Leo Brincat kellu raġun meta nhar it-Tnejn 7 ta’ Lulju 2014 fil-Parlament emfasizza li għal bosta l-iżvilupp sostenibbli huwa bħaċ-chewing gum. Iġebbdu u jmeċilqu u meta jispiċċaw, la huma u wisq inqas min jismagħhom ma jkollu idea x’qalu. Id-diskussjoni ta’ nhar it-Tnejn fl-opinjoni tiegħi, kienet waħda minn dawn it-tip tad-diskussjonijiet.
Leo Brincat għamel tajjeb li emfasizza kemm huma meħtieġa l-istrutturi biex titfassal u titwettaq il-politika tal-iżvilupp sostenibbli.
L-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli ilha li tfasslet. L-obbligu li jinħolqu l-istrutturi meħtieġa biex din l-istrateġija tibda titwettaq ilu magħna mill-2007. Kien ikun għaqli kieku l-kelliemi tal-Opposizzjoni spjega għaliex ma sar xejn matul il-perjodu 2008-2013 minkejja li l-PN fil-Gvern poġġa l-iżvilupp sostenibbli bħala mira ewlenija tiegħu. Imma sfortunatament ma kienx kapaċi jagħmel dan. Il-kwalita’ tal-kontribut (jew in-nuqqas tiegħu) li jagħtu l-kelliema diversi fil-Parlament ħafna drabi hi rifless tal-importanza li l-partiti jagħtu lill-materja. Il-faqar tal-kontribut ta’ l-Onor Charlo Bonnici jirrifletti n-nuqqas tal-importanza li l-PN dejjem ta’ lill-iżvilupp sostenibbli. Nifhem li bħall-predeċessur tiegħu, Simon Busuttil m’għandux minnfejn jagħżel. Irid jaħdem b’dak li għandu. M’hemmx x’tagħmel.
Carmelo Abela min-naħa tal-Gvern ukoll qagħad idur mal-lewża. Meta tagħsar dak li qal ma issib xejn. Robert Arrigo ipprova jimla ftit minuti billi tkellem fuq it-turiżmu, iġebbed ftit l-argumenti bħaċ-ċhewing gum.
Ryan Callus miss punt importanti meta emfasizza li l-fatt li l-iżvilupp sostenibbli ma jiffurmax parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru m’huwiex pass tajjeb. Dan minħabba li l-politika tal-iżvilupp sostenibbli tmiss l-oqsma kollha tal-politka u huwa biss il-Prim Ministru li għandu l-awtorita’ politika li jiddirieġi u jikkordina bejniethom dawn l-oqsma.
Għoġobi l-aħħar kumment ta’ Leo Brincat. Li l-iżvilupp sostenibbli jwassal għal iggvernar tajjeb. Kejl tajjeb illi kieku nagħrfu nużawħ nirrealizzaw kemm għadna lura.
_______________
Għal iktar informazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, fuq dan il-blog tista’ taqra s-segwenti:
30/6/2014 : Green Talk but no more.
04/01/2014: Tomorrow may be too late.
14/12/2013: Tackling the Green skills gap.
02/11/2013 : Towards a Circular Economy.
01/12/2012 : Sustainable water policy required.
17/10/2009 : Sustainable Development Politics.
29/06/2009: The politics of Sustainable Development.
02/05/2009 : Tackling Sustainable Development
21/06/2008 : Sustainable localities & regionalisation.