
Simon irid koalizzjoni. Koalizzjoni kontra l-korruzzjoni. Imma l-koalizzjoni m’għandiex tkun biss kontra l-korruzzjoni, imma fuq kollox għandha tkun koalizzjoni favur it-tmexxija għaqlija (good governance).
Għal Simon Busuttil l-unika mod kif tieħu forma din il-koalizzjoni hi jekk tinġabar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Fil-prattika dan ifisser li Simon Busuttil irid li jibla l-partiti ż-żgħar billi jipprova jikkondizzjonhom illi jekk huma kontra l-korruzzjoni (u favur it-tmexxija għaqlija) posthom hu mal-Partit Nazzjonalista. Dan qiegħed jingħad b’mod ċar ħafna bħal per eżempju fl-editorjal tat-Times ta’ nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru 2016 intitolat How many a Salvu is there?
It-Times bħal Simon tgħid li “Given our electoral system, to achieve that realistically would mean that people like Mr Mallia, Dr Farrugia and others who share the same ideals would have to stand on the PN ticket even if they might not feel totally at home with the party.”
Imma t-Times iżżid tgħid li dan kollu (li l-koalizzjoni isseħħ ġewwa l-PN) hi “an issue of concern”. Għax, ikompli jargumenta l-editorjal tat-Times, li tirbaħ elezzjoni mhux kollox. Għax wara irid ikollok il-kapaċità li tiggverna.
L-editorjal jirreferi għall-instabilità tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi b’referenzi speċifiċi għal Franco Debono u Jeffrey Pullicino Orlando u jagħti parir lill-Partit Nazzjonalista li jekk qed joħlom dwar l-allejanzi għandu jaħseb fit-tul, għax l-allejanzi għandhom ikunu ibbażati “on sound political principles and on a clear and agreed electoral programme”. Dan hu l-messaġġ rejali tat-Times u mhux il-lixka li bela sa grixmejh Salvu Mallia. Il-Times ġustament qed temfasizza li x-xogħol rejali tal-koalizzjoni li qed joħlom biha Simon jibda wara l-elezzjoni u allura huwa importanti ħafna li koalizzjoni tkun mibnija fuq programm politiku miftiehem u mhux li individwi jintelqu fi ħdan partit avolja jafu (kif iddikjara Salvu Mallia innnifsu) li hemm diversi affarijiet li dwarhom ma jaqblux mal-istess partit.
Il-proposta ta’ Simon Busuttil hi ibbażata fuq il-kannibaliżmu politiku. Koalizzjoni serja min-naħa l-oħra tkun ibbażata fuq programm politiku miftiehem u fuq ir-rispett sħiħ tal-elementi kollha li jiffurmawha. Ma hemmx lok għal fiduċja għamja. Il-fiduċja għamja fit-tmexxija politika, bħala pajjiż, wasslitna sal-punt diżastruż li qegħdin fih illum.
Is-soluzzjoni għall-kriżi etika fil-politika Maltija mhiex li tkun ikkonsolidata sistema ta’ Parlament b’żewġ partiti imma li jkollna Parlament b’iżjed minn żewġ partiti. Ma hemmx bżonn emendi fil-liġijiet tal-pajjiż biex dan ikun jista’ jsir. Isir meta jirnexxielna nfehmu lin-nies li din hi is-saħħa rejali tal-vot ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għax filwaqt li hu importanti li min m’għandux idea ta’ tmexxija għaqlija (good governance) jaqla’ ċamata tajba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, huwa daqstant ieħor importanti li l-ebda partit politiku ma jkollu iktar il-kontroll assolut tal-makkinarju tal-istat.
Din hi l-ikbar u l-aħjar garanzja kontra l-korruzzjoni u favur it-tmexxija għaqlija.