Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (5) Anke’ Machiavelli kien jistħi

 Meta Lawrence Gonzi għamel il-proposta oriġinali illi d-divorzju jkun soġġett għal referendum huwa iġġustifika ruħu billi qal li l-ebda wieħed mill-partiti fil-Parlament ma kellu l-mandat elettorali fuq il-materja. Kien qal kliem fis-sens li mhux sewwa illi l-Parlament japprova leġislazzjoni li dwarha l-poplu ma kellux ċans jesprimi ruħu.

Il-pjan dakinnhar kien illi jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO, qabel ma din tidħol fis-seħħ kien meħtieġ li jkun hemm referendum biex dak li jkun approva l-Parlament jesprimi ruħu fuqu l-poplu.

Alternattiva Demokratika dakinnhar qalet li ma taqbilx li deċiżjoni dwar drittijiet ċivili jkunu soġġetti għal referendum. Għax dawn huma drittijiet ta’ minoranzi li għandhom ikunu affermati anke’ jekk il-maġġoranza ma tkunx trid.

Lawrence Gonzi dakinhar skandalizza ruħu kif seta’ jkun hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li ma jaqbilx mal-użu tal-għodda demokratika tar-referendum.

Joseph Muscat għamel il-kontijiet u rrealizza li Gonzi kien qed jipprova jaħdmu. Għax ir-referendum li ried Gonzi kien isir biss jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO. Muscat kien jaf li kien hemm numru ta’ Membri Parlamentari Laburisti li kienu kontra l-proposta ta’ JPO u Varist Bartolo. Dan il-fatt kien jassigura li l-pjan ta’ Gonzi jaħdem u r-referendum għalkemm imwiegħed  ma jkunx jista’ jsir.

Il-manuvri interni fil-Partit Laburista wasslu biex minflok ma Gonzi ħadem lil Muscat, għal darba Muscat ħadem lil Gonzi (bil-għajnuna ta’ JPO u Jesmond Mugliette). Għax il-Parlament approva mozzjoni imressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni li l-ewwel immorru għal referendum, u mbagħad, wara, jekk dan ikun approvat, tkun tista’ tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ JPO u Varist Bartolo.

Issa Muscat kien jaħseb li r-referendum m’hux ser jgħaddi . Ta’ l-anqas hekk stqarr f’wieħed mill-edizzjonijiet ta’ Inkontri immexxi min Joe Grima fuq Super One

Issa billi r-referendum approva d-dħul tad-divorzju f’Malta, dak li Gonzi u Muscat ilhom jipposponu irid jiġi ffaċċjat.

Muscat u l-parti l-kbira tal-Opposizzjoni jidher li ser jivvutaw favur (Marie Louis Coleiro ser tastjeni u Adrian Vassallo ser jivvota kontra). Carmelo Abela taż-Zejtun, to his credit iddeċieda li jbaxxi rasu għar-rieda popolari u ser jivvota favur.

Il-backbench tal-Gvern imħawwad. Skond Beppe Fenech Adami qed jitkellem waħdu. Ma jafx x’ser jaqbad jagħmel. Jekk tissejjaħ division l-ewwel isem min-naħa tal-Gvern li jissejjaħ hu dak tal-Onor David Agius. Ikollu jiddeċiedi waħdu x’ser jagħmel. Għax ma jistax jagħmel bħal ta’ qablu. Għax dak li jiġi qablu alfabetikament hu l-MP tal-Labour Carmelo Abela. Għalhekk din il-ġimgħa kiteb fin-Nazzjon u qal li ser jivvota  favur.

Dawk li qed jgħidu li ser jivvutaw kontra qed iwaħħlu fil-kuxjenza. Lil dawn jiena ngħidihom li l-kuxjenza issa ma tidħolx. Il-kuxjenza kellha sehem importanti sakemm il-Parlament iddeċied li jaħsel idejh bħal Ponzu Pilatu u flok ma jieħu deċiżjoni huwa talab lill-poplu jespimi ruħu f’referendum.

Il-kuxjenza kienet importanti nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju.

Imma malli ħareġ ir-riżultat tar-referendum issa m’huwiex iżjed kaz ta’ kuxjenza iżda tal-kredenzjali demokratiċi tal-membri parlamentari. Min m’huwiex lest li jivvota IVA  dwar il-liġi tad-divorzju qed juri disprezz lejn il-volonta tal-poplu u m’huwiex kapaċi jkun rappreżentant tal-poplu fil-Parlament.

L-għażla hi waħda sempliċi jew jivvutaw IVA kif ġew inkarigati jagħmlu mill-poplu permezz tar-referendum inkella jirreżenjaw. L-appoġġ għall-volonta’ popolari trid tkun totali, bla kundizzjoni.  Hekk intqal fl-2003 meta sar ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dakinnhar konna korretti. Hekk ukoll għandu jingħad u jsir illum.

Bil-gabrijoli bil-kuxjenza li qed jagħmlu Gatt, Gonzi u l-bqija naħseb li anke Machiavelli kien jistħi !

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (3)

(3) Bejn kalkoli u realta’  

L-issues f’dan id-dibattitu qed jiżviluppaw kontinwament. Il-posizzjonijiet huma fluwidi ħafna b’mod partikolari fiż-żewġ partiti l-kbar. L-ebda wieħed mill-partiti l-kbar m’hu kompatt. Dan hu normali f’pajjiż demokratiku u f’soċjeta’ li qed tinbidel. 

Il-PN ħa posizzjoni kontra l-introduzjoni tad-divorzju.  Huwa konxju li fil-PN innifsu hemm opinjonijiet oħra. Mhux biss ta’ dawk li esprimew ruħhom pubblikament. Iżda ukoll ta’ dawk li fissru l-fehma tagħhom wara l-bibien magħluqin. Kemm fil-laqgħat formali tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN kif ukoll f’laqgħat oħra informali li jsiru kontinwament.

M’għandix dubju li fil-grupp parlamentari tal-PN hemm min ser isibha diffiċli biex jittraduċi fehma favur id-divorzju b’vot favur fil-Parlament. Dan minħabba l-kalkoli politiċi. Dan hu riżultat tal-fatt li s-soċjeta’ tagħna qed tinbidel bil-mod. Dak li qed jgħidu u jagħmlu l-Membri Parlamentari mhux neċessarjament li jirrifletti l-valuri tal-votanti. 

Il-familja ukoll qegħda fi stat ta’ metamorfosi. Il-familja reali m’għadhiex dik tradizzjonali iżda l-istat miexi bil-mod wisq biex jirrikonoxxi l-uġiegħ ta’ nies u l-forom ġodda ta’ familja li ilhom is-snin li nibtu fostna. Mhux il-punt jekk taqbilx jew le. Iżda li tiftaħ għajnejk għar-realta. 

Il-Labour għandu nukeju immexxi minn Joseph Muscat u rappresentat prinċipalment minn Evarist Bartolo li jaċċetta d-divorzju. Pero’ għandu numru mhux żgħir ta’ Membri tal-Parlament li huma inċerti dwar x’ser jagħmlu. Ta’ l-inqas dik l-impressjoni li jagħtu ħafna minnhom ħlief Adrian Vassallo li fuq din il-materja tad-divorzju għandu ideat ċari u huwa iktar konservattiv mill-PN.  Bosta mill-Membri Parlamentari l-oħrajn qed jistudjaw, huma inċerti, għad iridu jaqraw il-liġi, qed jieħdu l-pariri …………. għadhom qed jagħmlu l-kalkoli.

Il-Labour qiegħed fi stat ta’ transizzjoni bejn il-veduti konservattivi li qed tirriġetta bil-mod s-soċjeta’ Maltija u viżjoni progressiva tas-soċjeta li tirikonoxxi l-uġiegħ tan-nies u r-realta’ ta’ forom alternattivi ta’ familja.

Alternattiva Demokratika (AD) hi l-uniku partit politiku kompatt dwar id-divorzju. Il-fatt li  hu partit żgħir u bi storja riċenti hu ta’ relevanza kbira għal dan.

AD biss għandha l-appoġġ tal-votanti tagħha favur id-divorzju. Dan għax sa mit-twaqqif ta’ AD fl-1989 iddikjarat ruħha favur id-divorzju u inkludiet proposti konkreti f’dan is-sens f’kull programm elettorali u ċjoe f’dawk għall-elezzjonijiet ġenerali tal-1992, 1996, 1998, 2003, 2008.   

 

Qegħdin f’salib it-toroq : fit-triq diffiċli bejn il-kalkoli u r-realta’. L-uġiegħ tan-nies qiegħed hemm fejn jarah kulħadd jistenna l-Parlament jiċċaqlaq.

Ir-referendum jidher li ser ikun l-għodda magħżula biex tħoll il-kobba. M’hiex l-aħjar għodda. Għax id-drittijiet ċivili naddottawhom billi nimmaturaw u nifhmu li hemm opinjonijiet differenti li jistgħu jeżistu flimkien. Opinjoni ma teskludix oħra.

M’huwiex faċli li tgħid x’ser tkun il-konkużjoni. Għalhekk l-inċertezza fost il-Membri tal-Parlament li huma imdorrijin jiddeċiedu f’termini ta’ maġġoranza u minoranza hi kbira.

Għad jonqos ir-rispett ta’ opinjonijiet differenti u r-rikonoxximent tal-fatt li forom differenti ta’ familja diġa’ jezistu.  Avolja l-istat Malti ma jirrikonoxxihomx. L-introduzzjoni tad-divorzju hu pass importanti f’din it-triq tal-għarfien tar-realta’. L-uġiegħ tan-nies qed jistenna.

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (2)

(2) Referendum : Meta ?

Id-dibattitu pubbiku dwar id-divorzju kull ma jmur jitħawwad jew aħjar iħawduh. 

Il-PN irid referendum wara li l-Parlament japprova l-abbozz ta’ liġi. (Dejjem jekk l-abbozz ta’ liġi jkun approvat.) Il-Labour irid referendum qabel ma jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi fil-Parlament.

Alternattiva Demokratika jidhrilha illi  l-introduzzjoni tad-divorzju tikkonċerna dritt ċivili ta’ minoranza. Anke’ jekk il-maġġoranza ma tridx taf b’dan id-dritt, xorta hu neċessita.’ L-approvazzjoni għandha ssir direttament mill-Parlament mingħajr il-bzonn ta’ referendum.

Il-PN irid ir-referendum wara d-dibattitu Parlamentari biex ikun jista’ joħloq ostaklu doppju: jekk il-liġi tad-divorzju tgħaddi mill-Parlament ikollu it-tieni possibilita’ li jivvota kontra u b’hekk jipprova jagħmel użu mir-referendum biex jimmina l-introduzzjoni ta’ dan id-dritt. Jekk ir-referendum isir qabel id-diskussjoni Parlmentari l-PN ikollu problema kbira f’każ li r-riżultat tar-referendum ikun favur id-divorzju. Għax f’każ ta’ konflit bejn ir-rieda demokratika tal-poplu espressa f’referendum u l-prinċipji/valuri tal-PN  nimmaġina li bosta mill-Membri Parlamentri tal-PN mhux ser iħosshom komdi jivvotaw favur il-proposti ta’ Jeffrey Pullicno Orlando.  Ikun hemm kriżi kbira ta’ kuxjenza.

Il-PL irid ir-referendum qabel id-dibattitu Parlamentari biex f’każ ta’ riżultat favorevoli l-Membri Parlamentari tiegħu kollha (ħlief Adrian Vassallo li diġa iddikjara li ħadd u xejn m’hu ser iċaqalqu hlief jekk jinżel ikelmu Gesu Kristu) forsi jserħu l-kuxjenza u jkunu jistgħu jivvutaw favur id-divorzju biex iwettqu r-rieda tal-poplu. Jekk ir-referendum jagħti riżultat negattiv il-Labour ikun jista’ jaħsel idejh u b’hekk ikun qiegħed iwettaq ir-rieda popolari ukoll!  B’hekk pero’ jevita li jkun hu l-ewwel li jieħu posizzjoni fuq id-divorzju.

Fid-dawl ta’ din il-politika ta’ straġemmi li jħammru wiċċ Machiavelli mhux faċli ghall-Membri tal-Parlament li jieħu posizzjoni u fl-istess ħin jevitaw li jinġarru mill-mewġ tal-konvenjenza.

L-aħjar kumment li rajt s’issa kien ta’ wieħed mill-Membri Parlamentari tal-PN li ġie ikkwotat jgħid li x’jaħseb jew ma jaħsibx kull wieħed minna huwa irrelevanti ħdejn l-obbligu li għandna li ma nimponux il-veduti tagħna fuq ħaddieħor. 

Fid-dawl ta’ dan kollu nifhem li r-referendum qabel id-diskussjoni parlamentari tista’ tkun id-deċiżjoni t-tajba li b’hekk tittieħed mill-poplu direttament.  Id-deċiżjoni b’hekk tittieħed mill-poplu ġaladarba l-Membri Parlamentari qed isibu diffikulta li jagħmlu xogħolhom.