Michael Gonzi fehem eżattament x’ġara. Hekk ta’ l-inqas qalilna fil-blogpost tieghu intitolat Analysis of Defeat bid-data tas-16 ta’ Marzu 2013.
Il-PN, jgħidilna Michael Gonzi f’din il-blogpost, tilef l-elezzjoni għax il-votanti kellhom l-impressjoni li l-Gvern kien inkompetenti (“The perception of an incompetent government.”)
Michael jgħidilna li l-votanti injoraw il-ġid kbir li għamel ħuħ Lawrence u iddeċidew a bażi ta’ affarijiet żgħar (the micro-elements).
Naħseb li Michael qed jgħix f’dinja oħra għax kieku kien jirrifletti ftit fuq il-kliem tad-deheb “Flimkien kollox possibli” forsi jifhem ftit li dak il-“flimkien” ma fisser xejn matul il-ħames snin li għaddew.
Nissuggerixxi lil Michael Gonzi biex jaqra ftit artiklu miktub minn Simon Busuttil fit-Times ta’ Malta tat-12 ta’ Marzu 2008 bit-titlu All together now.
B’idu fuq il-kuxjenza Michael jista’ jipprova jiżen ftit u jgħarbel. L-aħħar sentenza tal-artiklu ta’ Busuttil tgħid kollox: “We are one country, one nation and one family. And the onus lies on the winners to make sure there are no losers. To reach out and rope people in.”
Jidher li Michael għadu ma fehem xejn!