Xkupilja għal Lawrence Gonzi

Interessanti l-iżviluppi ta’ l-aħħar sigħat dwar il-kandidati tal-PN għall-elezzjoni ġenerali.

L-aħħar waħda hi l-kandidatura ta’ David Casa li ser jikkontesta fuq d-distrett elettorali li minnu tela’ Franco Debono fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Meta wieħed iqies li Gonzi kontinwament jgħid li għandu l-obbligu li jibqa’ hemm sa’ l-aħħar, inkluż li qed jippjana li jippreżenta l-budget għal Novembru hu inevitabbli l-ħsieb li dawn huma kollha manuvri intenzjonati biex tqanqal ritaljazzjoni ta’ Franco Debono fil-Parlament.

Ħadd ma jaf eżattament x’ser jagħmel Franco meta jiltqa’ l-Parlament f’Ottubru. Kien hemm diversi dikjarazzjonijiet imma l-iktar li jispikkaw fosthom kienu tlieta.

L-ewwel li m’huwiex lest li jappoġġa Gvern li għandu lill-Austin Gatt bħala Ministru.

It-tieni li min qed jagħtih bis-sieq m’għandux jippretendi appoġġ da parti tiegħu.

It-tielet li fi ħsiebu jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru tas-Saħħa Joe Cassar.

Kummenti f’dan is-sens hemm kemm trid fil-blog ta’ Franco.

Sadanittant l-Awtorita’ tax-Xandir sejħet laqgħa mal-Partiti Politiċi biex ikun diskuss programm ta’ Xandiriet politiċi għall-elezzjoni ġenerali.

Għad hemm xi ħadd li jaħseb li l-elezzjoni ġenerali m’hiex wara l-bieb?  L-unika ħaġa mhux deċiża hi min ser jieħu t-tort talli tissejjaħ kmieni. Jekk jerfax il-piz Gonzi jew inkella jekk jippruvax ifarfar fuq Franco.

Mater Dei ………. ora pro nobis

Louis Deguara li kien Ministru tas-Saħħa sal-elezzjoni tal-2008 għadu kif iddikjara illi huwa ma kienx jaqbel mal-ftehim kollettiv iffirmat bejn  il-Gvern u t-tobba lejlet l-elezzjoni tal-2008.

It-Times tal-beraħ fil-fatt jikkwotah hekk :

“The Health Division never agreed with the final agreement because we knew it was seriously flawed. As a department it never agreed to the final draft,” Dr Degu­ara said when contacted yesterday.

Huwa kien qed jikkummenta b’reazzjoni għal dak li qal iktar kmieni din il-ġimgħa Dr Joe Cassar il-Ministru tas-Saħħa attwali li qiegħed jilmenta illi l-ftehim kollettiv huwa mażra m’għonq il-Ministeru  tas-Saħħa.

Jiġifieri l-posizzjoni kienet :

1)     Saru negozjati bejn it-tobba u l-Ministeru tas-Saħħa.

2)     L-uffiċjali tal-Ministeru kif ukoll dawk tad-Diviżjoni tas-Saħħa ma qablux ma kif żviluppaw dawn in-negozjati u in partikolari mat-talbiet tat-tobba u n-negozjati daħlu fi sqaq.

3)     Il-Union tat-tobba għamlet pressure fuq il-Gvern u l-Gvern ċeda kontra l-parir li kellu.

4)     Il-Ministru Deguara baxxa rasu u aċċetta li jkun iffirmat ftehim li ma jaqbilx miegħu.

Issa qed jirriżulta li Louis Deguara kellu raġun.

Min ser iġorr ir-responsabbilta’ politika?

Huwa ċar li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi injora l-prinċipji kollha ta’ amminsitrazzjoni tajba biex minflok  bħalma jagħmel dejjem poġġa l-vantaġġ politiku qabel dak li hu sewwa.

GonziPN m’huwiex interessat li jamministra l-pajjiż sewwa. Hu interessat biss li jibqa’ fil-Gvern.

Dawn huma l-prinċipji li fuqhom hu mibni l-Gvern tal-lum. M’huwiex gvern tal-Maltin. Hu biss gonzipn.

Power corrupts. Absolute power corrupts absolutely.