Toni Bezzina : proposta għal Villa ODZ

Toni Bezzina, Perit u Membru tal-Parlament, applika fisem il-familja biex jibni ODZ. Fatt li ġie żvelat illum fil-gazzetta KulĦadd.

Id-deskrizzjoni tal-applikazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Awtoritá tal-Ippjanar tgħid hekk: Rehabilitation and restoration of existing almond grove and World War II living quarters and observation room. Proposed pool and new access. Imma meta tara l-pjanti issib xi ħaġa oħra: villa bi tlett ikmamar tas-sodda u swimming pool fODZ.

Għażel li jirtira l-applikazzjoni minħabba l-lealtá tiegħu lejn il-partit, qal.

Imma Toni Bezzina ma qalx li hu wieħed mill-awturi tar-rapport tal-PN dwar l-ambjent.

Kif inhu possibli li tkun temmen dak li inkiteb fir-rapport u fl-istess ħin tippreżenta dik l-applikazzjoni biex tinbena villa ODZ?

Ir-risposta hi sempliċi, għax dak li tkun ktibt ma temminx fih, bħall-PN inifsu li bħalissa jrid jipprova jikkonvinċina li qalbu taħarqu għall-ambjent. Ovvjament, l-applikazzjoni taToni Bezzina hi prova ta kemm qed jippruvaw jgħaddu n-nies biżżmien.

Simon jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta

Toni Bezzina + politika onesta

 

Qiegħed attent biex ħadd ma jaqbeż il-linja. Biex iżomm id-dixxiplina u jassigura ruħu li min jiżbalja jieħu dak li ħaqqu. Immedjatament. L-anqas minuta ma jdum! “Barra! Barra!” Kien qalilna.

Hekk kif ir-raġel ta’ Giovanna Debono ittella’ l-Qorti akkużat b’diversi abbużi dwar użu ta’ fondi pubbliċi żamm kelmtu w issospenda lil Giovanna immedjatament.

Għamel l–istess meta is-Sindku ta’ Victoria f’Għawdex Samwel Azzopardi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku u irrifjuta li joqgħod għall-breathalyser. Kien sospiż (jew issospenda ruħu) dakinnhar. Imma issa li nstab ħati tneħħiet is-sospensjoni. Din serjetà?

Mela l-mannara għal Giovanna biss?

Hi iktar tal-biki l-qagħda ta’ Toni Bezzina li dwaru hemm l-allegazzjoni serja li uża riżorsi tal-Gvern biex waqt il-ħin tax-xogħol sar xogħol ta’ tibjid fil-Każin Nazzjonalista taż-Żurrieq fl-2012. Bezzina fetaħ żewġ kawżi tal-libell “biex inaddaf ismu” imma dawn il-kawżi tilifhom it-tnejn. Mela ovvjament ismu ma naddfux. U qiesu ma ġara xejn !

Imma bilħaqq issa Toni Bezzina ser jappella. B’hekk itawwal ftit taż-żmien.

Wieħed kellu raġel. Dr Joseph Cassar il-pjikjatra. Meta irrealizza li żbalja, dabbar rasu. Refa fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ egħmilu.

L-aqwa li Simon Busuttil jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta.

Simon ………….. il-minuta għaddiet

toni-bezzina-parlament

Il-każ tal-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina hu wieħed inkwetanti. Mhux biss hu rifless ta’ użu abbużiv ta’ riżorsi pubbliċi imma ukoll xhieda tal-ġilda ħoxna li rabba’ l-Partit Nazzjonalista biex mingħalih inaqqas l-impatt ta’ din l-imġieba li ċertament mhiex imġieba tajba.

Issa li Toni Bezzina tilef iż-żewġ każi ta’ libell u li per konsegwenza l-allegazzjonijiet kontrih jirriżulta li huma korretti, qed nistennew  x’passi dixxiplinari ser jieħu Simon Busuttil. Għax għaddew ħafna iktar mill-minuta li Dr Busuttil kien qal li għandu bżonn biex jiddeċiedi.

Imma mid-dehra ser indumu nistennew. Għax bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti.

Tal-biki.

Il-każ ta’ Toni Bezzina, Membru Parlamentari tal-PN

Pullicino + Bezzina

Il-gazzetta tal-Partit Laburista, KullĦadd, il-bieraħ ippubblikat storja dwar Toni Bezzina, Perit fid-Direttorat Ġenerali tax-Xogħolijiet (jiġifieri l-Public Works) u Membru Parlamentari tal-PN, elett mill-ħames distrett. L-istorja, skond il-gazzzetta hi ibbażata fuq rapport ta’ inkjesta liema rapport għadu mhux ippubblikat. Ġew ippubblikati biss siltiet selettivi minnu fil-gazzetta tal-Partit Laburista KulĦadd.

Mhux ser noqgħod nistaqsi min ħareġ dan ir-rapport, għax it-tweġiba hi ovvja. Il-partit fil-Gvern jidhirlu li jista’ jieħu vantaġġ politiku minn din il-publikazzjoni u allura ħareġ l-istorja. Xejn ġdid s’hawn. Il-Gvern seta mexa ħafna aħjar kieku ppubblika r-rapport kollu flok partijiet selettivi minnu. Għax qabel il-vantaġġ politiku hemm id-dritt tal-pubbliku li jkun infurmat. It-trasparenza, sfortunatament, mhiex parti mill-vokabolarju ta’ dan il-Gvern.

Il-każ huwa dwar ħaddiema tal-Gvern (mid-Direttorat Ġenerali tax-Xogħolijiet) li kienu mqabbda jagħmlu xi xoghol ta’ manutenzjoni fil-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq meta l-Perit Toni Bezzina kien President tal-istess każin qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013. Qed jingħad li x-xogħol sar waqt il-ħinijiet normali tax-xogħol (bil-pagi ovvjament imħallsa mill-Gvern) u probabbilment li intuża ukoll materjal imħallas minn fondi pubbliċi. Qed nifhem li l-Perit tal-Gvern inkarigat minn dawn il-ħaddiema kien ukoll Toni Bezzina.

Hemm ħafna x’jiġi imwieġeb dwar dan kollu.

L-ewwel u qabel kollox ir-rapport għandu jkun ippubblikat kollu mingħajr dewmien mill-Ministru Joe Mizzi li illum huwa responsabbli mid-Direttorat Ġenerali tax-Xogħolijiet.

Wara dan tkun tinħtieġ spjega mill-Ministru ta’ dakinnhar, jiġifieri George Pullicino (illum kelliemi tal-PN għall-Kindergarten). Jeħtieġ li Pullicino jispjega għalfejn dan ir-rapport inħeba. Probabbilment li George Pullicino jagħtina r-risposta tas-soltu, kull meta jkun dahru mal-ħajt: li hu ma kellux x’jaqsam u ma jaf b’xejn. Probabbilment ukoll li jwaħħal fis-Segretarju Permanenti li kellu.

Jekk hemm provi dwar l-abbużi allegati, hemm bżonn ta’ ferm iktar minn spjegazzjoni mingħand Toni Bezzina. Li kieku dan ir-rapport ħareġ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 probabbilment li Toni Bezzina ma kienx jitħalla joħroġ għall-elezzjoni. Min jaf, forsi għalhekk baqa’ mistur dan ir-rapport?

Dan kien jonqsu l-Partit Nazzjonalista fil-Ħames Distrett! Il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti.