L-isparatura fi Triq il-Wied tal-Kappara: lil hinn mill-cover-up

cock fighting

 

L-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2014 fil-għaxija fi Triq il-Wied tal-Kappara l-Gżira issa ilha sbatax-il ġurnata li seħħet. Kull jum li jgħaddi joħorġu ftit iktar dettalji dwar dak li ġara u min għamlu.

L-aħħar biċċa aħbar hi dwar it-telefonati : min tkellem, ma min u meta. S’issa li qed nikteb it-telefonati għadna ma smajnihomx, ħlief waħda ippubblikata dal-għodu. Nafu biss dak li qalulna tan-NET TV dwar dak li suppost fihom. Ħadd s’issa (ħlief forsi Joe Mikallef tan-NET TV) għadu ma jaf jekk dan hux kollox.  Jew jekk hemmx iktar.

Dawn huma kollha dettalji importanti. Imma jibqgħu dettalji. Id-dettalji li qed jiffukaw fuqhom il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista, it-tnejn li huma, ħadu l-posizzjoni politika li l-politiku li qed jokkupa uffiċċju politiku (holder of political office) għandu jerfa’ r-responsabbilita politika tiegħu billi jirreżenja jekk għamel xi ħaġa li m’għandux jagħmel,  inkella jekk naqas milli jagħmel dak li kellu jagħmel. Għalhekk il-PN ilu mill-bidu nett jemfasizza li f’dan il-każ sar cover-up. Għalhekk ukoll il-Partit Laburista fil-Gvern qed jiġġieled kontra dan l-argument u fetah inkjesta biex jiġi stabilit eżattament x’ġara. Bħal dak li qallu li mhux kulħadd jaf ! Kulħadd, jiġifieri, minbarra l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista jidhirlu li l-cover-up hu ovvju. Il-Gvern qed jittama li bit-tidwir tal-legaliżmi tal-inkjesta dak li hu ċar jiġi mċajpar.

Huwa interessanti li la l-Partit Nazzjonalista u l-anqas il-Partit Laburista fil-Gvern ma tkellmu dwar ir-responabbilta’ politika li għandu l-politiku f’ħatra politiku għal dawk ta’ madwaru: dawk ta’ fiduċja (f’position of trust) kif ukoll dawk fid-Dipartimenti/Awtoritajiet li għalihom ikun responsabbli.

Huwa ovvju għalfejn kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista qagħdu lura minn dan. Li ma qagħdux lura kieku ilna 17-il ġurnata b’Ministru tal-Intern ġdid. Li ma qagħdux lura l-Partit Nazzjonalista kien jeħtieġlu jispjega għalfejn ma kellniex riżenji fis-snin li għaddew.

Dan kollu huwa l-konsegwenza diretta ta’ sistema politika dominata minn żewġ partiti. Fejn l-interessi tagħhom jiġu qabel l-interessi tat-tmexxija tajba tal-pajjiż.

 

Wara Xarabank li ma sarx …………..

Xarabank

Il-bieraħ fil-għaxija kont mistieden għall-programm Xarabank biex fid-dibattitu bejn Simon Busuttil u Anġlu Farrugia ngħaddi xi kummenti.

Qed ngħid ngħaddi xi kummenti għax fil-programm kont ser nipparteċipa u inkun allokat massimu ta’ 8 minuti għal xi tlett interventi bħalma xi ġimgħat ilu kien allokat Michael Briguglio fid-dibattitu bejn il-mexxejja tal-PN u l-PL.

Alternattiva Demokratika m’għandiex l-istazzjon tagħha u allura m’għandiex għażla dwar x’tista’ tagħmel f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddependi kompletament fuq il-ħin offrut. Anke jekk dan ikun allokat b’mod li fil-fehma tagħna jkun inġust. Il-Partiti l-oħra min-naħa l-oħra għandhom kemm l-istazzjon televiżiv tagħhom kif ukoll iridu sehem mill-ħin fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-farsa li żviluppat fil-ħin li kellu jibda Xarabank il-bierah hi issa magħrufa. Franco Debono ried li jkollu l-opportunita li jiddibatti ma Simon Busuttil. Il-motiv ewlieni għal dan hu li matul il-ġimgħat u forsi anke matul ix-xhur li għaddew inżamm il-bogħod mill-istudios konnessi mal-PBS. Tas-Super One ovvjament jippruvaw jagħsru  li jistgħu għall-vantaġġ massimu li jippermettu ċ-ċirkustanzi. Tan-NET iqiesuh irrelevanti.

F’pajjiż fejn il-ġurnaliżmu investigattiv jirrenja, l-istazzjonijiet televiżivi kien ikollhom minjiera ta’ informazzjoni x’jesploraw fi Franco Debono.  Imma dan ftit li xejn sar sfortunatament. Għax il-ġurnaliżmu fil-pajjiż hu prinċipalment wieħed motivat minn aġenda politika. Ħafna drabi b’mod li tidher, xi drabi mlibbsa b’mod li hi taparsi indipendenti. F’xi każi indipendenti ftit, xi kultant ftit iktar.

Franco hu bniedem taħt assedju u fil-fehma tiegħi iħoss li billi ma ikkonformax mas-sistema din ippruvat toħonqu. Nifhem dak li jħoss għalkemm naħseb li ma użax il-metodi addattati. Il-konsegwenza hi li hu inħaraq u probabilment li ser jinħarqu miegħu dawk kollha li matul din il-leġislatura xelfu xi ftit difrejhom mat-tmexxija tal-PN.

Pero’ l-istorja ma naħsibx li tieqaf hawn. Kulħadd naħseb li tgħallem xi ħaġa minn dak li ġara fil-Parlament matul dawn il-5 snin. Mhux biss minn dak li qal u għamel Franco, iżda ukoll minn dak li għamel JPO. (Lil Mugliett ma nsejtux. Ma semmejtux għax ma kienx persuna li ħadet xi inizzjattiva. Pjuttost mexa mal-kurrent. Għamel numru ta’ diskorsi parlamentari tajbin. Wieħed minnhom kien dwar l-ismart meters. Kien diskors studjat u ippreparat.)

Hi ħasra li daqstant enerġija inħliet meta setgħet faċilment intużat b’mod ħafna iktar pożittiv.

Dom Mintoff fuq in-Net TV

Diġa kelli l-opportunita’ nitkellem dwar l-avvenimenti reċenti fil-Parlament.

Tajjeb li naraw l-istampa kollha u mhux nintilfu fid-dettall.

Ġara dak li jiġri dejjem. L-Opposizzjoni tfittex l-iktar punt debboli tal-Gvern u wara tattakkah fejn iweġġa’ l-iktar. Tagħmel dan biex iddgħajfu tant sakemm, kif ngħidu bil-Malti, ma jkunx jiflaħ iqum għal oħra.

Il-Labour taħt Joseph Muscat hekk qed jagħmel bla rispett lejn xejn u lejn  ħadd.

Hekk ukoll għamel il-PN (b’mod ferm iktar fin!) fil-konfront tal-Gvern ta’ Alfred Sant fil-perjodu 1996-98. Dak inhar il-punt debboli ta’ Alfred Sant kien Dom Mintoff, u Fenech Adami tah il-ħabel. Tah airtime kemm ried fuq in-NET TV. (Tiftakruh lil Pierre Portelli jiġri bil-microphone wara Mintoff?)  Tah ħin minn tiegħu fil-Parlament. U l-Gvern ta’ Sant ftit ftit ikkollassa.

Illum qed jiġri l-istess.

Lawrence Gonzi hu l-punt debboli tal-PN. Wera li mhux kapaċi jmexxi għal darba tnejn.  Minflok imexxi  jipprova jixtri l-kritiċi tiegħu fil-Grupp Parlamentari bil-ħolqien tal-ħatriet ta’ Assistent Parlamentari.

Żewġ Membri Parlamentari tal-PN ma aċċettawx dawn il-ħatriet. Taw ir-raġunijiet għar-rifjut tagħhom. Qalulu li ma riedux jaċċettaw ħatriet li bħala riżultat tagħhom kien ikollhom jaqgħu fil-muta u minflok ma jagħmlu xogħolhom ta’ Membri Parlamentari jkollhom joħorġu biċ-ċensier.

Dan kollu jfisser li hemm nuqqas ta’ dibattitu intern fil-PN li inevitabilment wassal biex il-kritika l-ħarxa toħroġ fil-beraħ. Fuq ġewwa ma hemm ħadd li lest biex jisma’ u jagħti każ. Dan m’hu tort ta’ ħadd għajr ta’ min suppost li qed imexxi u biċ-ċar wera  li ma kienx kapaċi jikseb il-fiduċja reali tal-Partit. Għax il-fiduċja ma tiksibiex meta tirbaħ vot ta’ fiduċja fil-Parlament jew fil-Partit. Tirbaħ il-fiduċja meta ta’ madwarek, in partikolari dawk li tippretendi li tmexxi, jaċċettaw il-ġudizzju tiegħek. Ikunu lesti li jiddiskutu miegħek, u l-opinjoni tiegħek jagħtuha piz kbir mhux biss għax inti l-mexxej iżda fuq kollox għax jirrispettawk.

Lawrence Gonzi m’għandux dawn il-kwalitajiet. Imexxi minn hemm fuq,  m’għandux idea ta’ x’jaħsbu l-egħruq tal-Partit. Minkejja t-teatrin qatt ma kien viċin l-egħruq tal-Partit. Qatt ma kien attiv fl-istrutturi tal-Partit. Ġie fil-Partit minn imkien. U qatt ma kellu x-xewqa li jaħdem viċin l-egħruq tal-PN. Per eżempju, wara l-elezzjoni tal-1987 meta ma telax sparixxa mill-ewwel mill-Partit sakemm EFA offrielu l-post ta’ Speaker! Imma dik storja oħra.

Quddiem dan il-punt debboli, n-nuqqas ta’ mexxej li kapaċi jmexxi,  l-isfidi ma jonqsux. Jidher ċar li l-backbenchers ftit kellhom l-opportunita’ li jsemmgħu leħinhom biex iwasslu l-kritika għall-mod kif inhu immexxi l-pajjiz u l-partit.

Altru milli kapitlu magħluq. Il-kapitlu għadu miftugħ beraħ u probabilment ma jingħalaqx ħlief meta Lawrence Gonzi jwarrab jew jitwarrab mit-tmexxija tal-PN.

Imbagħad il-PN ikun irid jagħmel snin twal fl-Opposizzjoni biex jinbena mill-ġdid. Biex dak li tkisser taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi u dawk ta’ madwaru,  bil-paċenzja jerġa’ jieħu sura.

Sadanittant forsi ma tafx kif Lawrence Gonzi jerġa’ jmur iqatta’ ftit ħin bħala President tal-Azzjoni Kattolika.