn barra d-distrett biex itellfu anke dik l-opportunità. Il-każ ikun agħar jekk min jitfaċċa l-anqas biss ikun qagħad iħabbel rasu biex jikkontesta elezzjoni. Bħal Oliver, bħal Adrian, bħal Bernard, bħal Clyde u bħal Joseph.

Il-co-options li jsiru b’dan il-mod hu abbuż tas-sistema u għandhom jispiċċaw. Din il-kitba mhiex kritika ta’ Oliver imma tal-partiti li qed jabbużaw mis-sistema.

Co-option flok Gavin Gulia

Ir-riżenja ta’ Gavin Gulia minn membru parlamentari, ftit minuti wara li ħa l-ġurament tal-ħatra, hi kemmxejn stramba. S’issa mhux magħruf x’inhuma r-raġunijiet għal din ir-riżenja. Ma rridx noqgħod nispekula dwarhom jew inkella inżejjen b’aġġettivi lil min jista’ jkun involut f’dak li bla dubju ġara wara l-kwinti.

Gavin Gulia mhux l-ewwel membru parlamentari li rriżenja b’dan il-mod. Qablu kien hemm it-Tabib Peter Micallef li irriżenja biex jiġi co-opted Adrian Delia. Anke Micallef irriżenja ftit minuti wara li ħa l-ġurament tal-ħatra.

Meta l-proċedura tal-co-option tintuża b’dan il-mod, il-votant ikun qiegħed jingħata bis-sieq. Għax il-votant ikun għamel għażla u din l-għażla tkun qed tkun skartata kapriċċjożament favur min ma kellux id-diċenza jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.

Wasal iż-żmien li r-regoli li diġa jeżistu dwar il-co-options ikunu segwiti. L-Att dwar L-Elezzjonijiet Ġenerali (General Elections Act) jipprovdi ir-regola bażika dwar il-co-option fl-Iskeda 13 tiegħu.

L-artiklu 22 (2) ta’ din l-iskeda jgħid hekk : Meta  jiġi  biex  jimtela  l-post  ta’  Membru  bil-għażla, għandhom jitqiesu li kemm jista’ jkun, ikun hemm l-istess interessi u fehmiet li kien jidher għalihom u li kellu dak il-Membru illi postu jkun tbattal. (bl-Ingliż: In filling a vacancy by co-option, regard shall be had to the representation as nearly as may be of the interests and opinions represented and held by the vacating Member.)

Tiftakru x’pogrom kien inqala’ meta l-Eżekuttiv tal-PN kien għażel li flok il-Membru Parlamentari Għawdxi David Stellini jagħmel co-option ta’ Jean-Pierre Debono li ma kellu x’jaqsam xejn mad-Distrett Għawdxi? L-Eżekuttiv tal-PN kellu jagħmel U-turn u eventwalment għażel lill-Għawdxi Kevin Cutajar.

Il-liġi jiġifieri diġa tipprovdi li l-partiti m’għandhomx id-dritt jagħmlu li jridu meta jkun hemm ħtieġa ta’ co-option imma għandhom limitazzjonijiet ċari li sfortunatament rari ħafna ġew osservati.

Issa nistennew u naraw x’ser jiġri meta tittieħed deċiżjoni dwar il-co-option flok Gavin Gulia.

Wara l-battibekk bejn Michael Briguglio u Marlene Farrugia

Il-battibekk bejn Michael Briguglio u Marlene Farrugia dwar il-byelection għas-siġġu Parlamentari ta’ Jean Pierre Debono jixħed dawl fuq il-forma (jew aħjar in-nuqqas ta’ forma) li għandha l-koalizzjoni imsejħa Forza Nazzjonali.

L-ideat tiegħi dwar din il-koalizzjoni dejjem kienu ċari. Koalizzjoni iva, imma mhux a kwalunkwe kost.

Sfortunatament il-koalizzjoni li iffurmaw bejniethom il-PN u l-PD hi sempliċiment alleanza aritmetika li ġiet iffurmata a bażi ta’ analiżi żbaljata tal-fehmiet tal-elettorat, għax kien hemm min ħaseb li kien viċin meta kien il-bogħod ħafna.

Hi koalizzjoni li saret bil-għaġġla u bla wisq ħsieb. Suppost kienet koalizzjoni favur il-governanza tajba u kontra l-korruzzjoni. Imma min mexa ħażin xorta kellu post prominenti fil-koalizzjoni. La ġie iċċensurat u wisq inqas kien hemm min ipprova jfisser x’tgħallem minn dawn l-iżbalji biex forsi tonqos il-possibilità li jkunu repetuti.

Id-deċiżjoni tal-Partit Demokratiku li jagħti direttiva lill-kandidati tiegħu biex jikkontestaw il-byelection għas-siġġu ta’ Jean Pierre Debono ma tistax tkun injorata għax hi rifless ta’ kif il-Partit Demokratiku jħares lejn il-koalizzjoni. Għax jekk l-imsieħba fil-koalizzjoni mhumiex kapaċi jaslu għal ftehim fuq xi ħaġa daqshekk sempliċi bħall-byelection, kif nistgħu nemmnu li jista’ jkun hemm qbil (fil-koalizzjoni) fuq issues ta’ politika ferm iktar ikkumplikati u li xi drabi jirrikjedu kompromessi mhux żgħar?

Il-pedamenti tal-koalizzjoni huma dgħajfa ħafna. Mhux kulħadd jaf x’inhu jagħmel.