Il-backbenchers tal-PN u l-botta dijabolika ta’ JPO

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija :  Kif tanalizza dak li seħħ fil-Parlament f’ dawn l-aħħar seba’ xhur?

Tweġiba : Il-mod kif aġixxew it-tlett membri parlamentari tal-PN (JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette)  naħseb li  kien wieħed żbaljat. Setgħu kienu kritiċi b’mod konsistenti tul il-leġislatura fis-sens li ressqu proposti konkreti u bil-vot tagħhom ġielgħu l-Gvern jieħu azzjon speċifika jew oħra.

Li għamlu hekk fil-fehma tiegħi kienu jkunu mhux biss iktar effettivi imma setgħu jagħtu rwol pożittiv lill-backbench fuq in-naħa tal-Gvern. Li l-backbench ikun kapaċi jieqaf lill-Gvern hu minnu innifsu fatt pożittiv imma huwa meħtieġ li l-enerġija tkun ikkanalizzata f’direzzjoni li tħares il-quddiem. Ma dawn it-tlett deputati hemm oħrajn li kienu kritiċi imma sfortunatament ma kien hemm l-ebda attentat li jikkordina l-inizzjattivi diversi tal-backbench nazzjonalista bħal per eżempju in-1922 Committee tal-Konservattivi Ingliżi. Dan in-nuqqas serva biex jirbaħ l-individwaliżmu fuq l-azzjoni favur il-ġid komuni. Ħsibt f’hekk meta smajt il-botta dijabolika ta’ JPO waqt id-dibattitu fuq il-mozzjoni RCC meta qal li kien hemm ta’ l-inqas 10 deputati oħra li xtaqu jagħtu l-appoġġ. F’dak il-mument JPO jidher li irrealizza li kien hemm il-potenzjal ta’ appoġġ li iżda ma ġiex ikkultivat.

Meta allura nqiesu lil dawn it-tlett deputati d-diffikulta hi li kif anke’ diġa ntqal minn bosta oħrajn il-motiv ta’  tnejn minnhom  jidher li kien prinċipalment wieħed negattiv.  Fil-każ tat-tielet wieħed ma tantx kien jidher konvint mill-ispjegazzjoni li huwa ta għal astjensjoni.

Naħseb li l-vot ta’ sfiduċja f’Carm Mifsud Bonnici bħala Ministru tal-Intern ma kienx ġustifikat. Dan deher iktar ċar mill-kummenti li ġew attribwiti lil Franco Debono immedjatament wara l-vot li jfisser biss illi dak il-vot kien riżultat ta’ animosita’ personali.

Lawrence Gonzi għandu tort strateġiku dwar dak li ġara dwar Carm Mifsud Bonnici. Kellu quddiemu żewġ mozzjonjiet: il-mozzjoni ta’ sfiduċja imressqa mill-Opposizzjoni u l-mozzjoni ta’ policy imressqa minn Franco Debono iktar minn xahar qabel. Meta Gonzi għażel u ta’ priorita’ lill-mozzjoni tal-Opposizzjoni fuq dik ta’ Franco Debono kien qed jisfida f’mument delikat ħafna u naħseb li sa ċertu punt ġieb l-sfiduċja b’idejh. Carm m’hux biss huwa vittma tal-attitudni ta’ Franco Debono iżda hu fuq kollox vittma tal-istrateġija żbaljata ta’ Lawrence Gonzi.

Il-mozzjoni dwar RCC kienet logħba ċess mill-Opposizzjoni li waqt li kulħadd kien iffukat fuq x’ser jagħmel Franco Debono fehmet kmieni dak li kien għaddej minn moħħ JPO u tagħtu l-għodda biex iwettqu. Jekk kienx hemm kompliċita’ jew le ma nafx imma hu ċar li kienet mossa maħsuba u kkalkulata bi preċiżjoni. L-argumenti fil-mozzjoni, li kieku huma minnhom, ma jirriflettux fuq l-imġieba ta’ RCC iżda fuq il-Gvern.

Sfortunatament JPO biss semma’ r-raġunijiet reali li immotivaw appoġġ għall-mozzjoni liema raġunijiet kienu primarjament ta’ natura personali u irrelevanti għall-mozzjoni.

Dan iġibni għal punt ieħor:  kemm hu għaqli li l-Gvern jagħmel ħatriet politiċi f’postijiet daqshekk sensittivi mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament? Għidt diversi drabi li RCC ma nqiesux li kien uffiċjal pubbliku. Tiegħu kienet ħatra politika. Baqa’ attiv politikament fil-PN u fl-istess ħin kien inkarigat mir-rappresentanza ta’ Malta fi Brussels. Dawn it-tip ta’ ħatriet, fil-fehma tiegħi, għandhom jiksbu l-approvazzjoni tal-Parlament permezz ta’ public hearing kif jagħmel is-Senat Amerikan dwar l-ambaxxaturi Amerikani.  Il-persuna li tkun ser tinħatar għandha tkun mgħarbla fil-pubbliku. Il-Parlament permezz ta’ wieħed mill-kumitati tiegħu għandu jesprimi opinjoni li jekk ma tkunx favorevoli għandha twassal biex il-ħatra ma ssirx.

Qed ifakkruni f’Bobby Fisher

Il-ħidma tal-membri parlamentari JPO u Franco Debono kemm dik parlamentari kif ukoll dik extra-parlamentari qed issir tixbah iktar lil logħba chess milli ħidma fi ħdan partit li xi darba kien jissejjaħ demokristjan.

Mhux qed nirreferi għal logħba chess kwalunkwe iżda lill-logħba għaċ-Championship tad-Dinja li kienet intlagħbet f’Reykjavik l-Iżlanda bejn l-Amerikan Bobby Fisher u ċ-Champion tad-Dinja taċ-Ċess ta’ dakinnhar Boris Spasky fl-1972!

Iktar mill-logħba innifisha dakinnhar kienu interessanti l-manuvri u t-teatrin ta’ Fisher intenzjonat biex jikkundizzjona psikoloġikament lil Spasky.

L-intervisti u l-kummenti ta’ JPO u RCC f’dawn il-jiem jiena nħares lejhom f’dan is-sens.

M’għandix dubju li saru elf manuvra fil-PN biex jipposizzjona ruħu aħjar waqt il-kampanja elettorali tal-2008. Uħud minn dak li sar u intqal nafuh. Imma għad hemm ħafna iktar li għadu mistur, u probabilment jibqa’.

Li RCC hu strateġista ħadd m’hu ser jiċħdu. Avolja kien hemm drabi li għamel żbalji goffi ukoll. Imma huwa għandu l-vantaġġ li “sempliċiment” jagħti l-pariri. Id-deċiżjonijiet jeħodhom ħaddieħor!

L-uniku diskors “onest” fil-Parlament dwar il-mozzjoni biex ikun ċċensurat RCC sar minn JPO. Dan għandu jkun rikonoxxut. Hu biss ma qagħadx jistaħba wara subgħajh biex jgħid ir-raġunijiet veri għala RCC kellu jwarrab. Il-Labour ipprovda l-mezz, JPO għamel użu minnu. Probabilment li l-Labour kien jaf eżattament x’inhu jagħmel. Kienet mossa kkalkulata bi preċiżjoni u bl-intenzjoni speċifika li taċċellera d-diżintegrazzjoni tal-PN. Mhux għax JPO ser ikollu xi appoġġ intern, għax naħseb li mhux ser ikollu appoġġ l-anqas minn dawk li jaħsbuha bħalu dwar RCC. Jekk dawn humiex 10 jew iktar ma nafx. Imma diffiċli nemmen li kien hemm xi ħadd daqshekk baħnan li wiegħed appoġġ lil JPO b’SMS! Is-suwiċidju politiku ma tantx hawn min jieħu pjaċir jipprattikah!

Din hi l-qagħda illum. Tal-biki. Kellu raġun Lawrence Gonzi jgħid li l-esperjenza fil-Parlament tat-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra kienet waħda tal-biża’. Jiena nżid li ħdejn dak li jidher fuq ix-xefaq, dak li ġara fil-Parlament hu biss taħmil id-dras.

Jiddispjaċini ħafna nara lill-PN jaqa’ f’dan il-livell.

Il-PN hu wara kollox il-partit politiku li jiena u ħafna oħrajn iddedikajna żgħożitna biex nimmilitaw fih. M’għandi l-ebda dispjaċir li għamilt hekk għax fiż-żmien li jiena kont attiv fil-PN dan kien l-unika tarka għad-demokrazija fil-pajjiż. Sfortunatament taħt l-Avukat Lawrence Gonzi illum il-PN sar jirrappreżenta affarijiet oħra. Flok tarka għad-demokrazija sar staffa għall-poter akkost ta’ kollox. Għax kieku ma kienx hekk l-elezzjoni ġenerali ilha li issejħet.

X’ser jiġri iktar ma nafx. Jidher biss li jiem il-PN u jiem Lawrence Gonzi huma magħduda. It-tmiem hu fil-qrib.  U ma jistax ikun hemm tmiem agħar minn dak li jidher fuq ix-xefaq. Kollass intern. Partit mibni fuq prinċipji sodi jiżviluppa f’tarka tal-inkompetenza u l-opportuniżmu. Dan kollu qed iseħħ għax il-PN għażel li jinjora l-egħruq tiegħu.

Il-Partit Laburista ilu li għamel l-istess ħaġa. Il-logħba ċess li l-Labour qed jilagħab b’JPO, Franco u Jesmond hi rebħa tat-tattika fuq il-prinċipji. Għal mument il-Labour qed isikket il-prinċipji u qed jitmexxa minn strateġija politika ibbażata fuq il-gwadann immedjat. Għad jiddispjaċih għax fi ħdanu l-Labour fl-eżerċizzju li għaddej minnu li jaċċetta lil kulħadd tefa’ iż-żerriegħa għal repetizzjoni ta’ dak li qed jiġri illum f’data mhux il-bogħod .

Fid-dawl ta’ dan kollu hu ċar li l-PN ta’ Gonzi ma tistax tafdah. Il-Labour ta’ Muscat ma joffrix alternattivi. Hu partit bla prinċipji li nesa’ l-egħruq tiegħu.

Jibqa’ biss Alternattiva Demokratika li b’wiċċha minn quddiem tgħid lil kulħadd li magħha kulħadd jaf fejn hu qiegħed. Għalina ta’ AD kemm il-PN kif ukoll il-Labour huma żbaljati għax kontinwament qed jirriduċu l-politika f’logħba ċess fejn l-iktar importanti għalihom hu min ikollu l-poter f’idejh.

Il-pajjiż jixraqlu aħjar.

Bir-rogħda fuq it-tmun

Dak li ġara fil-Parlament nhar it-Tnejn 18 ta’ Ġunju 2012 għal uħud hu ħolma kerha. Forsi iktar minn hekk ukoll: ħmar il-lejl.

Il-vot biex ikun iċċensurat Richard Cachia Caruana u per konsegwneza jkun imġiegħel jirreżenja mill-kariga tiegħu ta’ Rapprezentant Permanenti Malti fi Brussels hu motivat minn raġunijiet li mhux biss huma dubjużi, imma fuq kollox li huma bla bażi legali. Ir-raġunijiet imsemmija fil-mozzjoni (ir-rwol tal-Parlament fil-proċess biex jiġi riattivat sehem Malta fil-Partnership for Peace) anke’ li kieku huma vera ma jippuntawx lejn RCC.  U billi ġie ippruvat li m’humiex raġunijiet veritieri dawn ir-raġunijiet iddikjarati suppost wasslu għal kollass tal-appoġġ għall-mozzjoni.

Ir-raġunijiet veri li immotivaw id-deċiżjoni huma differenti. Huma ċari.

L-Opposizzjoni m’għandhiex paċenzja tistenna li tasal l-elezzjoni. Identifikat membri parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern li għandhom viżjoni imċajpra.

B’dak li qal Jeffrey Pullicino Orlando fil-Parlament (u bħal diversi oħrajn jiena smajtu live) ikkonvinċieni li d-deċiżjoni tiegħu li jivvota favur ħadha għal raġunijiet personali. Nifhem li RCC hu bniedem li jimbuttak u kultant iqażżek (ilni nafu iktar minn 35 sena). Imma xorta dawk m’humiex raġunijiet li jiġġustifikaw appoġg għall-mozzjoni tal-Opposizzjoni.

Min-naħa l-oħra Jesmond Mugliette ma nistax nifhem s’issa għalfejn ħa d-deċiżjoni li jastjeni. L-anqas hu ma jidher li hu konvint mir-raġunijiet li jagħti għax kull darba li tkellem s’issa sab diffikulta biex jispjega u jfisser ruħu.

Jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni ittieħdet. Rifless tal-pajjiż li ser iħalli Lawrence Gonzi warajh. Parlament li jiddeċiedi mingħajr raġuni. Rifless mhux biss tan-nuqqas ta’ viżjoni tal-Membri Parlamentari  imma ta’ Prim Ministru li m’għandu l-ebda kontroll. L-idejn fuq it-tmun għandhom ir-rogħda.

Spiċċa ż-żmien tal-par idejn sodi.

Lenti fuq ir-rewwixta : 1) Il-karrotti

Ir-rewwixta li għaddejja bħalissa fil-Parlament fil-fehma tiegħi taf il-bidu tagħha  lir-rwol sekondarju li għandu l-backbench fuq in-naħa tal-Gvern.

Kellna diversi membri parlamentari li kienu kritiċi tal-Gvern tul din il-leġislatura, b’kull wieħed minnhom iżid id-doża. Jesmond Mugliette, Jean Pierre Farrugia, Robert Arrigo, Jeffrey Pullicino Orlando u dan l-aħħar xhur Franco Debono. Ftit li xejn kien hemm komuni bejniethom. Ilkoll ġejjin minn distretti differenti. Kuntrarjament għal li jiġri fil-Parlament ta’ diversi pajjiżi Ewropej jidher li ma kien hemm l-ebda koordinazzjoni bejniethom. Kulħadd ħadem għal rasu. Li ħadmu flimkien ir-riżultati kienu jkunu differenti u iżjed posittivi.

L-ewwel riflessjoni hi dwar ir-rwol tal-backbench.  Tradizzjonalment dan kien meqjus bħala il-qaddej fidil tal-front bench, iħejji ruħu sa ma jingħoġob biżżejjed biex jieħu promozzjoni ħalli jkun jista’ jservi lit-tmexxija.

Il-ħolqien tal-grad ta’ Assistent Parlamentari, l-ekwivalenti tal-Parliamentary Private Secretary fil-House of Commons, jiena nqiesu f’din id-direzzjoni.  Karrotta u sarima fl-istess ħin tant li kien hemm min ma aċċettax il-ħatra ta’ Assistent Parlamentari.

Karrotti oħra li tqassmu kienu postijiet eżekuttivi bħalma huma c-Chairmanship ta’ Kunsill tax-Xjenza u t-Teknoloġija u c-Chairmanship tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini.

Dan kollu huwa aljenazzjoni mill-funzjoni vera tal-membri parlamentari li hi li jissorveljaw il-ħidma tal-Gvern billi kontinwament jitolbuh jagħti kont ta’ egħmilu.

Dak li għamlu Mugliette, Farrugia, Arrigo, Pullicino Orlando u Debono. Setgħu għamluh aħjar, imma jekk iħarsu lejn il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom ftit li xejn isibu x’jispirhom.

Ir-rewwixta qegħdet il-pedament għal backbench attiv li jirrifjuta li joqgħod kwiet, bil-karrotti jew mingħajrhom.

(darba oħra : 2. Il-lealta’)

Austin taħt il-lenti (4)

 

(4)  Wara l-vot fil-Parlament

Wara diskussjoni maratona ta’ ħdax-il siegħa il-bieraħ fil-Parlament tajjeb li nirriflettu ftit fuq dak li ġara.

Il-kritika fil-beraħ bejn membri tal-istess partit hi leċta? Li hu żgur hu li hi rari f’dan il-pajjiż u għaldaqstant min jagħmilha ħafna drabi jħarsu lejħ bl-ikrah.

Il-kritika kostruttiva fil-Parlament hi nieqsa. Hemm bżonnha iktar spiss. Sfortunatament hi interpretata bħala sinjal ta’ djgħufija. Fir-realta’ jekk issir sew u mod regolari issaħħaħ lil min jagħmilha. Issaħħah ukoll lil dawk li lejhom tkun indirizzata għax għandha l-potenzjal li ssaffi l-istitutzzjonijiet.

Il-kontribut li taw fil-Parlament matul din il-leġislatura Membri Parlamentari bħal Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando, Jean Pierre Farrugia u Jesmond Mugliette hu imprezabbli li kieku l-Partit Nazzjonalista kapaċi jitgħallem minn din l-esperjenza. Imma sfortunatament m’huwiex kapaċi jitgħallem u dan kif jixhdu d-deċizjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN kemm dwar id-divorzju kif ukoll iktar kmieni din il-ġimgħa dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Austin Gatt.

Il-Parlament, sfortunatament rari ħafna jgħarbel bis-serjeta’ l-ħidma tal-Gvern. Per konsegwenza l-kontabilita’ tal-Gvern lejn il-Parlament m’hemmx min jesiġi li sseħħ. Dan jista’ jinbidel jekk l-ispazju li qed ifittxu l-membri parlamentari li semmejt iktar il-fuq jitħallew jokkupawh.

Hekk biss il-Parlament ikun jista’ jaqdi l-funzjoni vera tiegħu.  

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (5) Anke’ Machiavelli kien jistħi

 Meta Lawrence Gonzi għamel il-proposta oriġinali illi d-divorzju jkun soġġett għal referendum huwa iġġustifika ruħu billi qal li l-ebda wieħed mill-partiti fil-Parlament ma kellu l-mandat elettorali fuq il-materja. Kien qal kliem fis-sens li mhux sewwa illi l-Parlament japprova leġislazzjoni li dwarha l-poplu ma kellux ċans jesprimi ruħu.

Il-pjan dakinnhar kien illi jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO, qabel ma din tidħol fis-seħħ kien meħtieġ li jkun hemm referendum biex dak li jkun approva l-Parlament jesprimi ruħu fuqu l-poplu.

Alternattiva Demokratika dakinnhar qalet li ma taqbilx li deċiżjoni dwar drittijiet ċivili jkunu soġġetti għal referendum. Għax dawn huma drittijiet ta’ minoranzi li għandhom ikunu affermati anke’ jekk il-maġġoranza ma tkunx trid.

Lawrence Gonzi dakinhar skandalizza ruħu kif seta’ jkun hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li ma jaqbilx mal-użu tal-għodda demokratika tar-referendum.

Joseph Muscat għamel il-kontijiet u rrealizza li Gonzi kien qed jipprova jaħdmu. Għax ir-referendum li ried Gonzi kien isir biss jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO. Muscat kien jaf li kien hemm numru ta’ Membri Parlamentari Laburisti li kienu kontra l-proposta ta’ JPO u Varist Bartolo. Dan il-fatt kien jassigura li l-pjan ta’ Gonzi jaħdem u r-referendum għalkemm imwiegħed  ma jkunx jista’ jsir.

Il-manuvri interni fil-Partit Laburista wasslu biex minflok ma Gonzi ħadem lil Muscat, għal darba Muscat ħadem lil Gonzi (bil-għajnuna ta’ JPO u Jesmond Mugliette). Għax il-Parlament approva mozzjoni imressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni li l-ewwel immorru għal referendum, u mbagħad, wara, jekk dan ikun approvat, tkun tista’ tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ JPO u Varist Bartolo.

Issa Muscat kien jaħseb li r-referendum m’hux ser jgħaddi . Ta’ l-anqas hekk stqarr f’wieħed mill-edizzjonijiet ta’ Inkontri immexxi min Joe Grima fuq Super One

Issa billi r-referendum approva d-dħul tad-divorzju f’Malta, dak li Gonzi u Muscat ilhom jipposponu irid jiġi ffaċċjat.

Muscat u l-parti l-kbira tal-Opposizzjoni jidher li ser jivvutaw favur (Marie Louis Coleiro ser tastjeni u Adrian Vassallo ser jivvota kontra). Carmelo Abela taż-Zejtun, to his credit iddeċieda li jbaxxi rasu għar-rieda popolari u ser jivvota favur.

Il-backbench tal-Gvern imħawwad. Skond Beppe Fenech Adami qed jitkellem waħdu. Ma jafx x’ser jaqbad jagħmel. Jekk tissejjaħ division l-ewwel isem min-naħa tal-Gvern li jissejjaħ hu dak tal-Onor David Agius. Ikollu jiddeċiedi waħdu x’ser jagħmel. Għax ma jistax jagħmel bħal ta’ qablu. Għax dak li jiġi qablu alfabetikament hu l-MP tal-Labour Carmelo Abela. Għalhekk din il-ġimgħa kiteb fin-Nazzjon u qal li ser jivvota  favur.

Dawk li qed jgħidu li ser jivvutaw kontra qed iwaħħlu fil-kuxjenza. Lil dawn jiena ngħidihom li l-kuxjenza issa ma tidħolx. Il-kuxjenza kellha sehem importanti sakemm il-Parlament iddeċied li jaħsel idejh bħal Ponzu Pilatu u flok ma jieħu deċiżjoni huwa talab lill-poplu jespimi ruħu f’referendum.

Il-kuxjenza kienet importanti nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju.

Imma malli ħareġ ir-riżultat tar-referendum issa m’huwiex iżjed kaz ta’ kuxjenza iżda tal-kredenzjali demokratiċi tal-membri parlamentari. Min m’huwiex lest li jivvota IVA  dwar il-liġi tad-divorzju qed juri disprezz lejn il-volonta tal-poplu u m’huwiex kapaċi jkun rappreżentant tal-poplu fil-Parlament.

L-għażla hi waħda sempliċi jew jivvutaw IVA kif ġew inkarigati jagħmlu mill-poplu permezz tar-referendum inkella jirreżenjaw. L-appoġġ għall-volonta’ popolari trid tkun totali, bla kundizzjoni.  Hekk intqal fl-2003 meta sar ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dakinnhar konna korretti. Hekk ukoll għandu jingħad u jsir illum.

Bil-gabrijoli bil-kuxjenza li qed jagħmlu Gatt, Gonzi u l-bqija naħseb li anke Machiavelli kien jistħi !

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (4)

(4) Il-Partit Progressiv ; fejn hu ?

Il-Partit Laburista għandu mexxej li stqarr li personalment hu favur id-divorzju imma jemmen li jrid iħalli lil kulħadd fil-liberta’ li jiddeċiedi skond il-kuxjenza.

Posizzjoni nobbli ħafna kieku, sakemm tinduna għalfejn. 

Għax Joseph Muscat qiegħed f’dilemma. Jemmen li bħala partit “progressiv” mhux biss għandu jkun favur id-divorzju imma għandu jkun fuq quddiem. Imma rrealizza li fuq din il-materja l-partit tiegħu m’hu progressiv xejn : hu konservattiv daqs il-PN.

Issa mill-PN tistenniha. Kien konsistenti ma dak li stqarr tul is-snin. Ngħiduha kif inhi: qatt ma stennejt li l-PN ikun favur id-divorzju. Forsi hemm xi żewġ membri parlamentari oħra li huma favur id-divorzju imma iddeċidew li joqgħodu lura. Imma xejn iktar mill-PN. Diġa qalu izjed milli mistenni Jeffrey Pullcino Orlando, Jesmond Mugliette u Karl Gouder.

Imma minn partit li jiddeskrivi lili nnifsu bħala “soċjalista, progressiv u moderat” kont nistenna mod ieħor. Li jkollok Membru Parlamentari wieħed jew tnejn li jaħsibha differenti wieħed jistenniha. Imma li l-parti l-kbira tal-Membri Parlamentari tal-Labour qed jaħsbuha, jistudjaw, għadhom ma qrawx il-liġi ……. tindika affarijiet oħra.

Qiegħed jirriżulta li l-Partit Laburista taħt Joseph Muscat huwa partit konservattiv.

Politika tal-lanzit – frott il-paniku

mugliett_jesmond-sm1.jpgdcg01.jpgbrincat_joe-sm1.jpg

L-artiklu tal-lum ta’ Daphne Caruana Galizia f’ The Malta Independent on Sunday bit-titlu Choose Labour for a New Beginning hu tat-tqalliegħ tal-istonku. Kumbinazzjoni jikkumplimenta l-billboards li tella’ l-PN madwar Malta illum.Ma tistax tpoggi lill-membri parlamentari laburisti fl-istess keffa. L-istess jgħodd ghall-dawk tal-PN.Daphne tiftakar fl-artiklu tagħha stess ta’ nhar il-15 ta’ Lulju 2007 fil-Malta Independent (daily) intitolat : Get rid of him, for God’s sake dwar il-Ministru Jesmond Mugliett. Dak l-artiklu kienet ikkonkludietu bis-segwenti kliem :“The Transport Minister’s behaviour in sticking his neck out for his corrupt canvasser is one of the nails that will lose the battle for this government – because, in turn, it made the Prime Minister stick out his neck for him, and now look what’s happened.”  Jesmond Mugliett u uħud mill-Membri Parlamentari Laburisti li semmiet ma hemmx x’tagħżel. Fl-istess ilma qegħdin.Inħoss iżda b’mod partikolari li kienet inġusta ma’ Joe Brincat, Shadow Minister għall-Ambjent f’isem il-Partit Laburista. Tajjeb li ngħid li Joe Brincat kien il-Ministru responsabbli ghall-Housing fil-legislatura 1976-81 li beda l-attakk kontra l-favoritiżmu politiku fl-allokazzjoni tal-housing socjali.Tant kien effettiv li fil-Partit Laburista dakinnhar ħadmu kontrieh u ma irnexxielux jitla’ fil-Parlament ħlief b’elezzjoni każwali. Kien hu ukoll l-uniku wieħed mill-grupp parlamentari laburista li kien preżenti ghall-funeral ta’ Raymond Caruana f’Diċembru 1986 fil-Gudja. Jekk niftakar tajjeb kien akkumpanjat minn ibnu.B’mod pubbliku kien l-uniku wieħed mill-MLP li dakinnhar iddisassoċja ruħu mill-vjolenza politika. Dakinhar kien Deputy Leader tal-MLP.Bħal kull wieħed minna għandu d-difetti tiegħu u mhux dejjem qbilt ma dak li jgħid.Imma jkolli nghid li nippreferi elf Joe Brincat minn nies bħal Jesmond Mugliett.B’artikli bħal tal-lum Daphne qegħda tippropaga politika tal-lanżit.Dan hu kollu frott il-paniku.